L-attakki fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna  


Ma naħsibx li kien hemm xi żmien daqs illum li istituzzjonijiet ta’ importanza kbira f’pajjiżna kienu attakkati bil-mod feroċi u qawwi li qegħdin ikunu attakkati bih. Attakki mhux biss fil-midja lokali u barranija imma anke, sfortunatament f’postijiet bħalma huwa l-Parlament Ewropew.

Meta ngħid istituzzjonijiet ta’ importanza kbira f’pajjiżna inkun qed infisser awtoritajiet finanzjarji bħalma huwa l-Bank Ċentrali, l-MFSA u l-FIAU. Ma’ dawn hemm istituzzjonijiet li mhumiex finanzjarji bħalma huwa l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Pulizija u oħrajn.

Għażilt li din il-ġimgħa nikteb fuq dan is-suġġett għax ninsab konvint li l-qarrejja jafu kemm-il akkuża saret li dawn l-istituzzjonijiet qiegħed ikollhom ħafna indħil. Anke jekk sadanittant min jagħmel dawn l-akkużi jkun hu innifsu li qiegħed b’xi mod jindaħal lil dawn l-istituzzjonijiet fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Dwar dan nitkellem aktar ‘il isfel. Imma qabel xejn irrid nagħti ftit sfond dwar istituzzjonijiet bħal dawk li qiegħed nitratta u li semmejt aktar ‘il fuq.

Dawn l-istituzzjonijiet huma dawk l-awtoritajiet li jmexxu r-regolamenti li jirrigwardaw l-liġijiet tal-pajjiż. Saru istituzzjonijiet għax huma maqlugħin minn dipartimenti tal-Gvern u minn Ministeri, b’iktar indipendenza u awtonomija. Huma awtoritajiet iffurmati minn persuni bi kwalifiċi, b’esperjenza bi speċjalizzazzjonijiet. B’mod irqum iridu jaraw kif ir-regolamenti jiġu rispettati għax qegħdin responsabbli għal tmexxija t’entitajiet bħalma huma banek, kumpaniji ta’ assikurazzjoni, kumpaniji tas-servizzi finanzjarji, u tal-egameing.

Gerrem illum, gerrem għada…….l-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li tipprova tkisser ir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżek

Il-liġi toħloq mod kif dawn l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet, jingħataw l-indipendenza tagħhom. Isir hekk mill-bidunett peress li huma entitajiet għal rashom u mhux entitajiet ta’ xi Ministru. Anke jekk kultant ikun il-Prim Ministru jew il-Ministru konċernat  li jappuntahom, iżda ħafna drabi l-ħatra taċ-Chairman tal-istituzzjoni isir b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni biex b’hekk ikun hemm ċertu kunsens miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Imma l-aktar mod li jassigura indipendenza lil dawn l-istituzzjonijiet huwa li wara li l-Ministru jappuntahom ma jkunx jista’ jneħħihom qabel jgħaddi t-terminu kollu tal-ħatra. Tkun tista’ tintalab riżenja għal raġuni ta’ saħħa jew xiħaġa li tant tkun goffa li awtomatikament il-Ministru jkollu d-dritt li jitlob ir-riżenja.

Dan iwassalni għall-punt dwar l-akkużi ta’ indħil fit-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Indħil m’għandux ikun hemm. Xejn iżjed u xejn inqas. Imma wieħed irid ukoll jikkwalifika x’ifisser INDĦIL. Indħil ma jfissirx biss li wieħed jagħmel kuntatt dirett ma’ xiħadd fit-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

Fl-opinjoni tiegħi huwa wkoll indħil jekk persuna ta’ ċerta importanza kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa tal-Oppożizzjoni tagħmel xi stqarrija qawwija fuq xi waħda minn dawn l-entitajiet. Ħaġa bħal din tkun indħil awtomatiku. Jekk tgħid li tali entità għandha tagħmel ġudizzju b’mod u mhux b’ieħor ukoll tkun qed tindaħal avolja ma tkunx għamilt kuntatt dirett maċ-Chairman responsabbli. Indħil ukoll ikun meta tara xi rapport f’xi ġurnal b’tipi grassi dwar x’għandu jsir u m’għandux isir minn dik l-Awtorità.

Għalhekk huwa importanti li t-tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet tkun iffurmata minn nies ta’ maturità kbira li tgħinhom biex ma jkunux influwenzati la minn attakki u lanqas minn pariri.

Għalhekk huwa inkongruwenti ħafna li l-Prim Ministru jew xi Ministru jintalbu jindaħlu f’dawn l-istituzzjonijiet għax xiħadd jidhirlu, jew ikollu suspett, li x-xogħol ma jkunx qed isir sewwa.

Mela tajjeb, għandna l-liġijiet maħsubin biex jipproteġu l-awtonomija u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet imbagħad tmur kontra dan il-prinċipju billi titlob lill-Ministru jindaħal għax xiħadd qal li hemm suspett li t-tali istituzzjoni mhix miexja sewwa! Il-liġi hija ċara,  meta wieħed jiġi biex jirriappuntahom għandu jittieħed inkonsiderazzjoni kif ikunu mexxew dawn l-istituzzjonijiet.

Filfatt il-Gvern qed jipproponi li anke ċ-Chairman ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jkun sottomess għall-iskrutinju tal-Parlament, skrutinju li jassigura aktar għarfien tar-responsabbiltà li ġġorr magħha l-kariga inkwistjoni. Hekk ilu jsir fil-Parlament Ewropew u hekk se nibdew nagħmlu f’pajjiżna.

Ma jfissirx li dawn l-istituzzjonijiet huma, jew se jkunu, perfetti u li ma jkun jonqoshom xejn. Ħafna drabi nirrealizzaw li pajjiżna, li għadu qiegħed jiżviluppa, huwa nieqes minn ċerti riżorsi u ma jkun qed isir xejn ħażin jekk tintalab l-għajnuna esperta, jekk hemm bżonn anke barranija.

L-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li tattakka dawn l-istituzzjonijiet, tipprova tkissrilhom ir-reputazzjoni tagħhom u tipprova tneżżagħhom mill-awtorità u r-rispett li jkunu jgawdu fil-pajjiż. Għax meta tkun qed tagħmel hekk ma tkunx qed tattakka persuna imma tkun qed tattakka l-fondazzjoni tal-liġi, il-law and order. Tkun qed tgerrem u tkisser il-pedamenti li fuqhom huma mibnijin il-liġijiet tal-pajjiż.

Nittama biss li qabel naslu biex nattakkaw dawn l-istituzzjonijiet wieħed jaħseb u jirrifletti. Huma istituzzjonijiet li domna s-snin biex bnejnihom. Li għandhom nies kapaċi, li jekk jitħallew jaħdmu b’mod trankwil, bla indħil, kapaċi jaslu biex jagħmlu xogħol tajjeb. Indħil bla bżonn żgur li ma jkunx qed jgħin biex ikollna l-law and order li tant qegħdin nisimgħu dwarha.

Nittama li permezz ta’ dawn il-ħsibijiet  il-qarrej jista’ jirrifletti aktar, u jasal għal ġudizzju, dwar din il-kontroversja li twassal biss biex toħloq konfużjoni u mhux titfa’ dawl fuq il-problema.

Il-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *