Niddefendu l-interessi ta’ pajjiżna


20_ORZ_NEW-1

 

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) li bħalissa qed immexxih jiena irnexxielha tagħlaq erba’ direttivi importantissimi li jixpruinaw is-Suq Kapitali Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat wasal wara ġranet sħaħa ta’ diskussjonijiet u negozzjati diffiċli mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-riżultat pożittiv intlaħaq ukoll grazzi għall-intervent tiegħi li tkellimt mal-Ministru Federali għall-Finanzi Ġermaniż Wolfgang Schäuble. Grazzi għal dan l-intervent, irnexxielna niġbdu lill-Ġermanja mgħna biex naslu għall-ftehim.

Dan juri li r-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam finanzjarju, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ istituzzjonijiet ta’ monitoraġġ, hija b’saħħitha ħafna fl-Ewropa. Dan jixhdu t-tifħir li kisbet il-presidenza minn diversi persuni involuti fit-trattattivi li kollha jassigurawna kemm Malta hija stmata f’dawn l-oqsma tant kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea.

Din hija stampa li tikkuntrasta bil-kbir mal-istampa fake li qed jipprova jpenġi l-Partit Nazzjonalista lill-dawk l-eluf ta’ Maltin li jaħdmu fl-industrija tas-servizzi finanzjarji. Bl-għajnuna ta’ xi ġurnalisti barranin, b’ħafna tqanżieħ, ipprovaw jirrepetu stejjer li taparsi ġew minn media internazzjonali, iżda fil-fatt, huma kienu s-sors tal-istess sejjer. Imbagħad użaw dawn l-istess stejjer biex jikkonvinċu l-opinjoni pubblika f’Malta u lil min jaħdem fis-servizzi finanzjarji.

Din hija mossa antika, li xebgħu jużawha fil-passat meta kienu fl-Oppożizzjoni. Jaqbdu jivvintaw storja, jgħadduha lil xi ġurnalisti barranin ħbieb tagħhom li jippublikalhom l-istorja, imbagħad huma jperrċuha ma’ Malta kollha b’ħafna xokk u skantament, imma minn taħt ikunu qed irewwħu kemm jifilħu biex aktar ħbieb tagħhom barranin jagħtuhom palata.

 

20_ORZ_NEW-2

 

Kull min jaħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandu jifhem li vera stampa dwar din il-kwistjoni kollha ma toħroġx mill-istejjer sensazzjonali ffabbrikati biss bil-għan li jagħtu gambetta lill-gvern. Il-verità toħroġ mill-fatti, jiġifieri mid-dokumenti u rapporti ta’ awtoritajiet imwaqqfa bil-għan li jiċċekkjaw il-ħidma tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Fosthom insemmi l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Economika u ta’ Żvilupp (OECD), u istituzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, bħall-Kumitat ta’ Esperti fuq l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri kontra l-Ħasil ta’ Flus u l-iffinanzjar tat-Terroriżmu (MONEYVAL), l-Awtorità Ewropea tal-Banek (EBA), l-Awtorità Ewropea tas-Securities u s-Swieq (ESMA), is-Single Supervisor, u l- Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet Okkupazzjonali (EIOPA). Dawn l-istituzzjonijiet kollha, xogħolhom hu li jiskrutinizzaw l-istituzzjonijiet finanzjarji u regolatorji tat-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea kollha. Tajjeb li nsemmi li dawn l-istituzzjonijiet kollha huma magħmulin minn esperti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabilità, il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u r-regoli bankarji u finanzjarji, fost l-oħrajn.

Min jaqra r-rapporti ta’ dawn l-istituzzjonijiet isib li Malta dejjem u b’mod konsistenti, kienet minn ta’ fuq nett f’dak li għandu x’jaqsam mal-għaqal, dixxiplina, serjetà u trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Dawn l-istess rapporti urew li aħna dejjem imxejna mar-regoli, anke meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra sħabna fl-UE.

Allura nistgħu naraw kif il-bużżieqa li qed jonfħu dawk tal-Oppożizzjoni m’hija xejn ħlief bużżieqa li qed tinfaqa’ f’wiċċhom, għax dak li qed jallegaw, m’hu xejn ħlief duħħan li qed irewwħulu biex jostru l-verità.

 

24x8 - spalla ma' spalla v3-01

 

Din it-tixbieħa aċċenna għaliha wkoll is-sit speċjalizzat Mercati 24 li sejjaħ l-hekk imsejħa Malta Files u l-istorja mxerrda mill-ġurnal l’Espresso bħala tanta fuffa e niente arrosto, jiġifieri ħafna imbarazz u duħħan bla ebda sustanza. Is-sit jispjega li Malta qed tiġi attakkata b’dan il-mod brutali, anzi u jsemmi t-tfiegħ tat-tajn, għas-sempliċi raġuni li hija pajjiż li qed jagħmel ħafna suċċessi, b’ekonomija li qed tikber b’rata kbira u li qed jirnexxielha tiġbed lejha nies mill-Unjoni Ewropea li jippreferu jiġu hawn milli jibqgħu f’pajjiżhom. Din qed tiġbed l-għira ta’ bosta pajjiżi Ewropej, u kif nafu is-sors ta’ dan is-suċċess hija l-politika mħaddma minn dan il-Gvern.

Jiena nistieden lil min jaħdem f’dawn is-setturi u jixtarr ftit jekk il-Ministru tal-Finanzital-Ġermanja li huwa ministru ta’ statura mondjali, kienx ser joqgħod jgħina li kieku l-gideb imxerred fil-mezzi tax-xandir kienu vera. Ejjew ma ninsewx li l-Ministru Schäuble m’huwiex soċjalist, anzi, ġej mill-Grupp tal-Popolari Ewropej, l-istess grupp tal-Partit Nazzjonalista, li l-mexxej tagħhom fil-Parlament Ewropew indirizza l-meeting tal-PN f’ Tas-Sliema.

Jiġifieri l-għajnuna tal-Ministru Schäuble tkompli tikkonferma kemm Malta miexja fit-triq tas-suċċess fil-kamp ekonomiku u finanzjarju, u li bil-provi, hija pajjiż li għandu rispett  sħiħ lejn it-tħaris tar-regoli u l-liġijiet.

Għalhekk, m’għandniex nagħtu każ ta’ min qed jitfa’ t-tajn u jimli l-arja bid-duħħan għall-unika skop li jostor is-suċċessi ta’ pajjiżna bit-tama li jaħtaf il-poter bl-aktar mod qarrieqi possibbli. Min jagħmel hekk, ma jkunx qed jagħżel Malta.

 

– 1st June, 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *