Ħarsa bil-kalma lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna


Nixtieq li qabel ngħaddi għas-suġġett tal-lum nirringrazzja lil kull min tani l-appoġġ, awgurali u ħadem miegħi tul il-kampanja elettorali u fl-elezzjoni ġenerali kif ukoll fil-kampanja fost id-delegati tal-Partit Laburista fejn jirrigwarda l-ħatra ta’ Deputat Mexxej. Issa li dawn l-impenji għaddew ifisser li nerġgħu lura għan-normalità.
Meta wieħed jitkellem fuq l-ekonomija llum naħseb li ħadd ma jista’ jakkuża lil ħadd li qiegħed jitkellem għall-gallerija.

Bħalissa għaddejjin bil-preparamenti meħtieġa u nista’ ngħid li għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-baġit għas-sena 2018. Bil-kalma kollha għalhekk għandna nirriflettu sabiex naraw fil-verità fejn ninsabu f’dak li jirrigwarda tkabbir ekonomiku. Nagħmlu dan għax ikun hemm ħafna li jikkritikaw u jesprimu ċerti beżgħat li meta tarahom tinduna li jistgħu jkunu ġenwini fis-sens ta’ kif ipoġġuhom. Iżda ma jfissirx li jkollhom raġun fihom.

 

Mistoqsija, jew tħassib, li spiss issirli hija: Imma dan it-tkabbir ekonomiku huwa reali? Jew issirlek il-mistoqsija: Dawn huma flus tal-iskema tal-passaporti? Ta’ dik u tal-aħħar li jistgħu jisfumaw fix-xejn?

Ir-risposta tiegħi toħroġ mill-ewwel u tkun l-istess bħalma fil-fatt ngħid anke lir-rating agencies. Kieku kienet kwistjoni ta’ flus, fit-toroq fejn hemm in-nies u m’ għandex attività ekonomika, ma jkollokx xogħol. Ħarsa lejn l-aħħar statistika li ħarġet mill-Uffiċċu Nazzjonali tal-Istatistika turi li t-tkabbir li sar fiċ-ċifra ta’ persuni fid-dinja tax-xogħol huwa wieħed rekord. Tkabbir ta’ 5.8% fl-impjiegi fultajm. Dan ifisser kwżi 10,200 ruħ iżjed mis-sena l-oħra. Dawn ma waqgħux mis-sema. Ix-xogħol qiegħed hemmhekk, tarah u tmissu b’idejk. Ma’ din iċ-ċifra għandek ukoll kważi 2,000 ruħ oħra partajm. Dan huwa kollu xogħol għaddej.

Sew l-ekonomisti kif ukoll kull min hu fin-negozju jaf li l-ekonomija ta’ pajjiżna għaddejja b’ritmu qawwi, dinamiku. Tinħass ċertu attività, sew jekk hux fis-settur tat-turiżmu, u sew jekk hux fis-setturi tal-igaming jew setturi finanzjarji u kull settur ieħor tal-ekonomija li jiddependi minn dawn li semmejt. Din hija realtà.

Li ma kienx hekk ma jiżdiedx ix-xogħol u ma jkollokx żieda fl-impjiegi. Dak huwa l-barometru li jurik li l-attività ekonomika hija reali u hija fis-settur privat. Kienu jgħidu ħafna li x-xogħol żdied fis-settur tal-Gvern, fil-Ministeri u Segretarjati Parlamentari. Dan it-tkabbir qiegħed fis-settur privat. Huwa tkabbir qawwi u allura għandna jkollna moħħna mistrieħ minn dak l-aspett.
Iżda ma jfissrx li rridu nieqfu hawn. Għall-futur għandu jsir ħafna iżjed. It-tir u l-mira tagħna huma li t-tkabbir għandu ikun ogħla mill-medja Ewropea. Dan mhux biex sempliċiment inkunu nistgħu niftaħru, jew biex inkunu minn ta’ quddiem, iżda għax għandna bżonnu.

Biex nikkonverġu ma’ pajjiżi aktar avvanzati minna rridu tkabbir ogħla minn tagħhom. Din hija matematika sempliċi ħafna. Jekk aħna żgħar u qed nikbru filwaqt li huma kbar u qed nikbru bl-istess rata, ma niltaqgħu qatt. Dan bħat-tfal. Jekk jikbru iktar mill-ġenituri tagħhom, jitwalu iżjed mill-ġenituri tagħhom fl-aħħar mhux talli jilħquhom talli jaqbżuhom. U hekk aħna. Bħala pajjiż żgħir nistgħu nilħqu pajjiżi avvanzati iżjed minna jekk it-tkabbir tagħna jkun ogħla minn dik li hija l-medja.

 

 

Importanti ukoll li l-ekonomija tagħna tiddiversifika, fejn l-ebda settur ma trid tistrieħ u tpoġġi kollox fuqu. Ma nistgħux nieħdu riskji żejda. Ir-riskji dejjem jibqgħu hemmhekk u jekk xi wieħed mis-setturi jmajna għandna jkollna setturi oħrajn biex jagħmlu tajjeb.

Għalhekk il-Gvern qed imur bis-saħħa fuq setturi ġodda bħal Fintech, loġistika u life sciences. Dawn huma s-setturi tal-futur. Setturi tar-robotika. Setturi li ż-żagħżagħ tagħna, it-tfal tagħna li qegħdin fl-iskejjel u l-universitajiet, qegħdin jippromettu fihom. U jkunu jistgħu isibu xogħol f’setturi ġodda. Id-dispjaċir tiegħi huwa li s-setturi li ngħidulom tas-snajja’, setturi manwali, qegħdin jisfumaw fix-xejn, qegħdin jispiċċaw u allura importanti li aħna inkomplu għaddejjin bix-xogħol. Għal dan issa rridu iktar kwiet u iktar koperazzjoni, iktar għaqda. Din mhiex xi ħaġa filosofika.

Huwa mportanti bħala pajjiż li jkollna l-għaqda. Dan ma jfissrix li rridu naqblu f’kollox u ma nikkritikawx l-affarijiet li fl-opinjoni tagħna m’humiex tajbin. Irid ikun hemm ċertu għaqda, common front. Ma jistax ikun inħallu lill-barranin jattakkawna fis-setturi l-iktar vulnerabbli bħalma hija t-taxxa, bħalma huma s-setturi finanzjarji, l-igaming, eċċ. Hemmhekk għandna l-ħobż tagħna u tat-tfal tagħna u għandna niddefenduh flimkien, bħal ma dejjem għamilna.

Jiena naħseb li fil-futur dawn l-affarijiet se jidħlu f’moħħna. Nistenna u nittama li jkun hemm iktar koperazzjoni fejn jirrigwardja l-ġid komuni ta’ pajjiżna.

 

-Friday, 21st July, 2017


7 responses to “Ħarsa bil-kalma lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna”

  1. Hello outstanding website! Does running a blog like this
    take a lot of work? I have virtually no expertise in computer programming but I had been hoping to start my own blog soon.
    Anyways, should you have any suggestions or techniques for new
    blog owners please share. I understand this is off
    topic but I just wanted to ask. Thanks a lot!

  2. My family members always say that I am killing my time here
    at web, except I know I am getting experience every day by reading such pleasant content.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *