Imnedija inċentivi għal min jagħżel li jibqa’ jaħdem u ma japplikax għall-pensjoni fl-età ta’ 61 sena


Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna flimkien mal-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, kien imniedi mekkaniżmu ta’ inċentiv għal dawk il-persuni li jibqgħu jaħdmu u ma japplikawx għall-pensjoni meta jkollhom dritt għaliha.

 

pr160631b

Il-Ministru għall-Finanzi qal li dan il-mekkaniżmu bħal ħafna miżuri oħrajn f’budgets li għaddew mhuwiex biss ta’ benefiċċju għal persuni u għal familji tagħhom iżda fl-istess waqt ikun qed jagħti xi ħaġa lura lill-ekonomija billi jgħin fit-tkabbir tagħha. Ingħad li b’din il-miżura qegħdin jiżdiedu l-persuni fis-suq tax-xogħol.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

Huwa qal li il-miżura hija waħda mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-grupp ta’ ħdima fuq il-pensjonijiet. Dawn r-rakkomandazzjonijiet kienu inklużi fil-budget bl-iskop primarju biex tkun indirizzata l-adekwatezza u s-sostenibbiltà.

Il-Ministru għall-Finanzi stqarr li r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ nies jaħdmu u li qabżu l-età tal-pensjoni għadha waħda baxxa meta mqabbla ma’ rati ta’ parteċipazzjoni ta’ pajjiżi oħra ġewwa l-Unjoni Ewropea, għalkemm kien hemm tibdil meta tqabbel ir-rata tal-2015 dik ta’ 42.1% mar-rata ta’ 34.7% fil-2012.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali qal illi dan kollu qed isir għaliex il-Gvern għamel wegħda fil-budget li għadda u qiegħed iżomm magħha. Il-Ministru Farrugia qal “nemmnu li rridu ninċentivaw aktar nies biex b’mod volontarju u bi qbil ma’ min iħaddimhom jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Għal dawk li jibqgħu jaħdmu u ma japplikawx għall-pensjoni meta jkollhom dritt għaliha, għal kull sena se nkunu qed intuhom inċentiv”.

 

pr160631a

Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif ser ikun qed jaħdem dan l-inċentiv. Huwa qal illi dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu anki wara li jagħlqu il-61 sena se jkunu qed jirċievu żieda fil-pensjoni għal kull sena li jaħdmu iżjed.

Huwa qal illi dawk li il-persuni li jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha u jittardjaw il-pensjoni b’sena (bejn 61 u 62 sena) se jkunu qed jieħdu żieda ta’ 5% . Żied jgħid illi għal min ikollu dritt għall-pensjoni ta’ 62 sena u ma joħodhiex u jaħdem sakemm jagħlaq it-63 sena se jkollu żieda ta’ 5.5% fuq il-pensjoni li jkollu dritt għaliha ta’ 63 sena.

Għal min ikollu dritt għall-pensjoni ta’ 63 sena u ma joħodhiex u jaħdem sakemm jagħlaq 64 sena, se jkollu żieda ta’ 6% fuq il-pensjoni li jkollu dritt għaliha ta’ 64 sena filwaqt illi għal min ikollu dritt għall-pensjoni ta’ 64 sena u ma joħodhiex u jaħdem sakemm jagħlaq 65 sena se jkun hemm żieda ta’ 6.5% fuq il-pensjoni li jkollu dritt għaliha ta’ 65 sena.

“Dan iffisser illi jekk persuna tagħżel li minflok tirtira’ ta’ 65 sena minflok ta’ 61 sena se jkollha żieda ta’ 23% fuq il-pensjoni li jkollha dritt għaliha” qal il-Ministru Farrugia.

Huwa qal illi dan huwa l-ewwel pass u li se jolqot lis-settur privat. Żied jgħid illi il-grupp ta’ ħidma tal-istrateġija tal-pensjonijiet ħadem fuq bosta proposti u inċentivi li ser ikunu qed jiġu fis-seħħ fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Il-Ministru Michael Farrugia qal illi din il-miżura bdiet tiġi applikata mill-1 ta’ Jannar 2016 filwaqt illi ż-żieda akkumulata tibqa’ titħallas kull sena fil-pensjoni u tibqa’ titħallas sal-mewt.

Iż-żieda tingħata kollha wkoll lil dawk li jkunu fuq il-pensjoni massima jew fuq il-pensjoni minima.

Iż-żieda tingħata kollha apparti żidiet oħra li jistgħu jingħataw minn żmien għal żmien inkluż il-COLA u hija wkoll trasferibbli għal pensjoni tar-romol.

 

iNews_Logo

– Wednesday, 23rd March, 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *