Il-Bullying mal-Pajjiżi ż-Żgħar


Ma hemm l-ebda dubju li pajjiżna huwa pajjiż żgħir. Sew fiżikament, distanzi min-naħa sa oħra tal-baħar li jdur mal-gżira tagħna u anke f’terminu ta’ popolazzjoni ta’ madwar erba’ mija u ħamsin elf, anqas minn nofs miljun – popolazzjoni żgħira.

Fir-relazjonijiet politiċi pajjiżi oħra kif iħarsu lejna? Għandna xi vantaġġ aħna? jew żvantaġġi biss għandna? Din hija politika barranija, politika Ewropea, politika li tikkonċerna l-pajjiżi żgħar. Hemm ħafna pajjiżi oħra żgħar bħalna speċjalment fil-Commonwealth u oħrajn li wara l-gwerra ħadu l-independenza tagħhom, gżejjer li għandhom is-sovranità tagħhom. Għandhom l-indipendenza tagħhom u allura ġew iddikkjarati min-Nazzjonijiet Uniti bħala pajjiżi. B’hekk dawn saru stati membri fl-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fl-Unjoni Ewropea għandna pajjiżi żgħar bħalma hu l-Lussimburgu li għalkemm fiżikament għandu d-daqs tiegħu ukoll. Għandna wkoll imbagħad pajjiżi ftit akbar mill-Ewropa ċentrali u tal-Lvant. Dawk li kienu jagħmlu parti mill-eks Unjoni Sovjetika. Imma nerġgħu niġu għal dik li hija l-politika. Iċ-ċokon huwa vantaġġ jew żvantaġġ għalina? Ma hemm l-ebda dubju li l-pajjiżi l-kbar meta jħarsu lejn il-pajjiżi żgħar b’mod naturali jikkalkulawhom inqas. Il-pajjiżi żgħar m’għandhomx dik is-saħħa, il-poter, m’għandhomx dawk il-finanzi l-kbar, m‘għandhomx dik l-armata kbira. Allura xi ftit jew wisq l-importanza tagħhom tkun anqas.

Iżda meta l-istruttura tkun qiegħda hemm din tkun qed tagħti kemm jista’ jkun l-importanza ta’ pajjiż bħal pereżempju fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Fil-Kunsill kull Stat Membru hu kemm hu kbir għandu persuna waħda pereżempju l-Ministru għall-Finanzi. Dak li huwa l-Ecofin fir-rigward ta’ affarijiet ekonomici u monetarji. Jekk Malta għandha persuna waħda fil-Ministru għall-Finanzi l-istess il-Ġermanja u l-istess Franza.. Iżda fil-fatt li jiġri huwa li l-pajjiżi l-kbar jinagħtaw iżjed importanza. Għandhom aktar saħħa, għandhom iktar say, għandhom dik li hija deċiżjoni. Jistgħu jibblokkjawlek iktar minn pajjiż żgħir fejn imbgħad jagħmlu pressjoni kbira biex iċedi.

Min-naħa l-oħra hemm ukoll ċertu vantaġġi għal fatt li inti tinstema’ b’mod aktar oġġettiv. Il-fatt li meta tgħid xi ħaġa għandha aktar valur għaliex m’għandekx xi aġenda bħalma jkollu xi aġenda xi pajjiż kbir li għandu l-interessi tiegħu. Veru li pajjiżna żgħir u aħna wkoll għandna l-interessi tagħna imma dawn huma lokali, huma għal pajjiżna u mhumiex sa jinfluwenzaw daqshekk ix-xaqliba jew inkella l-futur tal-Unjoni Eewropea. Iva, jisimgħu minna imma mhux ser ikun hemm dik is-saħħa li bħal pereżempju għandha il-Kanċellier Merkel fil-Ġermanja. Allura hemm jintagħżlu għal ċertu postijiet bħal rapporteur. Li wieħed imexxi dik il-laqgħa għaliex il-pajjiżi l-kbar stess bejniethom li jippreferu xi ħadd li huwa newtrali, pajjiż żgħir li ma jkollux aġenda biex iżomm, bħalma referee jżomm il-partita għaddejja b’mod fair kemm jista’ jkun. Dan huwa vantaġġ tajjeb għal pajjiż żgħir. Pajjiż li meta jitlob xi ħaġa hija żgħira u ma tantx hija kbira. Jekk jgħidulna le dan ikun minħabba raġunijiet ta’ prinċipju mhux għaliex m’hemmx flus għalina. Għaliex dak li nkunu qed nitolbu aħna jkun veru ċkejken ħdejn il-baġit enormi  tal-pajjiżi kbar.

Min-naħa l-oħra pajjiż żgħir, ikollna nammettu li jista’ jiġi bullied. Dan ifisser li meta pajjiż żgħir jipprova jgħid il-kellma tiegħu u din ma taqbilx mal-maġġoranza fil-Kunsill tarahom jinżlu b’dik is-saħħa kbira u joħduha for granted li ma jikkalkulawħx u b’hekk tintefa’ aktar pressjoni fuqna. Għandhom ħafna metodi kif jistgħu jagħmlu dan u allura pajjiż żgħir xi ftit jew wisq jista’ jċedi għal dik il-pressjoni mhux dejjem imma ħafna drabi ikollok issib konsensus, ikollok issib ftehim u jkollok issib it-triq tan-nofs u tikkonċedi ċerti affarijiet.

Dan l-aħħar iktar minn qabel, qed naraw li meta pajjiżi jkunu jridu jiġu jibbuljawk, jiġifieri meta inti stess titfa’ l-għadab kontrik għaliex tibda issaħħan u trewwaħ kontra pajjiżek bħalma fil-fatt ġara f’dawn l-inċidenti tal-aħħar snin, allura tkun qed tagħti ir-riħ lil dawn l-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħmlu li jridu. Ittihom blank ċekk u jiena min-naħa tal-Ministeru għall-Finanzi nista’ nara iktar minn ħaddieħor u nara mill-esperjenza tiegħi kif sew meta kont fil-Parlament Ewropew u sew fil-Kunsil kif aħna nimxu ma’ pajjiż normali u meta inti timxi b’mod ieħor tirrealizza li dan mhux normali ima dan huwa bullying. Din hija pressjoni li mhix fair. Meta inti pereżempju  takkuża lil xi ħadd u l-anqas tagħtih ċans jiddeffendi ruħu dak huwa bullying. Li inti tipprova taqta’ s-sentenza qabel ma tajtu ċans jirrispondi dak huwa bullying.

Dawn mhumiex eżempji fl-arja. Dawn huma eżempji li sfortunatament jien ma nistax nitkellem fuqhom fid-dettall iżda li qegħdin jiġru illum. Qed jiġru llum fl-istutizzjonijiet Ewropej li iva qegħdin jagħmlu bullying ma pajjiżna għar-raġuni li hi sempliċi li mhux biss jagħtu lil pajjiżna ċ-ċans li jiddefendi ruħu. Ma jatuniex iċ-ċans li nispjegaw li jekk dawn l-affarijiet kellhom jiġru f’pajjiżi kbar ma kienx ikun hemm dik is-severità u dik il-qilla u dawk il-kummenti aggressivi fuq dak il-pajjiż.

Dan l-aħħar smajna li fid-Danimarka hemm investigazzjoni għaddejja fuq seba’ biljun ewro f’dak li huwa ħasil ta’ flus li l-oriġini tagħhom huma mir-Russja. Xi ħaġa li hija qawwija u sintendi hija serja ukoll. Iżda ħadd ma qal li l-gvern tad-Danimarka jrid jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew. Li membri tal-Parlament Ewropew se jmorru d-Danimarka biex jinvestigaw u jindaħlu, li jkellmu lill-maġistrati u li jidħlu fid-dettal u jaqtgħuha  jekk id-Danimarka hix ħatja jew le. Ma jsirux dawn l-affarijiet u hekk hu.

Dan l-aħħar ukoll smajna li f’Berlin kien hemm konferenza fuq il-ħasil tal-flus. Għoġobhom isawwtu lil pajjiżna għax pajjiżna żgħir u tkellmu fuq ħafna affarijiet, li għandhom kull dritt. Min-naħa l-oħra minn din il-laqgħa ħareġ li l-istituzzjoni regolatorja f’pajjiżna hija l-FIAU imma fil-Ġermanja jisimha mod ieħor u li għandha erbgħin elf każ serju ta’ investigazzjoni ta’ ħasil tal-flus li qegħdin fuq l-ixkaffa għal raġuni li ma għandhomx nies biżżejjed biex jinvestigawhom. Mhux każ wieħed, tnejn, tlieta, iżda erbgħin elf. Allura meta wieħed jibda jgħid, mela allura aħna fuq każ wieħed kien hemm dik is-severità kollha u fuq erbgħin elf għax huma ta’ pajjiż kbir mhu qed jiġri xejn? Aħna għandna kull dritt insaqsu dawn il-mistoqsijiet. Veru li pajjiż żgħir m’għandux il-vuċi, imma għandu moħħ biex jaħseb.

Dawn huma affarijiet li ma nistawx nsejħulhom normali imma affarijiet li jiġru f’kull pajjiż. Ikun hemm il-vjolenza, in-nies imutu, in-nies li jinqatlu, in-nies li jibdew bis-skandli kbar mhumiex affarijiet li xi ħadd jieħu gost bihom. Imma dawn huma affarijiet li jiġru u li wieħed jifhimhom.

Kull pajjiż jagħmel minn kollox biex jagħmel id-detterent biex dawn ma jsirux. Għalhekk għandna l-qrati. Għalhekk għandna l-ħabs. Għalhekk għandna l-pieni. Għalhekk għandna l-liġijiet. Għalhekk għandna d-dritt tal-liġi dik li ilna nisimgħu biha jiġifieri r-rule of law, sabiex dan il-proċess isir b’mod kif wieħed jistenna. Kieku l-ebda pajjiż ma jistenna li dawn jiġru kieku ma għandniex bżonn il-qrati, ma jkollniex bżonn il-pulizija. M’għandniex bżonn il-ħabs. Il-fatt li kull pajjiż għandu din is-sistema tfisser li l-bniedem nippruvaw kemm nippruvaw jaqa’ għal dawn l-affarijiet. Il-bnedmin mhux kollha xorta u dejjem se jkollok parti mis-soċjetà li tagħmel ħsara lil dik is-soċjetà.

Iva sfortunatament pajjiżi żgħar jiġu bullied. Bħalma l-bnedmin u tfal fl-iskola jiġu bullied pajjiżi żgħar ukoll jiġu bullied. Importanti li għal dawn il-każijiet partikolari l-pajjiż iħalli l-istituzzujonijiet jidħlu fihom. Aħna bl-għalmu taghna irridu nuru li bħala pajjiż żgħir għandna nkun stmati b’mod ġust. Aħna m’aħniex se niddefendu każijiet li wieħed m’għandux jiddeffendi. Iżda li għandna nitolbu huwa li l-istituzzjonijiet internazzjonali speċjalment l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jistmaw kull pajjiż b’mod ugwali u minnhom għandhom jaraw li l-ġustizzja għandha issir ma’ kulħadd u dan qed ngħiduh għalina. Qed ngħiduh ukoll għal pajjiżi żgħar. Qed ngħiduh għal kulħadd.

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Lulju 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *