X’qed jistenniena fis-sena l-ġdida


Il-perjodu festiv issa pjuttost għadda u ftit ftit deħlin lura għan-normalità tal-ħajja. Tmiem is-sena 2017 tatna l-opportunità nħarsu lura lejn dak li sar matulha. Ħarsa li tista’ tkun ta’ għajnuna biex filwaqt li tirrikonoxxi li mhux faċli wieħed ibassar x’se jkun se jiġri tul is-sena 2018, minn dak li seħħ tul is-sena 2017 wieħed ikun jista’ almenu jgħid x’qed jistenna mis-sena l-ġdida.

Nieħdu bħala eżempju l-politika internazzjonali. Nafu li l-President Amerikan Donald Trump se jkompli bit-tmexxija tiegħu li ħafna minnha ġiet kritikata, iżda riċentement għoġbot lin-negozjanti l-kbar minħabba l-qtugħ ta’ taxxa lil kumpaniji kbar. Dan jista’ jkollu effett pożittiv, imma wieħed għad irid jara. Imma jekk tali deċiżjoni toqros liż-żgħir allura żgur li ma jkollix effett pożittiv għal sħabu r-Repubblikani meta jaslu għall-elezzjonijiet. Huwa ovvju li ma jibqgħux popolari daqs kemm kienu qabel.

Aktar qrib tagħna, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandna l-problema Ġermaniża. Problema fis-sens li l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel għad ma rnexxiliex tgħaqqad gvern ta’ koalizzjoni. Dan minkejja d-diskussjonijiet li kellha ma’ partiti politiċi oħrajn rappreżentati fil-Parlament Ġermaniż. Diskussjonijiet li ma wasslu għal imkien u issa qegħda terġa’ tipprova tinkludi lill-Partit Soċjalista. Sitwazzjoni li tista’ ddum ġġebbed sa Marzu li ġej. B’riżultat ta’ din is-sitwazzjoni ħafna mid-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux jittieħdu għax l-istrateġija meħtieġa mill-Ġermanja mhix ċara.

Il-Ġermanja huwa pajjiż kbir, l-ikbar wieħed fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk, sfortunatament, l-Unjoni Ewropea ma tistax timxi ‘l quddiem. Għandek l-Unjoni Bankarja, għandek l-Għaqda Monetarja, għandek ukoll l-aspetti tal-migrazzjoni. Oqsma li kollha jeħtieġu direzzjoni u ma jistax ikun li l-Ġermanja ma tkunx hemm. Il-ħtieġa hija l-oppost, il-Ġermanja trid tkun hemm u mhux tipposponi.

Hemm imbagħad l-element Franċiż, bil-President Macron b’viżjoni kbira u ambizzjuża ħafna għall-Unjoni Ewropea. Huwa minnu li l-Ġermanja mhux qed topponih imma jibqa’ l-punt li l-Ġermaniżi, mill-indikazzjonijiet li hemm, lanqas huma bi ħsiebhom jagħtu l-kunsens tagħhom għal dak kollu li qed jipproponi Macron.

Mhux faċli wieħed ibassar x’se jkun se jiġri tul is-sena 2018, imma minn dak li seħħ tul is-sena 2017 wieħed ikun jista’ almenu jgħid x’qed jistenna mis-sena l-ġdida.

 

Dan ifisser li fejn jirrigwarda żvilupp fl-Unjoni Ewropea se jkun wieħed kajman meta qegħdin fi ġlieda kontra l-ħin li l-aktar li wieħed jistenna huwa li jista’ jiġġebbed sa Ġunju li ġej. Dan minħabba l-fatt li f’Ġunju tibda l-kampanja għall-Parlament Ewropew u Kummissjoni Ewropea ġdida u allura wieħed jistenna li kollox jiġi pospost, bil-konsegwenza li avvanzi kbar li wieħed kien jistenna jibqgħu ma jsirux.

Suġġett ieħor huwa Brexit. Brexit huwa xiħaġa kbira ħafna b’riżultati negattivi mhux biss għar-Renju Unit. Madankollu jidher li l-Prim Ministru Ingliż, Theresa May, li qegħda f’nofs triq, f’nofs xmara tipprova taqsam minn naħa għal oħra, żgur li mhux qegħda tħares lura u li tixtieq terġa’ lura minn dak li bdiet fuq deċiżjoni meħuda fir-referendum ta’ Ġunju tas-sena 2016.

Il-poplu Ingliż se jkompli miexi, avolja b’diffikultajiet kbar, għax fl-aħħar mill-aħħar irid jagħmel suċċess minn sitwazzjoni ġdida maħluqa minnu nnifsu u għalih innifsu fir-referendum imsemmi. Iżda Brexit se jkollu effetti kbar fuq l-Unjoni Ewropea kollha. Meta int għandek membru kbir bħalma huwa r-Renju Unit u se titlef is-sħubija tiegħu se tkun kawżata ħofra fil-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-mistoqsija sussegwenti hija waħda naturali: tali ħofra kif se timtela’? Il-pajjiżi membri se jintalbu jikkontribwixxu aktar milli qegħdin jikkontribwixxu? Jew se jintalbu jaċċettaw inqas milli qegħdin jingħataw?

Aħna, f’pajjiżna, nafu li l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea hija determinanti. Nafu kemm hija importanti għall-iżvilupp tagħna għax bħal f’kull pajjiż ieħor li qiegħed jiżviluppa għandu bżonn l-għajnuna. Pajjiżi oħrajn ħadu, imma issa l-baġit se jonqos bil-kbir.

Lesta l-Ġermanja, jew pajjiżi kbar oħrajn, ikomplu jikkontribwixxu li qegħdin jikkontribwixxu u jżidu biex ipattu għal dak li se jonqos mir-Renju Unit? Din hija l-mistoqsija bażika.

Min-naħa l-oħra Brexit għandu wkoll effetti fuq l-ekonomija, fuq il-kumpaniji li hemm bħalissa fir-Renju Unit. Se jiġu affettwati? Fejn se jmorru? Se jingħataw dak il-passaport li kellhom qabel, jew is-sinjal huwa ċar li la darba ma aċċettawx l-imigrazzjoni allura ma jistgħux jistennew li l-Unjoni Ewropea tħallihom illi jkollhom il-libertà li s-servizzi tagħhom jissupplixxuhom mir-Renju Unit?

U għalhekk qegħdin ifittxu postijiet oħra mnejn joperaw. Jistgħu jmorru l-Ġermanja, imma nafu wkoll li anke pajjiżna jista’ jilqa’ u huwa interessanti għal kumpaniji li llum joperaw mir-Renju Unit, speċjalment kumpaniji żgħar fil-qasam tal-assikurazzjoni u fis-servizzi finanzjarji. Dan huwa żvilupp li qegħdin naraw.

U f’pajjiżna? F’pajjiżna huwa mistenni li l-investiment ikompli jikber. L-affarijiet jibqgħu pożittivi. Il-Gvern ikompli jagħti s-sorpriżi b’investiment ġdid, bi proġetti ġodda. Ikompli jitgħallem mill-esperjenza miksuba fl-ewwel leġiżlatura biex dejjem itejjeb it-tmexxija u l-politika li jħaddem.

Wieħed għandu jirrikonoxxi li l-Gvern immexxi minn Dr Joseph Muscat huwa wieħed pjuttost żagħżugħ, li żgur ma kellux 25 sena esperjenza ta’ tmexxija. Madankollu huwa, u se jibqa’, Gvern li jissorprendi, li se jkompli jkabbar l-ekonomija tal-pajjiż, ikompli jkattar il-ġid u jara li l-ġid jitqassam b’mod ekwu. Naħseb li se tkun sena interessanti minn kull lat, mil-lat politiku, ekonomiku u anke dak soċjali.

Fir-rigward tal-Oppożizzjoni jgħidu x’jgħidu, din għaddej minn perjodu xejn feliċi, partikolarment wara l-bidla fit-tmexxija. Kulħadd għajnejh f’wiċċu qegħdin. Għad irridu naraw kemm it-tmexxija l-ġdida se jirnexxiela tgħaqqad il-partit. Li huwa żgur hu li jekk fil-pajjiż ikollna Oppożizzjoni b’saħħitha l-Gvern ikollu ma’ min jista’ jikkomunika b’mod ċar u trasparenti għall-ġid tal-pajjiż. Wieħed jistenna li min-naħa tal-Oppożizzjoni jkun hemm aktar koperazzjoni milli kien hemm tul il-leġiżlatura l-oħra.

Ma jfissirx li jkun hemm ftehim fuq kollox, imma nawguraw li fuq affarijiet strateġiċi għal pajjiżna u li jibqgħu essenzjali għal quddiem tali ftehim għandu jkun.

Nieħu din l-opportunità biex fil-bidu ta’ sena ġdida nawgura lilkom il-qarrejja u lill-familji tagħkom sena mimlija risq, hena u saħħa.

 

 Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar 2018

 

 

 

 

 

 

 

,

One response to “X’qed jistenniena fis-sena l-ġdida”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *