Riformi li jolqtu s-Suq


Is-suq, meta jaħdem, għandu ħafna vantaġġi. Mingħajr ma jindaħal ħadd, il-prezz isib il-livell tiegħu. Jekk ikun hemm l-iskarsezza l-prezz jogħla, u jekk ikun hemm l-abbundanza – tadam, ħut, hu x’inhu – il-prezz jaqa’ u allura jgawdi aktar min jixtri.

Spiss ikun hemm dak li nsejħulu ‘market failure’, meta s-suq ma jirnexxix u ma jkunx hemm min mill-privat li jkun irid jidħol għal xi proġett għax għalkemm ma jkollux riskju għall-pajjiż, għall-privat ikun joħloq ċerti riskji li ma jagħmilx profitti. Allura jkollu jindaħal il-Gvern biex jgħin jew jissussidja jew inkella jipproduċi hu nnifsu.

 

12_140815_OP-page-001

 

Iżda s-suq jista’ wkoll ikollu ndħil jew inkella ma jaħdimx meta wieħed jassumi li hemm ħafna produtturi jew ħafna xerrejja imma fil-fatt dan ma jkunx il-każ. Jekk nieħdu, pereżempju, il-kumpaniji tat-telefonija ċellulari, f’Malta għandna tnejn ewlenin. Jekk nieħdu l-banek, l-ewlenin huma tnejn ukoll. Ma jkunx hemm dik l-abbundanza ta’ produtturi li jserrħulek rasek li s-suq se jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. U għalhekk hemmhekk wieħed irid jimmoniterja; ir-regolatur irid jara.

Ftit jiem ilu rċevejt rapport mingħand l-Awtorità tal-Komunikazzjoni wara li kont tlabtha tinvestiga jekk ir-rati tal-imgħax li jagħtu l-banek u t-tariffi li jitolbu humiex skont is-suq jew inkella humiex għoljin aktar milli jiddetta s-suq. Dan għax meta jkun hemm ir-restrizzjonijiet, il-prezz ma jibqax tas-suq. Minflok, jibda jogħla u jbati l-konsumatur.

 

Il-liberalizzazzjoni tfisser li fejn fil-passat kellek restrizzjonijiet …
il-Gvern irid ikollu l-kuraġġ biex jiftaħ is-suq.

 

Nista’ nagħti ħafna eżempji fejn ikun hemm kartell – jista’ jkun anki kontra l-liġi – fejn produtturi jiftehmu u jżommu l-prezz għoli. Dan ġara fil-passat u meta jinqabdu nies involuti f’attivitajiet bħal dawn, jittellgħu l-qorti.

Ir-restrizzjonjiet kultant ikunu hemm għal skopijet ġustifikati. Pereżempju t-tobba, l-avukati, il-kontabilisti, il-periti, u professjonisti oħrajn jiltaqgħu flimkien u jagħmlu l-assoċjazzjonijiet tagħhom għal skopijiet tajbin: biex iżommu l-kwalifiki għoljin, biex ikun hemm komunikazzjoni bejniethom, u biex jissalvagwardjaw l-istandards. Iżda mil-lat ekonomiku, huma restrittivi għax iħallu barra lil min hu kapaċi u jista’ ma jkollux iċ-ċertifikati li għandhom huma. Hemm anki, pereżempju, il-ftehim bejniethom li ma jirriklamawx, biex iżommu l-istandards tal-professjonalità tagħhom. Dan huwa l-kontra ta’ dak li tixtieq l-ekonomija: li jkun hemm dik li nsejħulha ‘liberalizzazzjoni’.

 

orizzont thumbnail

 

Il-liberalizzazzjoni tfisser li fejn fil-passat kellek restrizzjonijiet – anki jekk għal skopijiet ġustifikati – li jkunu qegħdin iżommu l-prezz ogħla milli jixtieq is-suq, il-Gvern għandu kemm jista’ jkun jgħin. Irid ikollu l-kuraġġ biex jiftaħ is-suq. Ngħidu aħna, fil-kwistjoni tal-għeluq tal-ħwienet, wieħed għandu jitħalla fil-libertà, jew almenu jsib it-triq tan-nofs, kif se jagħmel il-Gvern biex nersqu aktar lejn il-liberalizzazzjoni mingħajr ma jingħataw xokkijiet. Irid ikollok it-tibdil u r-riformi, iżda importanti li dawn isiru b’konsultazzjoni.

Jekk irridu ekonomija kompetittiva u prezzijiet baxxi għall-konsumatur, biex dan ikun jista’ jgħix aħjar, irridu nkomplu nersqu lejn il-liberalizzazzjoni. Fejn hemm ir-resrizzjonijiet, fejn hemm il-monopolji, fejn hemm il-kartelli, dawn ma jagħmlux ġid u allura hija r-responsabbiltà tal-Gvern li jindirizzahom.

 

 

– Friday, 14th August, 2015

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *