Il-Lista s-Sewda


Pajjiżi deskritti bit-terminu ta’ tax haven ilhom fuq l-aġenda tal-opinjoni pubblika, mhux biss lokali, għal tul ta’ żmien, imma kultant b’aktar enfasi minn drabi oħrajn.

Aktar kmieni din il-ġimgħa pparteċipajt  f’laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell. L-aġenda, pjuttost twila, kienet tinkludi l-approvazzjoni ta’ lista ta’ pajjiżi biex ikunu black listed, jingħataw timbru iswed, jissemmew fil-ħażin minħabba l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali fejn tidħol it-taxxa. Huma dawn biss li jixirqilhom jissejħu tax haven. Ilna nisimgħu lil min jipprova jittimbra lil dak u lill-ieħor bħala tax haven. Ippruvaw, b’mod malizzjuż li jagħmel ħsara lil xi pajjiż jew ieħor. U għadhom jippruvaw jagħmlu hekk anke lil pajjiżna.

Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fejn għandna liġijiet speċifiċi, ma jistax ikun hemm pajjiżi tax haven għax dan minnu nnifsu jkun kontradittorju. Kif jista’ pajjiż li hu membru tal-Unjoni Ewropea jgħidulu li ma jridx jikkopera? Jekk ikun hemm xi pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jikser il-liġi joħroġ minnufih infringement. Jekk jirriżulta li hemm xi prattiċi li fl-Unjoni Ewropea kollha mhumiex tajbin allura jkun fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea li tressaq għall-approvazzjoni abbozzi ta’ liġijiet biex la darba jkunu approvati allura jsiru direttiva.

Filfatt saru żewġ direttivi, Anti-Tax Avoidance Directive 1 u Directive 2. L-għan ta’ dawn id-direttivi huwa biex ikunu skoraġġiti u jitnaqqsu prattiċi mhux mixtieqin. Malta, flimkien mas-27 pajjiż membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, approvat dawn id-direttivi.

Ma jfissirx li l-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi tkun waħda insrtantanja. Minn issa għal issa. L-implimentazzjoni tieħu ż-żmien, filfatt hemm terminu ta’ sentejn biex issir l-implimentazzjoni tagħhom. U dan mhux b’kapriċċ. Il-kumpaniji konċernati jkunu jridu jafu bil-quddiem liema affarijiet ikunu jridu jinbidlu f’dik li hija taxxa u allura, minħabba l-investiment involut, se nkunu qegħdin nagħtu żmien biżżejjed biex dan isir.

Madankollu wieħed għandu jżomm f’moħħu li fl-ECOFIN konna qegħdin nitkellmu mhux dwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea imma dwar pajjiżi li mhumiex membri u allura mhumiex marbutin bid-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li filwaqt li l-Unjoni Ewropea qegħda tissikka biex kumpaniji ma jibqgħux jeżerċitaw prattiċi li bihom jevadu t-taxxa, dawn l-istess kumpaniji jistgħu jitilqu mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u jmorru f’pajjiżi oħrajn.

Fi ftit kliem dan ikun ifisser li l-Unjoni Ewropea titlef mill-kompetittività tagħha. Biex dan ma jsirx, l-Unjoni Ewropea se tagħmel dik li tissejjaħ black list, li jfisser li l-Unjoni Ewropea se tesponi min huma dawn il-pajjiżi, se tagħmel dak li bl-Ingliż jissejjaħ name and shame. Bil-Malti ngħidu se “tkun qed tavvelihom”.

Dan ma jsirx b’kapriċċ u jsir wara skrutinju rigoruż minn sotto kumitat tal-ECOFIN imsejjaħ Code of Conduct, iffurmat minn speċjalisti fit-tħaddim tat-taxxi u li b’mod oġġettiv raw x’inhuma l-kriterji li abbażi tagħhom għandhom ikunu identifikati dawn il-pajjiżi. Hemm numru ta’ pajjiżi li diġà tpoġġew fuq din il-lista. Pajjiżi li ma jiskambjawx informazzjoni dwar tax payers. Pajjiżi li għandhom is-segretezza jew li mhumiex membri tal-OECD fil-Global Forum biex jaraw x’riformi hemm bżonn f’pajjiżhom. Fi ftit kliem pajjiżi b’nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali fejn tidħol it-taxxa.

Hemm pajjiżi oħrajn li wkoll kienu se jitpoġġew fuq din il-Lista s-Sewda imma wara li indirizzaw lill-Kunsill u wegħdu li fi żmien speċifikat, li jvarja minn sena għal sentejn, se jkunu qegħdin jikkonformaw lilhom infushom ma’ dak stabbilit mill-Unjoni Ewropea allura se jingħataw aktar nifs. Sadattant flok fuq il-Lista s-Sewda se jkunu qegħdin jitpoġġew fuq lista oħra, il-Lista l-Griża. Fost dawn il-pajjiżi hemm il-Marokk u t-Tuneżija.

Huwa fl-interess tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li dan isir. U huwa loġiku li jsir. Għax ma jkunx ġust li waqt li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż pajjiżna, qegħdin naraw kif nistgħu inkomplu ngħollu l-livell ta’ skambjar ta’ informazzjoni biex tkun kumbattuta l-evażjoni tat-taxxa, inkunu qegħdin nitilfu mill-kompetittività tagħna għax ħaddieħor ma jkunx konformi mar-regoli tagħna.

Jista’ jkun li kien hawn min qed jistenna li pajjiżna jissemma bħala li tpoġġa fuq xi waħda miż-żewġ listi li semmejt, primarjament fuq il-Lista s-Sewda. Malta la tpoġġiet fuq il-Lista s-Sewda u lanqas fuq il-Lista l-Griża.

Min stenna hekk ra bużżieqa oħra tinfaqa’ f’wiċċu.

Malta, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, hija konformi ma’ dak mitlub u mistenni minnha.

 

Diskussjoni informali bejn tliet Ministri għall-Finanzi flimkien mal-Ministru għall-Finanzi tal-Latvja Dana Reizniece Ozola u l-Ministru għall-Finanzi Ċiprijott Charis Georgiades.

 

Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru 2017

 

 

 

 

,

3 responses to “Il-Lista s-Sewda”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *