L-aspettattivi għall-baġit 2018


Ninsabu ftit ġimgħat biss bogħod milli nkunu qegħdin inressqu l-Baġit għas-sena 2018, l-ewwel wieħed ta’ din il-Leġiżlatura l-ġdida. Filfatt bħalissa ninsabu għaddejjin għalenija bil-preparamenti meħtieġa għal dan l-eżerċizzju ewlieni ta’ kull sena. Kif mistenni, bħalissa, jaslu fil-Ministeru tal-Finanzi diversi proposti apparti l-bidu tat-twettiq tal-Programm Elettorali. Is-sitwazzjoni ekonomika tajba li għaddej minnha l-pajjiż qegħda isservi biex joktru l-aspettattivi.

Interessanti li fid-diskussjonijiet ma ssirx distinzjoni bejn aspettattivi u bżonnijiet. Hemm differenza bejn dawk li huma bżonnijiet, bl-Ingliż NEEDS u dawk li huma aspettattivi, WANTS. Tali differenza toħroġ aktar ċara fejn tidħol l-ekonomija. Meta niġu għar-riżorsi u għat-tqassim tagħhom. Idealment it-tqassim tar-riżorsi jsir skont il-bżonnijiet. Iżda l-bżonnijiet assoluti min jista’ jgħid eżattament x’inhuma?

L-aspettattiva mhux bilfors tkun bżonn. Mhux bilfors li għal persuna li tkun tixtieq xiħaġa, dik ix-xiħaġa tkun bżonn. Madankollu għall-persuna konċernata dak li tkun tixtieq ikun bżonn u ħadd ma jista’ jiġġudika u jgħid lill-persuna konċernata li dak li trid mhux bżonn.

Dan kollu jfisser li għandna l-mod kif inħarsu lejn il-baġit. Nisimgħu kull proposta li ssirilna. Kull aspettattiva. Kull xewqa. Isiru proposti għal pensjonijiet ogħla. Għal pagi u salarji ogħla. Għal aktar benefiċċji. Ma jfissirx li kull talba li ssir tkun ġustifikata bħalma ma jfissirx li ma tkunx kunsidrata kull proposta li ssir. Anke fejn it-talbiet ikunu ġustifikati u tkun lest timplimentahom, xorta imbagħad hemm il-mod relattiv li bih ikollok tagħmilhom għax trid tqassam skont ir-riżorsi li jkollok xi tqassam.

 

Huwa minnu illi l-fatt li fil-finanzi tal-pajjiż, b’ħafna għaqal, prudenza u nfiq bil-galbu min-naħa tal-Gvern, irnexxielna għall-ewwel darba f’35 sena jkollna surplus ifisser li l-Gvern m’għandux għalfejn jiddejjen biex jagħmel in-nefqa. Iżda  rridu noqogħdu ferm attenti. Ma rridux naljenaw ruħna. Inkunu żbaljati jekk naħsbu li la darba rreġistrajna surplus allura kull aspettattiva hija possibbli. Dan l-istat ta’ fatt, favorevoli kemm huwa favorevoli, m’għandniex inħalluh jalludina li allura kollox huwa possibbli. Lanqas m’għandna nħalluh iwassalna biex nillaxkaw.

Minkejja kull kawtela u prudenza li qiegħed nappella għaliha min-naħa l-oħra huwa ta’ sodisfazzjon għalija li ngħid kemm morna ‘l quddiem ekonomikament. Bi pjaċir ngħid li b’riżultat ta’ dan l-avvanz ekonomiku d-dħul tal-Gvern qiegħed dejjem jiżdied u dan jagħmilha possibbli li nibdew nimplimentaw mill-miżuri u mill-wegħdi li għamilna fil-Programm Elettorali.

Irrid infakkar li tul il-kampanja elettorali li għaddiet dejjem għidna li dak li konna qegħdin inwegħdu konna nafu kemm se jkun jiswa’ u konna nafu li tali nefqa l-pajjiż jiflaħ għaliha. Meta ħaddieħor beda jwiegħed bl-addoċċ u kkonfrontajnieh bil-fatti li kien qed jagħmel kalkoli ħżiena anke fuq affarijiet elementari, baqa’ b’ħalqu magħluq. Kien jaf li konna aħna li konna qegħdin ngħidu l-verità.

Mill-baġit li ġej se nkunu qegħdin nagħtu bidu għat-twettiq ta’ dak li wegħedna. Se nkunu qegħdin ukoll nakkomodaw uħud mill-proposti li sarulna fix-xhur u ġimgħat li għaddew. Imma nerġa’ infakkar li l-libsa trid tħita skont id-drapp li jkollok, anke jekk tkun tixtieq li jkollok libsa isbaħ minn dik li għaliha għandek id-drapp. Fl-aħħar mill-aħħar x’imkien tkun trid taqta’ sinjal. It-tqassim tar-riżorsi jrid jiġi allokat u imqassam skont is-setturi ekonomiċi tal-pajjiż. L-għaqal hekk jitlob. Għax imxejna bil-għaqal ilbieraħ, illum ninsabu aħjar milli konna.

Nispera li dal-baġit, bħal dawk ta’ qablu se jkun qiegħed jissodisfa lil kull min hu ta’ rieda tajba. Se jkun qiegħed jissodisfa mhux għax tkun ġiet implimentata kull aspettattiva li wieħed seta’ kellu, imma minħabba l-fatt li skont ir-riżorsi tal-pajjiż, skont id-drapp li għandna stajna niddisinjaw u nfasslu biżżejjed biex il-familji Maltin u Għawdxin kemm jista ikun jgħixu b’mod aktar diċenti u aħjar mill-bieraħ billi jkomplu jgawdu mit-tkabbir ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.

 

Il-Ġimgħa 1 ta’ Settembru 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *