Bi tħejjija għall-baġit


Ninsabu ftit jiem biss bogħod minn Jum il-Baġit, it-Tnejn, 9 ta’ Ottubru li ġej. Konvint li bħal dan iż-żmien kulħadd jista’ jimmaġina b’liema ritmu jkun għaddej ix-xogħol fil-Ministeru tal-Finanzi. Imma fl-istess ħin naħseb li mhux daqstant huma dawk li jistgħu jifhmu l-importanza tal-proċess li jgħaddu minnu l-Ministru tal-Finanzi b’mod partikolari u l-Ministri l-oħrajn kollha, u magħhom miżjud ir-rwol importanti tal-Prim Ministru, fi tħejjija għall-baġit.

Fil-verità it-tħejjija tal-baġit hija bażata fuq ħidma kontinwa, mifruxa fuq 12-il xahar. Għaliex? Għax il-preparazzjoni ta’ baġit titlob eżerċizzju twil u laboruż. Ikunu studjati t-taxxi u r-regolamenti tagħhom. Tkun kunsidrata l-ispiża rikurrenti, li tinkludi salarji ta’ ħaddiema u reklutaġġ ta’ ħaddiema oħrajn. It-taxxi kalkulati li jistgħu jinġabru. Il-mod ta’ kif dan isir.

 

Dan huwa xogħol ta’ importanza kbira peress li baġit ikollu impatt kbir fuq l-ekonomija; fuq l-ispiża u l-konsegwenzi tagħha fl-aspett finanzjarju kollu tal-pajjiż. Huwa wara li jkun ikkunsidrat dan kollu li l-Ministru tal-Finanzi jkun jista’ jibda jiffoka fuq x’ikun finalment jista’ jiddeċiedi x’jippreżenta fid-Diskors tal-Baġit.

L-iktar ħaġa importanti għall-Ministru tal-Finanzi meta joqrob il-baġit huwa li jkun f’pożizzjoni li jista’ jipproġetta għas-sena li tkun ġejja, is-sena ta’ wara d-dħul tal-Gvern. Mhix xi ħaġa faċli biex tipproġetta u tkun kemm jista’ jkun qrib tal-verità kif imbagħad tissuċċiedi. Jekk hux dħul mit-taxxi, jekk hux dħul mill-kumpaniji, jekk hux dħul mill-VAT jew kull forma ta’ dħul ieħor.

Il-Ministru tal-Finanzi jkun iffaċċjat b’ħafna ċirkostanzi ta’ x’jista’ juża u x’ma jistax juża fl-ipproġettar ta’ baġit jekk ma jkollux id-‘data’ għat-tkabbir ekonomiku. Ma rridux ninsew li d-dħul tal-baġit huwa bbazat fuq mudell matematiku.

Il-preparazzjoni ta’ baġit titlob eżerċizzju twil u laboruż mifrux fuq tul ta’ żmien aktar milli wieħed jaħseb.

Huwa għalhekk li nibqgħu nistennew sa ġimgħatejn qabel il-preżentazzjoni tal-baġit biex ikollna stima aktar preċiża bbażata fuq l-aħħar pubblikazzjoni tal-NSO fuq il-Prodott Domestiku Gross (PDG). Stima ta’ kemm mistenni jkun it-tkabbir ekonomiku u allura l-ġid li jkun mistenni li jkun hawn fil-pajjiż. Stima ta’ x’se jkun qed jirrendi dan il-ġid f’forma ta’ taxxa. Huwa hemmhekk li l-Ministru tal-Finanzi jkun f’pożizzjoni li jagħti dak li jissejjaħ ‘planning total’, kemm jaħseb li l-Gvern ikun jista’ jdaħħal.

Ovvjament isir hekk jekk wieħed ma jkunx irid ikompli jiddejjen u żżid mad-dħul previst. Aħna għall-kuntrarju irridu tnaqqas mid-dejn li jkun hemm u għalhekk d-dħul previst innaqsuh. Isir hekk jekk tkun trid li fl-aħħar tas-sena jkollok ‘surplus’. Fi kliem sempliċi: għandek tonfoq dak li tkun daħħalt. Inutli li toqgħod tixtieq x’tagħmel iżjed. It-total tal-ispiża għandu jkun dak li daħħalt. Dejjem jekk ma tkunx trid tiddejjen u tirraġuna bil-mod li kien hawn min jirraġuna bih: id-dejn iħallsuh wliedna u wlied uliedna. Gvern Laburista ma jemminx f’dan it-tip ta’ wirt. Nafu biżżejjed x’kienu u x’inhuma l-konsegwenzi ta’ politika irresponsabbli bħal din.

Forsi għalik li qed taqra hija sorpriża li ngħidlek li persentaġġ kbir ta’ l-ispiża tal-Gvern hija diġà determinata minn baġits preċedenti. Nagħti eżempji ta’ dan. Jekk sentejn ilu żidna l-pensjonijiet din iż-żieda ma tkunx ta’ darba, tibqa’ tinġarr f’kull baġit. L-istess fejn jirrigwarda żjidiet fil-pagi abbażi ta’ ftehim kollettiv. Żjidiet li jkunu ġejjin minn deċiżjonijiet pjanati u neħudin minn snin qabel. F’kull ċirkostanza, parti sostanzjali  ta’ l-ispiża ma jkollokx diskrezzjoni fuqha. Tkun determinata minn qabel, dik li bl-Ingliż tissejjaħ ‘non discretionary’.

Il-Gvern permezz tal-baġit ikun jista’ biss idawwar parti żgħira tal-ispiża, għalkemm din tkun  importanti ħafna. Qed nirreferi għall-miżuri ġodda li jitħabbru fil-baġit.  Il-miżuri huma importanti għax ikollhom impatt qawwi. Il-miżuri juru lejn fejn irid jimxi l-Gvern, imma proporzjonalment huma parti żgħira mill-baġit.

Hemmhekk dejjem għandek bejn għoxrin, erbgħin, u forsi possibiliment ħamsin miljun ewro li l-Gvern ikun jista’ jonfoqhom f’miżuri ġodda. Il-miżuri ġodda jiġu minn strateġiji tal-Gvern. Jiġu b’riżultat tal-wegħdi li jkunu saru fil-Programm Elettorali u li allura jkunu jridu jitwettqu.

Madankollu wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li dak propost fi Programm Elettorali jkun maħsub biex jitwettaq tul leġiżlatura sħiħa, fuq ħames snin. Ebda Programm Elettorali ma jitwettaq fl-ewwel sena tal-leġiżlatura. F’dan l-eżerċizzju jidħol il-prinċipju tal-prijorità. Tittieħed id-deċiżjoni ta’ b’liema mod u kif għandhom jitwettqu l-proposti tal-Programm Elettorali fiċ-ċirkostanza tas-sitwazzjoni finanzjarja li jkun fiha l-pajjiż.

Gvern Laburista għandu l-vantaġġ li meta kien qed jifformola l-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda ma kienx qed jaġixxi b’irresponsabbiltà. Kien jaf kemm kienet se tiswielu lill-pajjiż kull proposta li kien qed jagħmel. Kien jaf li l-pajjiż kien jiflaħ għal dak li kien qed jitwiegħed.

Il-proċess biex isir baġit jinvolvi ħafna laqgħat, uħud minnhom b’elementi tekniċi ħafna. Il-Ministru tal-Finanzi jkollu laqgħat ma’ kull Ministru ieħor separatment, laqgħat bilaterali li matulhom kull Ministru jiġi bil-proposti tiegħu. Normalment kull Ministru jġib miegħu diversi proġetti li n-nefqa fuqhom tista’ tkun taqbeż ir-riżors disponibbli u allura ssir diskussjoni dwar prijoritajiet fi ħdan il-Ministeru konċernat.

Nittama li din il-kitba tgħinek tifhem aħjar x’ikun qed jingħad fid-Diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn, 9 ta’ Ottubru, meta jekk Alla jrid inkun qed nippreżentah fil-Kamra tad-Deputati.

 

L-ORIZZONT – 29-09-17

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *