Il-kwalitajiet għal tmexxija politika


Bħalissa ż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna qegħdin fil-proċess li jappuntaw ħatriet importanti fi ħdanhom. Fil-każ tal-Partit Laburista rridu naħtru Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament wara l-irtirar tas-Sur Louis Grech. Fil-każ tal-Partit Nazzjonalista jridu jaħtru Kap u żewġ Viċi-Kapijiet wara d-dikjarazzjoni ta’ riżenja mill-Kap, Dr Simon Busuttil u taż-żewġ Viċi-Kapijiet, Dr Mario Demarco u Dr Beppe Fenech Adami konsegwenza tar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda.

 

 

Bħalissa fil-gazzetti u anke fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni dejjem b’xi storja dwar il-kampanji elettorali li għaddejjin. Għaddejjin ukoll ħafna programmi ta’ diskussjoni dwar l-istess suġġett. Ħafna huma dawk li jsegwu d-diskussjonijiet. Naħseb li fil-maġġor parti tagħhom dawk li jsegwu qegħdin jistaqsu l-mistoqsija ewlenija: x’inhuma l-kwalitajiet li wieħed jistenna mingħand min ikun fit-tmexxija ta’ partit politiku?

 

Naħseb li waħda mill-iktar kwalitajiet importanti hija l-KOMPETENZA. Il-kompetenza hija l-kapaċità li wieħed ikollu familjarità sewwa ma’ suġġetti li jkunu qrib it-tmexxija tal-pajjiż.  Qegħdin nitkelmu fuq xjenza soċjali. Jista’ jkun li ħafna mill-mexxejja politiċi ġejjin mill-kamp tal-liġi. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li fejn tidħol tmexxija, speċjalment ta’ kap, jew mexxej, hu x’inhu l-background li ġej minnu, irid ikollu għaġna tajba sew fl-ekonomija u fil-finanzi.

Jista’ jkun ekonomista, tant aħjar; jista’ jkun bankier tant aħjar. Tkun xi tkun il-professjoni li jkun ġej minnha, xorta jrid ikollu dak l-interess kbir li jċaqlaq l-ekonomija. Fuq kollox l-Amerikani jgħidu it’s the economy stupid, jiġifieri trid tkun stupidu biex ma tindunax li l-iljunfant fil-kamra hija l-ekonomija.

Għax hija l-ekonomija li tmexxi. Hija l-ekonomija li ġġib il-ġid. Hija l-ekonomija li tħaddem u toħloq ix-xogħol. Hija l-ekonomija li tnaqqas ir-rata tal-qgħad u allura tgħolli l-livell tal-għixien. U allura, ġejjin mnejn ġejjin, il-mexxejja politiċi jkollhom interess kbir fit-tmexxija tal-ekonomija, fit-tkabbir tal-ekonomija. Ikunu kunsidrati li għamlu suċċess jew le jiddependi mir-riżultati li jkunu laħqu f’dan il-kamp.

Iżda ’l hemm mill-kompetenzi hemm ukoll l-ESPERJENZA. Esperjenza tista’ tkun twila s-snin u tista’ tkun iqsar. Li jgħodd l-aktar huwa r-relevanza ta’ dik l-esperjenza. L-esperjenza, aktar ma tkun relevanti għal dak ix-xogħol aktar tkun preġjata mill-elettorat jew inkella minn min ikun qiegħed jeleġġi dawn il-pożizzjonijiet ta’ tmexxija politika.

Il-politika tista’ titwieled fiha u tista’ tidħol fiha. Il-politika tista’ wkoll tistudjaha u allura dawk in-numri ta’ snin ta’ esperjenza jistgħu jiqsaru għax inti għandek aktar għarfien. Għandek tagħlim dwar il-filosofija politika, ix-xjenza politika, l-ekonomija, l-istudji soċjali.

Dawn kollha qegħdin hemm biex inti tqassar iż-żmien tal-esperjenza. Billi taqra u titgħallem fuq x’ħasbu kbarat u xjenzati. Titgħallem dwar x’ħasbu fil-fond dwar it-tmexxija ta’ pajjiż u allura ħafna huma l-politiċi li huma gradwati f’dawn is-suġġetti. Huma suġġetti mgħalma fl-universitajiet.

Hemm kwalitajiet oħrajn, pero iddur fejn iddur, fl-aħħar rrid ikollok xi ħaġa interna, l-Ingliżi jsejħulha the animal spirit. Irid ikollok ambizzjoni, ambizzjoni kbira li tasal fejn trid. Jekk ma jkollokx dik il-ħeġġa li tasal fejn trid tasal, allura ma tasalx.

Kwalità oħra li għandu jkollu min jidħol għal kariga li magħha ġġorr xi forma ta’ tmexxija hija l-KREDIBILITÀ. Il-kredibilità tirbaħha b’għemilek. Bil-mod kif tmexxi. Bir-riżultati li tikseb. Il-kredibilità tiksibha billi żżomm il-kelma. Li dak li twiegħed twasslu. Huma dawn il-kwalitajiet li jagħmlu l-persuna adatta jew le għal dik il-pożizzjoni politika.

Sintendi, int li qed taqra jista’ jkollok opinjoni diversa dwar kwalitajiet oħrajn li għandu jkollu min ikun qed jokkupa karigi bħal dawk li qegħdin jiġu kontestati, jew li se jkunu kontestati, fi ħdan il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.

Huwa dmir tagħna li qegħdin fil-politika li naraw li l-aspettattivi li  ntellgħu fost l-elettorat inwassluh biex jilħaqhom. Jirnexxielna nagħmlu dan jekk dawk l-aspettativi jkunu msejsa fil-kwalitajiet li rreferejt għalihom aktar ‘il fuq.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Lulju 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *