L-Edukazzjoni Informali ssawwar il-Karattru ta’ Uliedna


Dan l-aħħar ġejt mitlub nindirizza numru ta’ għalliema, kapijiet ta’ skejjel u anke organizazzjonijiet mhux governattivi speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu ħafna maż-żgħażagħ.  Is-suġġett kien dwar l-edukazzjoni mhux formali.  Bħalma nafu l-iskejjel tagħna mil-livell ta’ kindergarten, l-iskejjel primarji u sekondarji u l-Universita’ nirreferu għalihom bħala edukazzjoni formali għaliex l-istudenti għandhom suġġetti mifruxa fuq sillabus, programm, kotba u l-eżamijiet.  L-edukazzjoni formali hija ferm importanti għall-ħajja għaliex ikollok il-kapaċitajiet fil-matematika, il-lingwi, fil-ġeografija u l-istorja.

Dan huwa l-mod kif wieħed jipprepara ruħu biex fid-dinja tax-xogħol ikun ippreparat u jagħżel dak il-mistier jew vokazzjoni li jixtieq hu.  Ħadd ma jista jkun bdot mingħajr ma jkun ippreparat għal dak ix-xogħol u l-istess japplika għall-impjiegi oħra fosthom fil-mediċina u l-infermerija etc.  Dik hija l-edukazzjoni formali.

 

Nafu wkoll li wieħed ikun ippreparat għall-ħajja nfisha iżda bl-edukazzjoni formali ma tkunx biżżejjed.  Insibu żgħażagħ sew fil-familji li jsibuha bi tqila biex jaġġustaw rwieħhom f’ċertu xogħolijiet u jwaħlu f’ħaddieħor u jmorru f’post ieħor u jsib l-istess sitwazzjoni.  Wieħed irid jara li fl-istess ħin, li waqt li huwa huwa minnu li jkun hemm dawn il-problemi reali, huwa minnu li wieħed ikun ippreparat għall-ħajja u li jagħraf kif għandu jaġixxi.  Din il-preparazzjoni ta’ edukazzjoni mhux formali, mhijiex faċli li ssibha fl-iskejjel.  Huwa minnu li fl-iskejjel tidra taqsam ma’ ħaddieħor pero’ fil-familja għall-inqas fil-passat, wieħed kellu jidra jgħix fi’familja kbira, billi jżomm l-identita’ tiegħu jew tagħha, jfittex għad-drittijiet tiegħu.

Illum il-ġurnata s-sitwazzjoni fil-familja hija kemmxejn differenti għaliex illum il-familji huma żgħar u għalhekk il-wild m’għandux ma’ min jaqsam.  Huwa għalhekk li dan it-taħriġ wieħed isibu barra mill-iskejjel u l-familji fosthom f’organizazzjonijiet mhux governattivi jew għaqdiet sportivi jew ta’ delizzji oħra li jpoġġu lit-tifel jew tifla barra mill-kuntest formali pero’ jkunu qegħdin jitgħallmu ċertu kapaċitajiet li jgħinuh fil-ħajja u fil-personalita’ tiegħu.  Dawn it-tip ta’ ħiliet jgħinuh għal quddiem biex ikun jaf kif għandu jaġixxi fil-futur.

 

Sfortunatament illum il-ġurnata, t-tfal huma inqas esposti għall-edukazzjoni mhux formali u huwa għalhekk li l-problemi ta’ saħħa mentali qegħdin jikbru mhux biss fuq l-adulti imma anke fuq iż-żgħażagħ.  Dan huwa l-mezz li bi pjanar, tgħin lit-tfal joħorġu barra mill-kuntest tad-dar jew tal-iskola tagħhom u jibdew jitgħallmu dawn il-kapaċitajiet tal-ħajja.  Dawn it-tip ta’ ħiliet ma ssibhomx fil-kotba imma fis-sitwazzjonijiet li ġġib magħhom il-ħajja. Id-Duka ta’ Edinburgh, ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni li llum qabeż sew id-disgħin sena, ħaseb fi skema li għadha teżisti sal-lum u li bdiet ħamsin sena ilu; dak iż-żmien kont għadni żagħżugħ.  Infatti jiena kont l-ewwel wieħed li dħal għal din l-iskema; dak iż-żmien din kienet tinkludi avventura fi Sqallija fuq il-Muntanja Etna jew camping u li tagħmel l-isports u tilħaq ċertu miri.  Kien hemm ukoll ċertu delizzji fejn wieħed kellu jkomplih fuq mhedda ta’ sentejn jew tlieta.  Din l-iskema tħajjar liż-żgħażagħ jitgħallmu affarijiet li tippreparahom għall-ħajja.  U fl-aħħar tingħata midalba tad-deheb, fidda jew bronz b’rikonoxximent ta’ dak li rnexxielek tagħmel.  Għalija ngħid, li dan l-unur għini ħafna tul ħajti.

Huwa għalhekk importanti li l-organizazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll l-iskejjel għandu jkollhom dan it-tip ta’ għarfien; għaliex anke meta tiġi fuq il-post tax-xogħol, il-mod  kif wieħed iġib ruħu waqt l-interview, dan it-tip ta’ tagħlim informali jgħinu sabiex wieħed jidħol għal ċertu affarijiet mingħajr biża’ u jidħil għalihom b’ċertu impenn u kuraġġ.  Dawn it-tip ta’ affarijiet ebda ġenitur jew għalliem ma jista jgħallimhom b’mod partikolari għaliex wieħed irid jgħixhom u jesperjenzahom.  Jiena nawgura li kull familja li t-tfal mhux biss jieħdu edukazzjoni formali imma jirċievu wkoll din it-tip ta’ edukazzjoni mhux daqstant formali li ssawwarhom fil-karattru u l-ħiliet tagħhom.

Il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2019

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *