Wegħda oħra Mwettqa – Defiċit ta’ 2.8 fil-mija għas-sena 2013


Il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna jilqa’ b’sodisfazzjon il-konferma mill-EUROSTAT u l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO) li l-Gvern ġdid irnexxielu jagħlaq is-sena 2013 b’rata ta’ defiċit ta’ 2.8 fil-mija.

“Dan hu suċċess kbir mhux biss għall-Gvern il-ġdid, iżda għall-pajjiż kollu li fdana bil-fiduċja tiegħu. Din il-kisba turi li l-Gvern kien kapaċi jdawwar ir-rotta li kien ħa l-pajjiż mit-triq għan-niżla, għal triq li se twassalna għal aktar stabbiltà finanzjarja u tkabbir ekonomiku,” qal il-Prof. Scicluna.

“Dan għal kuntrarju tal-amministrazzjoni preċedenti, li kienet poġġiet lill-pajjiżna fit-triq għan-niżla meta daħħlet lill-pajjiżna f’proċeduri ta’ defiċit eċċessiv minħabba infieq eċċessiv fil-2012, li wassal sabiex id-defiċit tela’ għal 3.3 fil-mija.”

Il-Prof. Scicluna kien qed jikkummenta dwar il-pubblikazzjoni tal-istqarrijja tal-EUROSTAT u l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO) l-Erbgħa 23 ta’ April 2014, li kkonfermat li Malta kisbet rata ta’ defiċit ta’ 2.8 fil-mija għas-sena 2013, definittivament taħt il-limitu ta’ 3 fil-mija impost mill-Kummissjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat inkiseb minkejja t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll ta’ xi aġenziji tal-kreditu internazzjonali, li Malta ma kienitx se tkun f’pożizzjoni li tnaqqas id-defiċit sa taħt it-3 fil-mija sal-2013, iżda li d-defiċit seta’ ukoll ilaħħaq il-3.7 fil-mija.

“Il-Kummissjoni kienet qed tgħidilna li dan ma kienx se jkun possibbli. Minn-naħa l-oħra, aħna żammejna l-fiduċja fl-istimi finanzjarji u konna determinati li nilħqu l-miri tagħna. Illum, nistgħu ngħidu b’sodisfazzjon li hekk ġara.”

 

http://www.edwardscicluna.com/wp-content/uploads/2013/10/eurocalculatorglasses.jpg

 

“Dan il-Gvern irnexxielu, fi żmien sena, jagħmel dak li ma rnexxilhiex tagħmel l-amministrazzjoni ta’ qabel,” irrimarka l-Prof. Scicluna. “Dawn ir-riżultati qed ixejnu l-biża’ u d-dubji li qed tipprova toħloq l-Oppożizzjoni, hekk kif l-indikazzjonijiet kollha kienu qed juru mod ieħor.”

Il-Prof. Scicluna rrimarka wkoll li din kienet sfida diffiċli, speċjalment fid-dawl taż-żlieq fiskali li seħħ taħt il-gvern Nazzjonalista lejliet l-elezzjoni, li wassal ukoll sabiex Malta tpoġġiet għal darb’oħra taħt Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv.

“Iżda l-Gvern il-ġdid, permezz ta’ enerġija pożittiva u determinazzjoni sħiħa, żamm kelmtu, u llum Malta mxiet pass ieħor lejn finanzi pubbliċi b’saħħithom u sostenibbli.”

 

 

 govmt_logo

timesofmalta_logo  maltatoday_logo  newsbook_logo

iNews_Logomaltaindependent_logo  maltastar_logo

– Wednesday, 23rd April 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *