Ir-riċessjoni taħt il-lenti


Għal ħafna nies m’hemmx bżonn statistika biex ikunu jafu li l-ekonomija daħlet
f’riċessjoni. Iħossuha. Oħrajn ikunu jafu biss meta l-midja tħabbarha. Ftit ġimgħat ilu
l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ħareġ figuri li juru li, għat-tieni perjodu
konsekuttiv ta’ tliet xhur, l-Prodott Gross Domestiku (PGD) waqa’. Dan ifisser li
teknikament l-pajjiż daħal f’riċessjoni.

Filfatt ir-ricessjoni tkun bdiet meta l-attività ekonomika fil-pajjiż tkun waqfet tikber u
bdiet taqa’. B’attività ekonomika qed nifhmu x-xogħol kollu li jsir bil-ħlas f’pajjiżna,
in-negoz-ju, il-bejgħ, ix-xiri, l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Sew jekk isir mill-
Gvern, sew mill-privat.
Biex tkejjel din l-attività ekonomika kollha, l-aħjar hu li tieħu speċi ta’ ritratt. Anzi
tista tieħu tliet ritratti li suppost jagħtuk l-istess riżultat.
Wieħed minn dawn hu billi tgħodd id-dħul kollu ta’ kull persuna fil-pajjiż – pagi,
salarji, profitti, imgħaxijiet. Meta tgħodd dan id-dħul kollu, il-valur li jagħtik jissarraf
fil-Prodott Gross Domestiku. Meta dan il-valur jiżdied, nitkellmu fuq it-tkabbir
ekonomiku. Jekk jaħsel jonqos, allura jindika riċessjoni. Telf kbir ta’ pagi u profitti.
Agħar minn hekk ikollna ħafna nies u anke makkinarju wieqaf mix-xogħol. Riżorsi
mitlufin għal dejjem.

 

L-istess riżultat jinkiseb permezz ta’ ritratt ieħor li jħares biss lejn l-infiq. L-infiq
f’pajjiż-na li jsir mill-konsumaturi Maltin u barranin, kemm bħala turisti kif ukoll
bħala barranin li jixtru l-oġġetti li nesportawlhom, mill-investituri, u mill-Gvern.
Minn dan kollu nnaqsu dak li nkunu impurtajna f’pajjiżna. B’hekk inkunu kejjilna l-
istess attività ekonomika li rajna qabel.
It-tielet stampa nistgħu niksbuha billi nkejlu l-produzzjoni kollha ta’ pajjiżna.
Dawn it-tliet ritratti suppost għandhom jaqblu meta jaslu biex jagħtu l-valur tal-PGD.
Meta ma jaqblux ikun hemm xi żball fil-kalkoli. Din id-diskrepanza għandha
tinżamm baxxa kemm jista’ jkun għax meta tikber itappan xi ftit l-istampa vera. Però
dan ma jfissirx li ma naslux. Li rridu nagħmlu fil-fatt hu li mmorru fuq l-iktar me-
todu b’saħħtu u naqtgħu sinjal.

Ċiklu
Ir-riċessjoni tbeżża’ lil kulħadd imma l-iktar lill-Gvern. Għal ħafna snin lanqas il-
kelma nnifisha ma kienet titlissen fi ċrieki uffiċjali. Kien hemm il-biża’ li, bħall-pesta
ta’ dari, jekk issemmiha u ma troddx is-salib tinqabad u toħodha.
Din id-darba, billi ħafna pajjiżi oħrajn waqgħu fiha, il-Ministru tal-Finanzi qisu kien
bejn ħaltejn jekk jaċċettahiex. Hu qal li kien hemm żewġ raġunijiet għaliex l-
ekonomija waqgħet f’riċessjoni. L-ewwel waħda kienet it-tnaqqis fl-esportazzjoni
mill-fabbrika tal-ST, u l-oħra qal kienet minħabba li l-Enemalta din id-darba, kontra li
sar fil-passat, ma tħallietx tgħolli t-tariffi, għax… (inħalli lilkom taqtgħu għaliex).
L-ekonomija tgħidilna li l-ekonomija ta’ pajjiż ma taqax f’riċessjoni għax ikun ġara xi
ħaġa partikolari f’kumpanija waħda u f’daqqa waħda tidħol f’riċessjoni. Ir-riċessjoni
hija bħal lejl. Jekk toqgħod attent tinduna li jkun qed jidlam. Parti minn ċiklu. B’hekk
bl-użu ta’ mudelli l-ekonomisti jbassru bejn wieħed u ieħor meta tkun wasalt biex
taqa’ fiha. Tant għandek attività fil-pajjiż kollu, eluf ta’ eluf ta’ attivitajiet ekonomiċi
illi meta kollha kemm huma jintrefgħu jew jaqgħu jkun hemm ċerta dinamika.
Għalhekk nitkellmu fuq iċ-ċiklu ekonomiku. Kultant jibda t-tkabbir u meta mbagħad
jitlef is-saħħa tibda t-triq għan-niżla.

Xejn ma jiġri f’daqqa u bla raġuni. Min jgħid hekk ifisser li hu ma jkunx attent fuq it-
tmun. Il-maltemp ukoll jista’ jitla’ malajr imma xorta tarah tiela’. Fl-ekono-mja
hemm bosta indikaturi li juruk ċar li ġejja r-riċessjoni.
L-istess għall-ħruġ minn riċessjoni. Normalment meta tidħol f’riċessjoni mhux se
toħroġ minna l-għada għax iċ-ċiklu jrid jieħu ftit taż-żmien. Jekk ma tagħmel xejn
ukoll fl-aħħar jiġi żmien li l-investituri jgħidu li mis-sejna l-qiegħ. Minn hemm il-
quddiem kull infiq jerġa’ jibda jdawwar ir-rota ’l fuq.
Però ħadd ma jrid joqgħod idu fuq żaqqu u ma jagħ-mel xejn. In-nies ikunu qed ibatu
u kull gvern jipprova jirrimedja. Il-politika fiskali u monetarja hija bħall-antibijotiċi.
Mediċina ġenerali li toq-tol kull infezzjoni. Imma xorta t-tabib jkun jixtieq ikun jaf
fejn hi l-infezzjoni.


Road map
L-istess fl-ekonomija, wie-ħed jixtieq ikun jaf minn fejn ġejja sew il-waqgħa fl-
attività ekonomika. B’mod sempliċi, u fl-ekonomija m’hemm xejn sempliċi, l-fattur
ewlieni jista’ jkun ġej jew minn tnaqqis fl-esportazzjoni, jew fit-turiżmu, jew fil-
konsum, fin-nefqa tal-Gvern, jew minn tnaqqis fl-investiment. Kull sors għandu r-
rimedju tiegħu.
Fil-każ ta’ meta d-domanda mill-barranin tonqos li jibqagħ-lek tagħmel hu li
tirreklama iktar u ssir kompetittiv permezz ta’ żieda fil-produttività li tgħinek traħħas
il-prezz u tbigħ iktar.
Fil-każ tal-konsum u l-investiment għandek fatturi psikoloġiċi. Jekk il-konsumaturi
jibżgħu li se jitilfu l-post tax-xogħol, jew l-investitur isib ħafna inċertezza fil-pajjiż, it-
tnejn jidħlu f’qoxorthom bħal bebbuxu u jnaqqsu l-infiq. Għalhekk ngħidu sew li l-
instabbiltà fil-pajjiż mhix tajba għall-ekonomija.
Kull fattur jgħin lill-ieħor sew ’il fuq u sew ’l isfel. Dan iwassal biex il-pajjiż jieħu ftit
taż-żmien biex toħroġ mir-riċessjoni. Wieħed iżda għandu jidentifika x’wassal għar-
riċessjoni ħalli jipprepara pjan speċifiku, dan iż-żmien ngħidulu ‘road map’ biex il-
pajjiż joħroġ mir-riċessjoni. L-agħar li tista’ tagħmel huwa li tinnega li għandek
riċessjoni, għax b’hekk m’intix se tindirizza l-problemi li wassluk f’dan l-istat.

 

Nota dwar il-kumpanija tal-ajru tagħna, l-Air Malta
Ġimgħa biss wara li l-Kummissarju Ewropew tal-Kompetizzjoni Joaquim Almunia
stqarr miegħi, fil-pubbliku, waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u
Monetarji li “l-awtoritajiet Maltin mhumiex jipprovduna bl-informazzjoni li neħtieġu;
jew il-pjan ta’ ristrutturar li issottomew ma jaqbilx mar-regoli tal-‘istate aid’ toħroġ
aħbar sorprendenti daqsa li l-Kumissjoni laqgħet il-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta.
X’ġara eżatt f’dawk il-ħames ġranet tax-xogħol? Tgħid l-awtoritajiet Maltin ċedew xi
ħaġa? X’ġie sottomess eżatt? Ħafna mistoqsijiet li jitolbu tweġiba ċara lill-ħaddiema
tal-Air Malta kif ukoll lil Maltin u Għawdxin li se jħallsu mit-taxxi tagħhom għal dan
l-eżerċizzju

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 2 ta’ Lulju, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *