Titnieda l-iskema ta’ ‘Equity Sharing’


Il-Prim Ministru Joseph Muscat nieda il-Home Equity Sharing Scheme, skema li se tgħin lil persuni ta’ aktar minn 40 sena biex anke huma jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Il-proċess jibda meta wara li l-applikant jidentifika propjetà b’valur massimu ta’ €200,000, joħroġ minimu ta’ 10% tal-valur, u permezz tal-assi u self mal-bank APS, ikopri minn tal-inqas nofs il-prezz tal-proprjetà. Il-kumplament tal-valur tal-proprjetà tkoprih l-Awtorità tad-Djar. Fi żmien 20 sena, l-applikant jixtri s-sehem tal-Awtoritá bl-istess prezz li din tkun akkwistatu.

F’każ li kif tintemm l-iskema wara 20 sena, l-applikant ma jkunx f’pożizzjoni finanzjarja li jixtri s-sehem l-ieħor, it-tfal jew l-eredi tagħhom ikollhom l-opportunità li jagħmlu dan.

Waqt it-tnedija li saret f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat semma kif din l-iskema hi maħsuba b’mod partikolari għal nies u familji li għaddew minn separazzjoni u li b’hekk il-gvern qed jgħinhom jibnu ħajjithom mill-ġdid.

“Il-gvern qed ikun ta’ spalla biex dawn in-nies isiru sidien ta’ darhom u jagħtihom dik l-għajnuna li sal-lum il-ġurnata m’għandhomx. Din il-miżura u oħrajn huma parti minn pjan ħolistiku li pajjiżna għandu għall-ewwel darba fis-settur tal-akkomodazzjoni.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li issa familji jistgħu jagħmlu pass ieħor ‘il quddiem biex jibnu ħajja ġdida.

“L-għan tagħna jibqa’ ċar, li kulħadd ikollu għażla fis-settur tal-akkomodazzjoni. Għalhekk permezz ta’ din l-iskema qed nagħtu alternattiva lil faxxa ta’ nies li la kellhom aċċess għal self u lanqas għażla ħlief li jikru. Bl-Equity Sharing, qed ngħinuk tasal bl-għajnuna tiegħek”, qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan hu pass kbir pożittiv li l-frott tiegħu se narawh fis-snin li ġejjin meta l-iskema ma tibqax biss fuq il-karta iżda timmaterjalizza.

“Din hi verament prosperity with a purpose, fejn minflok pressjoni fuq il-familji, issa se nagħtu nifs ġdid mhux biss għal dawn l-adulti iżda ukoll għal uliedhom.”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li din hija miżura baġitarja imma fuq kollox hi strument finanzjarju li ried jiġi studjat b’mod sew u dettaljat qabel jiġi implimentat. Qal li permezz ta’ din il-miżura l-gvern se jkun qed jidħol bi sħab fix-xiri tal-proprjetà, li permess tagħha l-bank ikun jista’ jsellef lill-individwi ta’ ċertu età li naturalment isibuha diffiċli li jissellfu.

“Bin-negozjati li l-Ministeru għall-Finanzi kellu mal-APS Bank u l-Bank Ċentrali wasslu li jserrħulna rasna li din il-miżura tkun finanzjarjament sostenibbli.”

Din hi skema li qed tiġi mħaddma mal-bank APS u għaldaqstant il-kriterji kollha stabbiliti mal-bank iridu jiġu sodisfatti. Għal aktar informazzjoni wieħed jista jżur is-sit www.socialaccommodation.gov.mt, jew iżur l-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar fil-Furjana.

  

Monday 20th May 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *