Il-HBS jikkonferma titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin


Waqt il-ftuħ tal-preżentazzjoni tal-Household Budgetary Survey mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li dan is-survey jikkonferma titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Il-Ministru qal li dan huwa rifless fil-modi ta’ kif varja l-basket tan-nefqa tal-familji Maltin, fejn fost oħrajn naqas il-proporzjon tal-basket tan-nefqa fuq l-ikel, u żdiedet in-nefqa fuq il-ħwejjeġ u fuq attivitajiet rikreazzjonali.

Il-Ministru Scicluna żied jgħid li l-Household Budgetary Survey huwa għodda importanti ħafna għat-trade unions u għal min iħaddem għaliex dan iwassal biex jinħadmu l-indiċi tal-prezzijiet li fuqhom tinħadem il-COLA.

Il-ministru qal li fil-passat ir-Retail Price Index kien sar ballun politiku, u kien għalhekk li llum għandu rappreżentanza tal-imsieħba soċjali fuq il-board tiegħu fi ħdan l-NSO.

Il-Ministru Scicluna tkellem dwar l-importanza ta’ stħarrig bħal dan li juri stampa fattwali tal-pajjiż, kemm mill-lat ekonomiku, kif ukoll minn dak soċjali.

Il-Ministru qal li nnota bi pjaċir li dan l-istħarriġ wera li d-dħul magħruf bhala disposable income tan-nisa żdied aktar minn dak tal-irġiel; dan jgħin biex tidjieq id-differenza fid-dħul bejn iż-żewġ sessi.

Huwa esprima sodisfazzjon ukoll għall-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin qed jonfqu anqas flus fis-saħħa privata għax ifisser li s-servizz tas-saħħa li joffri l-Gvern huwa ta’ kwalità għolja u qed jespandi.

Il-Ministru rringrazzja lil kull min kien involut fil-Household Budgetary Survey, inkluż il-familji Maltin u Għawdxin li taw sehemhom biex dan is-survey ikun possibbli.

        

L-Erbgħa 24 ta’ Jannar 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *