Nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-KE


Nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-KE

Huma ħafna, u ta’ dan ma nagħtihomx tort, li jħalltu d-diskors tal-baġit mal-baġit innifsu. Id-dis­kors tal-Ministru hu biss dis­krizzjoni tar-riżultat ta’ eżer­ċizzju tekniku u amministrattiv li jsir fuq perjodu ta’ xhur qabel. Kull ministru jkun involut. Però l-qafas isir mill-Mi­nistru tal-Finanzi li jaħdem mill-qrib mal-Prim Ministru. Dan il-qafas idur fuq il-para­metri ewlenin. Kemm il-Gvern irid iżid in-nefqa u kemm jaħseb li jista’ jdaħħal dħul mit-taxxi skont it-tkabbir ekonomiku u t-tibdiliet fis­kali li qed jipproponi. Billi jin­volvi tbassir fuq fejn jidħol id-dħul, irid iħaddem mudell ekonometiku fejn idaħħal fih l-andament ekonomiku tal-pajjiżi li lejhom nesportaw jew minn fejn joriġinaw it-tu­risti. Jistudja kif il-familji jis­tgħu jintlaqtu tajjeb jew ħa­żin. Jara wkoll kif id-defiċit u d-dejn se jintlaqtu mill-pjani ta’ infiq u dħul li jipproponi fil-Baġit.
F’pajjiżna, kontra dak li jsir f’pajjiżi oħra, dan ix-xogħol tek­niku li fuqu jsir il-Baġit ma jintweriex. Qatt ma ntwera tul is-snin li ilni nara u nifli l-Baġits ta’ pajjiżna. Dħalna fl-Unjoni Ewropea, dħalna fiż-Żona Ewro u ma biddilna xejn. Mhux talli hekk. Talli għadna nippreżentaw lill-pop­lu figuri bbażati fuq sistema antikwata ta’ ‘accounting’ (cash­flow), sistema li tista’ tiġi abbużata fis-sens li d-defiċit fl-aħħar tas-sena jista’ jitranġa billi l-Gvern ma jagħmilx ċerti pagamenti lil xi kuntratturi. Però lill-Kummissjoni Ewropea nagħtuha sett figuri oħra bbażati fuq sistema ta’ ‘accounting’ kif suppost (accruals).
Jien inħoss li għal-lum fi żmien li kulħadd għandu għajnejh fuqna dan it-taħwid fil-preżentazzjoni tal-finanzi tal-pajjiż u nuqqas ta’ spje­gazzjoni teknika, ma jagħmilx dehen lil pajjiżna.
Ma jixirqilniex li l-Ministru jagħmel diskors li jenfasizza fit-tul affarijiet żgħar u jaħbi għal kollox affarijiet kbar. Bieb il-Belt u Smart City huma affarijiet żgħar? Fittixhom u ara ssibhomx.
Ara ssibx rapport fuq is-sorsi tal-inflazzjoni f’pajjiżna. Ara ssibx xi indikatur dwar jekk Malta hux qiegħda tnaq­qas jew iżżid il-kompetittività. Xi indikatur tal-produttività li sew il-Gvern u min iħaddem isemmi ta’ spiss. Fuq il-piż tat-taxxi kif inhu mqassam fuq il-familji. Xejn u xejn.
Illum mhux biżżejjed li l-Gvern jirrispondi lejn il-poplu dwar kif se jagħmel użu mill-finanzi tal-pajjiż iżda jrid jagħ­ti kont ukoll lill-Kummissjoni Ewropea.
Relatat ma’ dan hemm il-mira tal-Gvern kif imħabbra fil-baġit li s-sena li ġejja l-paj­jiż se jkollu tkabbir ekonomiku ta’ 2.3 fil-mija. Ħafna huma dawk li qegħdin jistaqsu kemm hi realistika din ir-rata ta’ tkabbir. Anzi ħafna huma tal-fehma li r-rata hi ambizzjuża meta wieħed iqis il-maltemp ekonomiku li hawn madwarna.
Fl-imgħoddi kont inkun nis­ta’ ngħaddi ġudizzju fuq din il-mira tal-Gvern permezz ta’ mudell ekonomiku li kont nuża. Illum dan ma nistax nagħmlu għax l-anqas il-mu­dell ekonomiku li qed juża l-Bvern biex ibassar din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku ma jiġi ppubblikat.
Li nista’ ngħid, però, hu li l-Kummissjoni Ewropea għand­ha wkoll il-mudell xjentifiku u ekonomiku tagħha li tapplikah għal Malta u toħroġ bir-riżultat tagħha. Sfortunatament, ir-riżultati li nkisbu minn dan il-mudell meta mqabbel ma dak tal-Gvern mhumiex qegħdin jaqblu. Skont l-Unjoni Ewropea t-tkab­bir ekonomiku se jkun ak­tar baxx minn dak li qed ibassar il-Gvern. Jekk jiġri hekk dan jaffettwa l-proporzjonijiet tal-figuri tad-dejn u tad-defi­ċit għax id-dejn u d-defiċit ma nikkalkulawhomx kemm jammontaw f’termini ta’ ewro iżda bħala proporzjon tagħ­hom mal-Prodott Gross Domestiku. Allura, meta dan it-tkabbir ikun baxx, kemm id-dejn kif ukoll id-defiċit jitilgħu. Eżattament dak li qed jiġ­ri l-Greċja, fejn għalkemm id-dejn f’termini assoluti wa­qaf jikber, il-persentaġġ tiegħu sploda għax il-Prodott Gross Domestiku waqa b’rata qawwija. Jekk it-tkabbir ikun b’saħħ­tu allura d-dejn u d-defiċit jibdew jimxu b’rata inqas jew inkella jibdew neżlin, xi ħaġa li kulħadd jixtieq.
Skont id-direttivi li appro­vajna fil-Parlament Ewropew tul din l-aħħar sena, din il-problema ltqajna magħha u l-Unjoni Ewropea trid, u fil-Par­lament Ewropew aħna qbil­na magħha, li finalment li jgħodd hu l-mudell ekonomiku tagħha.
Jekk il-Gvern Malti jaħseb li l-mudell tal-Unjoni Ewropea ma ħax l-informazzjoni kollha ġdida fil-konsiderazzjo­ni tiegħu allura l-Gern hu fid-dmir li jagħtiha l-informazzjoni kollha biex hi tapplika l-mudell tagħha u tara għaliex u fejn mhumiex jaqblu. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-mudell tal-Kummissjoni hu dak li fuqu jrid isir it-tbassir tat-tax­xa u allura wkoll dak tad-defiċit u tad-dejn. Inutli li l-Mi­nistru joqgħod jgħid li dak tal-Kummissjoni hu konservat­tiv u tiegħu hu aħjar. Mil-lum ’il quddiem il-Gvern Malti ma jistax juża l-mudell tiegħu fl-argumenti li jkollu. Jekk it-tbas­sir tal-Kummissjoni juri li t-tkabbir ekonomiku tagħna se jkun aktar kajman, allura se jkun aktar diffiċli għal pajjiżna li d-defiċit jinżel mhux biss din is-sena iżda għas-snin li ġejjin.
Fil-fatt min-naħa tagħha l-Unjoni Ewropea qiegħda tgħid li d-defiċit se jerġa’ jikber mis-sena d-dieħla. U l-is­tess għad-dejn. Kemm l-Unjo­ni Ewropea kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea qegħdin jgħi­du li d-dejn tal-pajjiż se jik­ber. Għalhekk hu impor­tan­ti li nindirizzaw din il-problema ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-Unjoni Ewropea mill-aktar fis.
Dwar id-dejn irridu l-ewwel­ nett ngħidu li ħadd ma jistenna li l-Gvern tal-pajjiż, la tagħ­na u lanqas ta’ pajjiżi oħra, id-dejn tiegħu xi darba se jħall­su lura kollu. Nafu wkoll però li d-dejn aktar ma jikber aktar jikbru l-interessi fuqu, dak li f’termini tekniċi jissejjaħ ‘debt servicing’. Kull Gvern irid iħallas l-imgħax fuq id-dejn u dan l-imgħax jista’ jkun qawwi.
Fil-każ ta’ Malta l-imgħax fuq id-dejn hu ta’ madwar €250 miljun fis-sena u qie­għed dejjem jiżdied. L-imgħax jitħallas mit-taxxi tal-poplu. Kieku ma jkunx hemm id-dejn, kieku l-flus li jmorru biex inħallsu l-imgħaxijiet kie­ku dawn jintefqu fuq proġetti aktar utli għall-pajjiż. Fil-każ ta’ Malta bil-valur tiegħu nis­tgħu nibnu Mater Dei kull sena.
Niftakru sew li d-dejn sar għax il-Gvern fl-imgħoddi ma kienx għażel li jiġbor taxxi biż­żejjed biex bihom isir l-infiq u għalhekk kien iddeċieda li jissellef biex ilaħħaq mal-ispiża tiegħu. It-taxxi refagħhom bħal f’testment biex jinġarru minn ġenerazzjoni futura. Dik il-ġenerazzjoni hi aħna u wlied­na.
Meta d-dejn jaqbeż is-70, 80 jew 90 fil-mija ta’ dak kollu li nipproduċu, jiġifieri tal-Pro­dott Gross Domestiku, kif ġara f’ċerti pajjiżi oħra Ewropej, u aktar u aktar jekk jaqbeż il-100 fil-mija, allura jibda jsir pe­rikoluż għax kull min ikun qiegħed isellef il-flus lil dawn il-pajjiżi jibda jitlef it-tama li d-dejn xi darba jitħallas lura. Meta jiġri dan, jibda jogħla l-imgħax fuq is-self għax ikun qiegħed jogħla r-risku li d-dejn ma jitħallasx. Aktar ma jogħla l-imgħax aktar il-pajjiż jiżdiedlu l-piż tad-dejn.
Din hi l-problema li qegħdin jiffaċċjaw il-pajjiżi li bħalissa jinsabu fl-inkwiet. Issa hemm il-problema li pajjiżi oħ­rajn jiddakkru minnhom.
Fil-każ ta’ Malta, id-dejn bħalissa jlaħħaq is-68.8 fil-mija tal-Prodott Gross Domes­tiku. Dan irid jinżel sakemm jasal tal-inqas sa 60 fil-mija. Din hi l-mira li ġiet stabbilita mill-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Mastricht.
Natu­ralment jekk dan il-persentaġġ jinżel taħt is-60 fil-mija tant aħjar u ma jinqalgħux problemi bħalma ġara f’pajjiżi oħra. Il-problema però li s’issa l-Gvern ma rnexxilux iwaqqaf id-dejn milli jikber, aħseb u ara li jniżżlu. Dan hu ta’ tħassib għax nafu x’jiġri jekk dan il-proċess jitkompla.
Il-Baġit li għadu kif ġie ppre­żentat dawn il-problemi jrid jindirizzahom. Jekk hux qed jin­dirizzahom b’mod li fil-kliem tal-Kummissarju Olli Rhen ikun “konvinċenti” wie­ħed irid jara.
Hu żgur però, li fil-ġranet li ġejjin, l-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda tistaqsi lill-Gvern Malti dwar dan.

l-orizzont, It-Tnejn, 21 ta’ Novembru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *