L-ekonomija qed tikber għax hawn l-istabilità


F’dawn l-aħħar sentejn, Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku li poġġieha fuq quddiem nett, kemm mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll taż-Żona Ewro għaliex il-Gvern qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u għaliex f’pajjiżna qed tirrenja l-istabilità politika, fil-banek, fl-attività ekonomika u fl-investiment.
Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna f’intervista ma’ din il-gażżetta. Il-Ministru Scicluna qal li meta Gvern Laburista ġie elett fl-2013, l-ekonomija Maltija kienet qed tmajna. Iżda bl-enerġija ta’ Gvern ġdid, li beda mill-ewwel jindirizza s-sitwazzjoni, l-ekonomija bdiet ftit ftit tissaħħaħ.

“Niftakarni nibagħat l-emajls lill-Prim Ministru fil-bidu tal-leġiżlatura u kont ngħidlu; id-daqqa l-isfel dan ix-xahar hija anqas mix-xahar ta’ qabel. Dan sakemm imbagħad l-ekonomija bdiet tirranka” qal il-Ministru Scicluna.

 

image004

 

Il-Ministru spjega li fl-ewwel tliet xhur ta’ din l-amministrazzjoni, f’Malta kien hawn attività ekonomika li pajjiżna qatt ma esperjenza qabel. “Jien niddeskriviha bħal meta jkollok pajp miżdud u f’daqqa waħda tiftħu” qal il-Ministru Scicluna.

Li segwa wara kien li l-ekonomija mhux talli reġgħet marret lura għan-normal bi tkabbir ta’ 2.1%, iżda kompliet tikber u qabżet l-aspettattivi ta’ bosta pajjiżi Ewropej. Infatti t-tkabbir preżenti jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem kemm mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll taż-Żona Ewro. Apparti hekk, dan it-tkabbir huwa ferm aktar minn kemm l-Unjoni Ewropea kienet stmat li l-ekonomija Maltija kienet tiflaħ tikber.

“Jiena nħossu insult li tgħidli li l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija Maltija huwa ta’ biss ta’ 1.5%. Dan qatt ma aċċettajnieh, u konna għamilna studju li wera li dak li konna ngħidu aħna kien korrett. Eventwalment ikkonvinċejna lill-Kummissjoni Ewropea li l-potenzjal ta’ tkabbir huwa ferm għola minn 1.5%. Infatti issa tellgħu l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija Maltija għal ftit l’fuq minn 2%” qal il-Ministru Scicluna.
Il-Ministru Scicluna qal li t-tkabbir tal-ekonomija Maltija beda jaċċellera u f’kull kwart tas-sena t-tkabbir irreġistra żieda. Infatti, fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, ir-rata ta’ tkabbir laħqet l-4%.

Il-Ministru saħaq li dan it-tkabbir huwa marbut maż-żieda fl-impjiegi. “Infatti mis-suq tax-xogħol qed naraw żieda tremenda ta’ dħul b’pagi u qliegħ, li qed iwassal biex jinħoloq aktar xogħol, u b’hekk ir-rota tkompli ddur” qal il-Ministru Scicluna.

Fl-istess waqt, dan id-dħul se jwassal għal aktar bejgħ u konsum, li sussegwentament se jwassal biex l-investitur ikompli jinvesti għax jaf li fil-futur, l-ekonomija Maltija qed tkompli tikber.

 

L-ekonomija kibret grazzi għall-istabilità

 

Imma x’wassal għal dan it-tkabbir ekonomiku? Hawn hekk, il-Ministru jagħti diversi raġunijiet. Fost oħrajn jattribwixxi dan it-tkabbir għall-fatt li l-Gvern qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u għaliex f’Malta hawn l-istabilità.

“Forsi l-istabilità tiġi l-ewwel. Dan il-Gvern, kellu l-kuraġġ biex qabel l-elezzjoni jgħid li għal sitt xhur sħaħ se jaċċetta l-baġit ta’ Gvern Nazzjonalista, u dan biex l-ekonomija ma tieħux skossi. Min stenna l-inkwiet baqa b’xiber imnieħer. Min ħaseb li se nonfqu flus biex imbagħad imorru għall-‘bail out’, baqgħa b’xiber imnieħer ukoll. Żammejna l-istabilità f’kollox, fil-banek, fl-attività ekonomika, fl-investiment u fil-Gvern” qal il-Ministru Scicluna.

Stabilità oħra li żamm il-Gvern hija fil-prezzijiet. Fi kliem il-Ministru Scicluna, dan il-fattur għamel ġid kbir, għaliex l-investituri jkunu jridu l-istabilità u ċ-ċertezza.

Fl-istess waqt il-Gvern żamm mal-wegħda tiegħu dwar roħs, fosthom, tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li matul dan ix-xahar se jorħsu għan-negozji wkoll, wara li s-sena ta’ qabel raħsu għall-familji.

Il-Ministru qal li meta l-Gvern ressaq l-ewwel baġit beda jieħu direzzjoni differenti mill-Gvern ta’ qabel. “Gvern Nazzjonalista kien jaħseb li lin-negozjant trid tagħtih sussidju biex jimxi. Aħna konna nafu x’kien qiegħed jostakola lin-negozju. Fost oħrajn kien hemm il-burokrazija żejda u l-fatt li ma kienux qed jittieħdu d-deċiżjonijiet” qal il-Ministru Scicluna.

 

Baġit li jippremja lil min huwa bieżel

 

Dwar iż-żewġ baġits li ressaq Gvern Laburista, il-Ministru qal li b’mod partikolari fl-aħħar l-baġit, ġie ppremjat min huwa bieżel u dan għaliex iddaħħlu ħafna miżuri, li wasslu biex dawk li kienu inattivi joħorġu jaħdmu.

“Għalissa, iffukajna kif se nkabbru. Kellna għażla … jew tferrex fuq kulħadd bħal qabel mingħajr ebda direzzjoni, jew inkella li toħloq ix-xogħol. Aħna imexjna fuq it-tieni għażla u irnexxielna” qal il-Ministru.
Qal li minħabba dan il-ħolqien ta’ xogħol, il-pajjiż se jaffaċċja l-problema li għadd ta’ żgħażagħ Maltin ma humiex ippreparati għax-xogħol li qed jiġi offrut lilhom.

Saħaq li għalhekk f’dan il-kuntest kollu, il-garanzija għaż-żgħażagħ hija importanti ħafna, għaliex se tkun qed tinkoraġġixxi u tgħin liż-żgħażagħ biex joħorġu jaħdmu.

Dan għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel, fejn is-sistema kienet qed ‘tgħin’ biex f’pajjiżna ikun hawn nies inattivi, għaliex ċertu sezzjoni tal-poplu irrealizzat li ma kienx jaqblilha li toħroġ taħdem.

“Issa għandna ħafna irkejjen oħrajn fejn hemm ħafna diżinċentivi. Qed nanalizzaw is-setturi fejn hemm dawn id-diżinċentivi, ħalli ndaħħlu għadd ta’ inċentivi biex aktar nies joħorġu jaħdmu” sostna l-Ministru Scicluna.

 

Malta qed tkompli tattira l-investiment

 

Tkellem ukoll dwar l-investiment li qed jattira pajjiżna. “Dan l-aħħar, kont mal-Prim Ministru f’Londra fejn kienet organizzata laqgħa mal-investituri. Tpaxxejt nara kju ta’ investituri kollha b’ideat interessanti li jirrigwardjaw lil Malta. Dawn ma kienux Ingliżi biss, imma Indjani, Ċiniżi u Awstraljani fost oħrajn” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru tenna li Malta saret pajjiż attrajenti għaliex dawn l-investituri, li fil-futur jridu jinvestu fir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq, qed jaraw li Malta hija post ideali biex jintuża bħala bażi minn fejn joperaw, minħabba l-konnettività, il-lingwa u ħaddiema tajbin.

“Għalhekk Malta mhix qegħda tkun attrajenti għaliex qiegħda f’nofs il-Mediterran biss, imma għax għandha nies li huma kapaċi jsostnu l-investiment li ġej f’pajjiżna” qal il-Ministru Scicluna.

 

Malta aktar kredibbli dwar id-dejn

 

Mal-Ministru Scicluna tkellimna dwar id-dejn ta’ pajjiżna. “Hawn hekk tajjeb li ngħid li qabel l-elezzjoni konna nikkomparaw lill-pajjiżna ma’ pazjent, li għandu emoroġija u għaldaqstant qiegħed f’qagħda kritika. Biex inkompli mal-eżempju, meta dan il-pazjent jiddaħħal għall-kura, l-ewwel ħaġa li għandha issir huwa li titwaqqaf l-emoraġija. Dan kien dak li għamel Gvern Laburista meta ġie elett dwar id-dejn … waqqaf l-emoraġija finanzjarja” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru qal li meta l-Gvern Laburista ġie elett, stabilizza l-ispiża u saret reviżjoni tan-nefqa fejn kien hemm il-ħela. Eventwalment dan wassal biex id-dejn tal-Gvern f’sena niżel minn 3.7% għal għal 2.7%.
“Li tnaqqas id-defiċit b’1% mhix ċajta f’perjodu daqstant qasir. Franza lanqas niżżelt id-dejn b’nofs taċ-ċifra li niżżlitu Malta. Għalhekk il-Gvern Franċiż kellu jitlob l-estensjoni. Imma meta jkollok Gvern determinat, bħal ma konna aħna, tasal” qal il-Ministru Scicluna.

Qal li l-Gvern bil-fors irid ikompli jissellef, għax jekk jieqaf ħesrem jkun qed jiġġamja l-ekonomija bi programmi ta’ awsterità. “Għalhekk il-mira tagħna hija li nnaqqsu d-defiċit, bil-mod il-mod. Fl-aħħar tal-2013, id-defiċit waqa b’€100 miljun. Imbagħad fl-2014 waqa b’€100 miljun ieħor fuq is-sena ta’ qabel. Jekk nibqgħu sejrin hekk inkunu qed nilħqu l-miri tagħna, mingħajr skossi” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru spjega li meta Gvern Laburista ġie elett f’Marzu tal-2013, id-dejn kien ta’ 73.5% tal-Prodoss Domestiku Gross (GDP). Madankollu, peress li d-defiċit qiegħed jonqos, u l-ekonomija qegħda tikber aktar milli qed jikber id-dejn, il-proporzjon tad-dejn illum niżel għall-madwar 68.5% tal-GDP.

Il-Ministru Scicluna qal li dan kollu wassal biex Malta tikseb il-kredibilità mal-Unjoni Ewropea dwar id-dejn. Spjega li inizjalment kien ferm diffiċli għall-Gvern meta jitkellem mal-Kummissjoni, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), mal-Bank Ċentral Ewropew (ECB), u mal-Aġenziji tal-Kreditu.

Dan għaliex Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista ma kellux kredibilità peress li kien jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Madankollu s-sitwazzjoni inbidlet għaliex Gvern Laburista beda jimxi u jwettaq dak li kien qiegħed jimmira għalih.

“Issa, l-IMF, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, moħħhom mistrieħ dwar Malta. Għalhekk li qed nagħmlu illum huwa li nżommuhom aġġornati bl-aħħar inizjattivi tagħna” qal il-Ministru Scicluna.

 

Ma irridux inżidu l-età tal-irtirar

 

Ma setgħax jonqos li l-Ministru jitkellem ukoll dwar il-pensjonijiet. Dwar dan is-suġġett, il-Ministru qal “li irridu aħna huwa li inżidu n-numru ta’ nies li jaħdmu, għaliex il-pensjonanti qed jitħallsu minn dawk li qed jaħdmu illum. Aħna ma irridux inżidu l-bolla kif irid jagħmel il-Partit Nazzjonalista, li qed jinħeba wara t-tieni pilastru. Jien ma għandi xejn kontra t-tieni pilastru, imma ma jaqblilniex nagħmluh fiċ-ċirkostanzi tal-lum, għaliex ma irridux nagħmlu taxxi fuq ix-xogħol” qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru qal li l-Gvern ma jridx jintaxxa lix-xogħol għaliex l-għan tiegħu huwa li n-numru ta’ persuni li jaħdmu jkomplu jiżdiedu. “Il-mira tal-Gvern l-ieħor kienet li n-numru ta’ nies li joħorġu jaħdmu tkun ta’ 62% sal-2020. Din iċ-ċifra diġà qbiżniha. Aħna irridu li nilqħu r-rata ta’ 75%. Din ir-rata għandna nilħquha għaliex biss biss, ir-rata ta’ nisa li ħarġu jaħdmu żdiedet b’4 punti perċentwali f’sena waħda biss” qal il-Ministru Scicluna.

 

Is-self lill-Greċja

 

Dwar is-self li sar lill-Greċja, il-Ministru Scicluna qal li mil-lat formali, issa il-Gvern Grieg jidher li kkonvinċa ruħu li jkun insult jekk joqgħod jitkellem dwar li ma jħallasx id-dejn li kien mgħoddi lilu b’solidarjetà. Madankollu minħabba l-wegħdi li saru lill-poplu Grieg, il-Gvern Grieg qed isibha iebsa, li jidher li qed imur lura mill-wegħdiet tiegħu.
“Il-Griegi qed jaraw lill-istutuzzjonijiet bħal l-IMF, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew bħala mostru, li minnhom ma raw xejn ħlief tbatija. Issa hija kwistjoni ta’ diplomazija u politika. Proprju nhar il-Ħamis, il-Ministru Grieg u team tiegħu, iltaqgħu fi Brussell ma’ dawn l-istituzzjonijiet. Din kienet l-ewwel darba minn mindu telgħa l-Gvern li l-istutuzzjonijiet qed jitkellmu b’mod tekniku” qal il-Ministru Scicluna.

 

Gvern li jsaħħaħ il-banek u l-qasam finanzjarju

 

Il-Ministru Scicluna tkellem ukoll dwar id-Direttiva CRD IV, li ġiet diskussa fil-parlament ftit jiem ilu. Mistoqsi dwar din id-Direttiva, il-Ministru Scicluna saħaq li l-banek Maltin, għaliex kienu irregolati kif suppost il-kriżi ma affetwathomx, bħalma affetwat banek ta’ pajjiżi oħrajn.
“Iżda minkejja dan ir-riċessjoni għadha taffettwa lil Malta indirettament. Għalhekk huwa fl-interess ta’ pajjiżna li jsiru regolamenti aktar iebsin, biex dawk il-banek li fil-passat ħadu riskji kbar, jiġu regolati” spjega l-Ministru Scicluna.

Spjega li din mhix l-ewwel direttiva li għandha l-għan li tikkontrolla l-banek. Infatti kien hemm tliet direttivi qabel is-CRD IV. Madankollu r-regoli imniżżlin f’din id-direttiva huma ferm aktar studjati biex il-kriżi li ħalliet effett daqstant negattiv ma terġax tiġri.

“Din id-Direttiva iddaħħlet flimkien ma’ miżuri oħrajn, fosthom il-Banking Union u s-Single Supervisor” qal il-Ministru Scicluna. Meta kompla jelabora dwar dan, il-Ministru Scicluna qal li b’hekk issa “l-banek se jibdew iġemmgħu għal fond ta’ tmien snin biex jekk xi bank jispiċċa f’diffikulta juża dawn il-flus. Għaldaqstant, mil-lum il-quddiem, il-Gvern se jindaħal mill-anqas, għaliex se jkunu l-banek stess li jridu jsibu l-fondi biex jagħmlu tajjeb meta jkun hemm djufija” qal il-Ministru Scicluna.

 

 

Torca_Logo

Minn COREY FORMOSA

– Sunday, 15th March, 2015

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *