ĦIDMIETNA SABIEX INLESTU MALTA GĦALL-FUTUR 


X’impatt dirett ħalla fuq il-poplu Malti l-Baġit 2018?

Ir-reazzjonijiet li kien hemm għall-Baġit 2018 minn kull faxxa tal-ħajja juru biċ-ċar li l-impatt kien wieħed pożittiv ħafna. Dan joħroġ ukoll mir-reazzjoni tal-korpi kostitwiti.

X’impatt għamlet  l-ekonomija fit-turiżmu? Żdied l-infieq tat-turisti?

Din is-sena mistennija tkun sena oħra rekord għall-industrija tat-Turiżmu u għas-sena d-dieħla, in-numru ta’ turisti mistenni jkompli jikber, grazzi għar-rotot ġodda li se jiftħu kemm mill-Air Malta kif ukoll minn diversi linji tal-ajru oħrajn.

Fl-aħħar erba’ snin kien reġistrat numru rekord ta’ passiġġieri li żaru Malta bil-cruiseliners, ritmu li mistenni jinżamm anke din is-sena. Skond ċifri miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri biċ-ċar li l-infieq tat-turiżmu ġewwa pajjiżna qiegħed jiżdied. Fl-2014 in-nefqa kienet ta’ €1.5 biljuni, fl- 2015 €1.6 biljuni, fis-sena 2016 in-nefqa kienet ta’ €1.7 biljuni u statistika miġbura sa Awwissu ta’ din is-sena diġa leħqet €1.3 biljuni.

 X’inhu tbassir tal-andament tal-ekonomija u l-finanzi pubbliċi?

Qabel ma ngħaddi għat-tbassir ekonomiku u finanzjarju lokali nixtieq nagħti ftit ħarsa lejn it-tbassir internazzjonali għas-snin li ġejjin. L-aħħar tbassir juri li t-tkabbir ekonomiku globali mistenni jissaħħaħ fis-snin li ġejjin hekk kif pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u pajjiżi emerġenti mistennijin jirpiljaw.

Il-Fond Monetarju Ewropew ibassar li l-tkabbir globali mistenni jkun ta’ 3.6 fil-mija fis-sena 2018. Pajjiżi avvanzati mistennijin jikbru b’rata moderata, infatti jekk inħarsu lejn l-Istati Uniti din mistennija tikber bi 2.1 fil-mija. Pajjiżi emerġenti u pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw mistennijin jikbru b’rata aktar b’saħħitha ta’ 4.8 fil-mija. Għall-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro, il-Kummissjoni Ewropea qed tipprevedi tkabbir reali ta’ 1.8 fil-mija.

It-tbassir għal pajjiżna jikkompara ferm tajjeb kemm mat-tbassir globali kif ukoll ma’ dak tal-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro. Għas-sena li ġejja qegħdin nipprevedu li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ robust b’rata ta’ tkabbir ta’ 5.6 fil-mija f’termini reali u 7.6 fil-mija f’termini nominali. It-tkabbir mistenni jibqa’ jirrifletti t-tkabbir fil-konsum privat ta’ 4.1 fil-mija u żidiet sostanzjali fl-impjiegi ta’ 3.8 fil-mija u livell baxx ta’ qgħad li mbassar jkun ta’ 4.2 fil-mija. It-tkabbir mistenni jkun ukoll sostnut mit-tkabbir fl-investment ta’ 7.8 fil-mija. Dan fi sfond ta’ inflazzjoni li mistennija tkun moderata għal 1.5 fil-mija.

Fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, qegħdin nipprevedu tkabbir fl-esportazzjoni ta’ 2.5 fil-mija għas-sena-2018. Dan it-tkabbir jirrifletti ż-żidiet fl-esportazzjoni mistennijin minn diversi setturi li jinkludu fost oħrajn is-settur finanzjarju u dak tal-gaming kif ukoll it-turiżmu.

Fl-2018, mistenni li s-surplus ikun ta’ 0.5 fil-mija filwaqt li l-piż tad-dejn mistenni jkompli nieżel għal 50.8 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

Kien hemm bidla fl-andament ekonomiku f’Għawdex? Fejn saru l-investimenti, u xi proġetti hemm għal Għawdex? Iż-żgħażagħ Għawdxin gawdew mil-Baġit?

Mill-2012 ’l hawn, l-ammont ta’ residenti Għawdxin li jaħdmu full-time żdied b’2,106. Il-parti l-kbira ta’ din iż-żieda kienet f’postijiet tax-xogħol f’Għawdex stess. Fl-aħħar erba’ snin, l-ammont ta’ impjiegi full-time f’Għawdex żdied b’1,481. Din hi l-aqwa konferma li l-Gvern qed iwettaq il-wegħda li joħloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Se nagħtu iktar inċentivi biex jinħolqu impjiegi ġodda mas-settur privat f’Għawdex. Għal kull kuntratt ta’ xogħol għal tliet snin jew iżjed, tingħata rifużjoni ta’ 30% tal-paga medja ta’ impjegat sa massimu ta’ €6,000. Se nkunu qegħdin nallokaw fondi biex tinħoloq skema speċifika biex imprendituri Għawdxin li joperaw fis-settur tat-turiżmu, itejbu l-livell tal-istabbilimenti turistiċi.

Biex inkomplu nattiraw aktar investiment u xogħol lejn Għawdex, se jinbeda l-proġett tal-hub għar-riċerka u l-ICT u proġetti li jwasslu biex ikun hemm aktar spazji ta’ uffiċini fiż-żona industrijali tax-Xewkija.

Fost il-proġetti ġodda għas-sena d-dieħla, hemm il-farm sperimentali fejn se jkun hemm faċilitajiet ġodda għall-bdiewa u għas-sajjieda, ir-riorganizzazzjoni tal-Yacht Marina biex inżidu l-faċilitajiet; u r-restawr tal-Fanal tal-Ġordan u amenitajiet anċillari oħrajn.

Qed isir xogħol ukoll fuq it-tfassil ta’ masterplans għat-tisbiħ ħolistiku tax-Xlendi u Marsalforn. Se jkompli t-tisħiħ tas-servizz ta’ trasport lejn u minn Għawdex. Se jingħata bidu għat-tqegħid tat-tieni fibre optic bejn iż-żewġ gżejjer. Bħalma se jkun qed isir f’Malta, l-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex se tkun f’dan il-programm estensiv.

X’riformi hemm fil-pensjoni?

Għal sentejn wara xulxin, fl-2016 u fl-2017, daħħalna diversi miżuri għal firxa wiesgħa ta’ pensjonanti li wasslu biex il-pensjonijiet reġgħu bdew jiżdiedu b’mod sostanzjali wara 25 sena. Is-sena d-dieħla wkoll, għat-tielet sena wara l-oħra, il-pensjonijiet se jerġgħu jiżdiedu. Kull pensjonant se jkun qed jingħata żieda fil-pensjoni kontributorja u anke mhux kontributorja ta’ €2 fil-ġimgħa. Minn din il-miżura, se jkunu qegħdin jibbenefikaw ’il fuq minn 90,000 pensjonant u bejniethom se jkunu qegħdin jieħdu total ta’ €9 miljuni.

Din is-sena daħħalna riforma kbira favur ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjonijiet, riforma li gawdew minnha mhux inqas minn 22,000 pensjonant. Iktar minn hekk, hemm 9,000 pensjonant li ma baqgħux iħallsu taxxa. Kif konna għidna sena ilu, din il-miżura se tkun qed titwettaq fuq medda ta’ sentejn. U hekk se jsir matul is-sena d-dieħla.  Barra minn hekk, se ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux se jkun intaxxat, għal €13,200. 

X’riformi saru  fix-xiri u kiri ta’ proprjetà?

Aktar minn 11,300 proprjetà inbiegħet taħt l-iskema tal-first-time buyers, li dan il-Gvern daħħal fis-sena 2014. Din il-miżura, fejn ma titħallas l-ebda taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000, ġiet estiża għal sena oħra sabiex tkompli tgħin koppji żgħażagħ u individwi li qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, u li tkun għal skop ta’ residenza.

Minbarra l-iskema tal-first-time buyers żdiedet ukoll l-iskema tas-second-time buyers fil-baġit 2018 fejn qed tingħata tnaqqis fit-taxxa tal-boll sa massimu ta’ €3,000 permezz ta’ refund. F’każijiet fejn ix-xerrej ikun persuna b’diżabilità, ir-refund  tat-taxxa tal-boll, ikun sa massimu ta’ €5,000. Ġenituri ta’ familja li għandha tgħix magħha persuna b’diżabilità, jistgħu wkoll jikkwalifikaw minn din l-iskema taħt ċertu kundizzjonijet. Din il-miżura mistennija twassal għal akbar effiċjenza fl-użu tal-housing stock tal-pajjiż u taqdi aħjar id-domanda tas-suq tal-proprjetà.

Dwar is-suq tal-Kera wasal iż-żmien li jkun hemm diskussjoni miftuħa.  Ħafna drabi, min jitkellem dwar dan is-suġġett, jispiċċa jħallat il-kwistjoni tal-housing soċjali ma’ dak tas-suq tal-kera.  Dawn huma żewġ oqsma relatati, iżda differenti.

Is-suq tal-kera u l-kwistjonijiet li jiġu miegħu huma usa’ minn biss housing soċjali.  Il-persuni li jinsabu fis-suq tal-kera huma fil-maġġoranza tagħhom persuni li ma jistgħux jitqiesu bħala fil-bżonn ta’ housing soċjali, u lanqas iridu housing soċjali, iżda huma persuni u familji li qegħdin isibu ma’ wiċċhom fenomini ġodda għas-soċjetà tagħna.

Il-Gvern se jippubblikaWhite Paper bi proposti dwar dan il-qasam. L-għan ta’ din il-White Paper mhux se jkun li jerġa’ jdaħħal ir-rent control tal-passat, iżda li joħloq qafas legali li jkun ġust kemm mas-sid kif ukoll mal-kerrej. Bl-istess mod, irridu naslu b’konsultazzjoni għal sistema li ma tkunx tgħodd biss għal-lum meta l-kirjiet qegħdin jogħlew, iżda li taħdem fiċ-ċikli ekonomiċi kollha tal-pajjiż.

 

Baġit | Novembru 2017 

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *