Nisma’ u Nara lil Kulħadd


Hekk kif ġara s-sena li għaddiet, ix-xahar ta’ Settembru kien dak ix-xahar li fih ġie ippubblikat id-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, il-Pre Budget Document, li nħareġ mill-Ministeru għall-Finanzi. Ta’ min jinnota li dan il-baġit hu intiż biex jispjega l-qafas li fuqu se jitwaqqaf il-baġt. Għal dan il-għan, dan id-dokument ma’ fihx miżuri, iżda hu intiż biex jkun pjattaforma li fuqu tista’ sseħħ diskussjoni bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali, is-settur privat u l-pubbliku.

Din id-diskussjoni tant importanti seħħet tul Settembru kollu. Fil-fatt, matul dan ix-xahar l-Ministeru organizza mhux inqas minn disa’ laqgħat pubbliċi fejn il-viżjoni tal-Gvern għall-baġit li ġej setgħet tiġi diskussa. Tlieta minn dawn il-laqgħat kienu intiżi biex il-pubbliku jiġi mistieden biex jipparteċipa u jaqsam fehemtu u kulħadd seta’ jattendi u jagħmel l-intervent tiegħu. Biex il-parteċipazzjoni tkun iffaċilitata kemm jista’ jkun, seħħew tlett laqgħat pubbliċi: waħda fit-Tramuntana ta’ Malta, fin-Nofsinhar ta’ Malta u waħda f’Għawdex.

 

Scicluna_17-10-14 - featured

 

Biex il-Gvern jiddjaloga mal-qasam privat ukoll, il-Ministeru għall-Finanzi organizza wkoll business breakfast fejn esponenti elwenin kemm tas-settur privat, kemm ukoll ta’ entitajiet oħrajn, setgħu jiltaqgħu miegħi u ma’ rappreżentanti wkoll tal-qasam pubbliku biex jaqsmu l-perspettivi tagħhom. Minbarra hekk, seħħew wkoll żewġ laqgħat mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u għad irid isir ieħor u wkoll mal-Malta-EU Steering & Action Committee (MEUSAC) għall-NGOs u organizzazzjonijiet oħrajn.

Hemm min jinsisti li jkun ċiniku u jirreferi għal dawn il-pjattaformi ta’ konsultazzjoni pubblika bħala biss talking shops u li minkejja x’jipproponu l-imsieħba soċjali jew l-istakeholers, il-Gvern jibqa’ sejjer bil-pjanijiet tiegħu. Iżda dan mhux il-każ.

Jiena ħadt pjaċir ninnota li tul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ħarġet b’mod ċar il-maturità tal-poplu Malti u Għawdxi fejn jirrigwarda l-mod kif joffri u jesprimi l-opinjonijiet tiegħu. Kont sorpriż b’mod pożittiv bil-kwalità u bil-livell tal-mistoqsijiet u l-osservazzjonijiet li smajt u bit-tip ta’ ideat li ġejt ippreżentat bihom.

Dan jirrifletti b’mod konkret l-iżvilupp tal-pajjiż, għax bħal żvilupp ta’ tarbija li inti kultant ma’ tarahx, speċjalment jekk inti tkun qrib ħafna ta’ dik it-tarbija, iżda meta titlaq ġimgħa u terġa’ tiġi tara l-kambjament.

Allura nista’ ngħid b’mod kategoriku li bħala Ministru żgur mhux se nitlaq minn din it-triq ta’ konsultazzjoni kontinwa u li rrid inkun umli biex nisma’ u nitgħallem. Qatt ħadd, għaref kemm ikun għaref, ma jista’ jifhem x’wieħed iħoss fil-familja tiegħu u fuq ix-xogħol daqs dik il-persuna nnifisha. U allura trid tara u tisma lil kuħadd biex inti jkollok baġit li vera jolqot lil kulħadd.
Għalhekk nista’ ngħid b’sodisfazzjon li kuntent ħafna b’dawn il-laqgħat. Biss biss l-organizzazzjonijiet fl-MCESD ippreżentaw 25 rapport bi proposti li kienu qegħdin jiġu studjati sew. Dawn ir-rapporti ssarfu f’madwar 300 proposta.

Ovvjament, ma jfissirx li dawn il-proposti kollha se jintlaqgħu kollha, jew li kollha huma fattibbli, imma l-ideat qegħdin hemmhekk. Sew il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni, li għandha d-dmir li tisma’ mhux biss l-kritika iżda wkoll l-ideat tal-pubbliku Malti u Għawdxi, flimkien jaslu biex b’kunsens jitfassal baġit li jolqot lil kulħadd b’mod pożittiv biex ikollna tkabbir ekonomiku għal kulħadd.
Il-Ministru Scicluna waqt waħda mit-tlett laqgħat pubbliċi dwar il-Pre Buget Document.

 

– Friday, 17th October, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *