Miżura amministrattiva fiskali għal aktar ugwaljanza


“Wettaqna miżura amministrattiva fiskali li għandha implikazzjonijiet għall-ugwaljanza.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar kif koppji miżżewġa kif ukoll dawk f’unjoni ċivili ser ikollhom l-opportunità li jimlew il-formola tat-taxxa b’mod separat.

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

Din il-miżura qed tiġi introdotta fid-dawl ta’ numru ta’ ilmenti b’mod partikolari min-nisa miżżewġin li kienu qed jirċievu xi forma ta’ rifużjoni f’isem ir-raġel tagħhom.

Preżentament hawn mal-ħamsa u disgħin elf koppja li jimlew il-formola tat-taxxa; b’erbgħa u sebgħin elf minnhom iniżlu d-dħul tagħhom separatament iżda fl-istess formola.

Il-Ministru Scicluna semma li filwaqt li din il-miżura ser tkun fuq bażi volontarja, dawk l-individwi li jkunu jridu li jidħlu f’din is-sistema ta’ komputazzjoni ta’ taxxa, għandhom jinfurmaw lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Ministru għall-Finanzi kkonkluda billi qal li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa qed ikompli jtejjeb is-sistemi tal-informatika tiegħu li qed twassal biex id-Dipartiment ikompli jintroduċi sistemi ġodda u jissimplifika il-proċessi; iżid iktar servizzi online; jimmodernizza l-uffiċċji, dan kollu għal ġid tal-impjegati u l-klienti li jużaw is-servizzi ta’ dan l-uffiċċju.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li din il-miżura tmur lil hinn mill-aspett finanzjarju u hija kwistjoni ta’ ugwaljanza. Saħqet li din qed issir b’konsistenza mal-impenn tal-Gvern favur l-ugwaljanza mill-bidu nett tal-ewwel mandat tiegħu fl-2013, u b’rispett lejn il-prinċipju tal-indipendenza finanzjarja biex kulħadd ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet finanzjarji tiegħu mingħajr indħil.

Il-Ministru żiedet li din hija ħolqa importanti oħra minn katina sħiħa ta’ inizjattivi li ttieħdu fil-mixja ta’ pajjiżna lejn ugwaljanza sħiħa. F’dan il-kuntest Dr Dalli fakkret li dan il-pass isegwi l-iffirmar tal-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa.

Dan kollu qed isir parepassu mal-ħidma tagħna biex nilħqu ugwaljanza sħiħa fil-livelli kollha tas-soċjetà, u jrid jitqies fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa fuq l-introduzzjoni ta’ strateġija nazzjonali dwar l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ġeneru (gender mainstreaming) f’dak kollu li nagħmlu u fid-deċiżjonijiet kollha li nieħdu, temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Wednesday 5th June 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *