Il-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Malta


Il-Kunsill tal-Bank Ċentrali Ewropew (il-BĊE), li hu magħmul mill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro, il-ġimgħa li għaddiet organizza f’Malta l-laqgħa regolari tiegħu li jkollu kull xahar. Iltaqa’ hawn Malta għax għalkemm is-sede prinċipali tal-BĊE tinsab fi Frankfurt, il-Ġermanja, fejn jiltaqa’ kull xahar, minn żmien għal żmien jiltaqa’ wkoll f’pajjiż membru taż-Żona tal-Ewro. Did-darba kien imiss lil Malta biex tilqa’ lil dawn il-gvernaturi.

 

european central bank_logo

 
Ġew hawnhekk biex jaħdmu, biex jiddeċiedu dwar il-politika monetarja tal-Ewropa. Din ma kinitx laqgħa ordinarja, mhux għax saret hawn Malta imma għax id-dinja – speċjalment is-swieq finanzjarji internazzjonali, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-kumpaniji, u l-banek – kienet qed tistenna bil-ħerqa biex tara jekk fi tmiem din il-laqgħa l-President tal-BĊE, Mario Draghi, kienx se jħabbar xi deċiżjonijiet important dwar il-politika monetarja. Dan fil-kuntest tal-fatt li l-inflazzjoni fil-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro hija baxxa u daret għan-negattiv. Qed naraw deflazzjoni li ma tagħmel xejn ġid għat-tkabbir ekonomiku, għax biex ikollok tkabbir ekonomiku b’saħħtu r-rata tal-inflazzjoni trid tkun madwar tnejn fil-mija. Dik il-mira qegħdin ’il bogħod minnha, tant li l-aħħar statistika turi li l-inflazzjoni marret taħt iz-zero, u allura l-politika li adotta l-BĊE kienet dik li nsejħulha ‘sulliev kwantitattiv’ (quantitive easing – QE).

Bit-tkabbir ekonomiku biss jinħoloq ix-xogħol u jonqos il-qgħad.

L-iskop tas-sulliev kwantitattiv hu xi ħaġa li qatt ma saret qabel fl-Ewropa: li l-BĊE jixtri ċerti assi tal-gvernijiet (bonds) u ta’ kumpaniji ewlenin biex jippompja l-flus fl-ekonomija. Qed jippompja triljun ewro, ċifra li diffiċli anki timmaġinaha f’moħħok. Qed nitkellmu fuq elf biljun ewro – biss biss sittin biljun kull xahar. B’dan l-ippumpjar ta’ flus il-BĊE qiegħed jiżgura li l-banek ikollhom biżżejjed likwidità biex jibdew jagħmlu l-kuraġġ u jsellfu lill-kumpaniji ħalli tibda ddur ir-rota tat-tkabbir ekonomiku.

 

 

orizzont thumbnail

 
Għaddew ftit xhur minn mindu din il-politika monetarja ġdida bdiet tiġi implimentata u dan affettwa wkoll ir-rata tal-kambju – il-valur tal-ewro tbaxxa u ddgħajjef. Iżda biex jiddgħajjef, bħalma ngħidu bl-Ingliż, “it takes two to tango”. Irridu naraw id-dollaru Amerikan x’se jiġri minnu. Billi qed nitkellmu fuq il-valur tal-kambju bejn l-ewro u d-dollaru, jiddependi minn jekk id-dollaru hux se jissaħħaħ jew inkella jiddgħajjef, u hemmhekk għandna storja oħra ta’ inċertezza. Filwaqt li fl-Amerka hemm l-inċertezza dwar jekk l-inflazzjoni hix se tibda togħla, jekk jgħollu r-rati tal-imgħax il-problema tkun solvuta għax id-dollaru jogħla fil-valur tiegħu u l-ewro jiddgħajjef vis-à-vis id-dollaru u allura l-politika tagħna tibda taħdem. Iżda billi aħna inċerti kemm min- naħa tal-Ewropa dwar kemm l-inflazzjoni baqgħalha żmien biex terġa’ tibda tieħu r-ruħ kif ukoll, min-naħa l-oħra, min-naħa tal-Amerika dwar l-inflazzjoni, hemmhekk allura tinħoloq inċertezza.
 
Biex il-biċċa tikkomplika ruħha – għax l-affarijiet qatt ma jkunu sempliċi – għandna dawk li nsejħulhom swieq emerġenti, inkluża ċ-Ċina. Jekk jogħla d-dollaru u jogħlew l-imgħaxijiet joħorgu flejjes kbar, biljuni kbar, minn dawn il-pajjiżi u dan ikollu effett negattiv fuq id-dinja.
 
Din hija l-istampa. X’ħareġ minn din il-laqgħa tal-BĊE f’Malta? Il-President Draghi ħabbar li mhu se jagħmel xejn għalissa sabiex jistenna li joħroġ iktar tbassir tal-ekonomija għall-futur fl-aħħar ta’ din is-sena. Hemmhekk, imbagħad, biħsiebu jiddeċiedi jekk hux se jespandi jew inkella jġedded l-ewwel eżerċizzju ta’ solliev kwantitattiv u jagħmel il-‘Quantitiative Easing 2’. Dan l-ewwel eżerċizzju kellu jispiċċa f’Settembru tal-2016, imma s-swieq internazzjonali jkunu qed iħarsu lejn il-futur għax ikunu jridu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Wieħed irid jara jekk dan isirx. Ir-raġuni li ma sar xejn kienet li t-tkabbir fl-Ewropa bil-mod il-mod beda jidher. Hawn ċertu ottimiżmu. Qed naraw li s-self tal-banek lill-kumpaniji żdied b’nofs wieħed fil-mija – persentaġġ żgħir imma pożittiv.
 
Raġuni oħra għaliex il-president Draghi ddeċieda li jistenna hija li qiegħed jitlob lilll-gvernijiet tal-Istati membri biex jagħmlu l-parti tagħhom ukoll. Ma nistgħux nistennew kollox mill-BĊE. Il-gvernijiet nazzjonali jridu jieħdu azzjoni bil-politika fiskali tagħhom biex jgħinu ħalli jkun hawn tkabbir ekonomiku filwaqt li, kif qal Draghi, iżommu mar-regoli li għandna fl-Unjoni Ewropea. Din hi xi ħaġa li pajjiżna u l-Gvern preżenti jridu jżommu magħha: irridu li d-defiċit u d-dejn jinżlu, iżda fl-istess ħin il-politika fiskali tagħna tkun favur it-tkabbir.
 
Bit-tkabbir ekonomiku biss jinħoloq ix-xogħol u jonqos il-qgħad. Din hija xi ħaga li tixtieq Malta u li qed jirnexxielha tagħmilha, iżda li pajjiżi oħra fiż-Żona tal-Ewro għadhom ’il bogħod minnha.

 

– Friday, 30th October, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *