Miżuri u miżuri


Jekk hemm kelma li nassoċjaw mal-Baġit hija l-kelma ‘miżuri’. Wieħed jisma’ dwar miżuri li jolqtuh, dwar oħrajn li ma jolqtuhx; miżuri li jolqtuh tajjeb u oħrajn ma jolqtuhx tajjeb; imma hemm miżuri u miżuri.

L-ispiża tal-Gvern globali taqbeż il-biljuni sew u tikkonċerna miżuri.  .  Il-parti kbira tal-Baġit jitratta dwar affarijiet li huma hemm u li ser jibqgħu.  Sintendi, wieħed irid jaġġustahom minħabba l-prezzijiet, jew minħabba li l-ispiża trid tiżdied jew tonqos.

Meta niġu għal miżuri ta’ kull baġit ikun qed  jirreferi għall-miżuri ġodda. Anke hawnhekk, tul dan l-aħħar seba’ snin ta’ baġits, kellna ħafna miżuri ġodda li ġew introdotti biex jirristrutturaw l-ekonomija u l-finanzi tal-Gvern tagħha.

Dan ifisser li fil-parti l-kbira kienu miżuri pożittivi mhux biss għal dak jew dik l-individwu, iżda wkoll ta’ sollev għall-ekonomija.  Huwa tajjeb għalhekk li niddistingwu bejn miżuri u oħrajn.  Dan ifisser li għalkemm hemm miżuri ta’ benefiċċju wieħed għandu  jiddistingwi x’inhu  l-għan aħħari ta’ min ikun  qed ifassal il-Baġit.

Per eżempju kien hemm miżuri li jagħtu servizzi b’xejn; għandek ic-childcare li beda jingħata b’xejn fejn qabel kienu jħallsu.  Għandek it-trasport tal-iskejjel speċjalment skejjel privati u indipendenti fejn il-ġenituri kienu jħallsu, illum il-ġurnata dan huwa b’xejn għal kulħadd.  Qabel kienu jħallsu l-miżati fuq l-eżamijiet u dawn tneħħew għaliex il-Gvern qiegħed jagħmel tajjeb għalihom.  Għandek il-mediċini fejn ta’ kull sena qed jiżdied in-numru ta’ mediċini fil-formolarju u dawn il-Gvern ta kelma li l-mediċini ser jibqgħu b’xejn għal min huwa intitolat għalihom.

 

Insibu ħafna servizzi b’xejn li huma ta’ benefiċċju; pero’ mill-att ekonomiku u mill-fatt li jwassal biex l-ekonomija ssir iktar b’saħħitha, u l-ispiża tibqa’ kkontrollata u għalhekk, minn defiċit jaqa’ għal surplus, dawn kollha ikunu miżuri differenti.  Miżuri b’riformi strutturali fil-bażi tagħhom, għaliex ikunu qegħdin jaffettwaw l-imġiba ta’ dak li jkun. Dik il-miżura tiswa kemm għall-individwu kif ukoll għall-ekonomija fl-istess hin.  Fost dawn kienu t-tariffi tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, li tista’ titqies bħala l-ikbar miżura li ħa dan il-Gvern u li ċaqlaq l-ekonomija staġnata b’mod pożittiv f’mument kruċjali ta’ pajjiżna.  Dawn it-tariffi kienu bħal mażra m’għonq il-familji u n-negozji.  Meta tneħħew, il-pajjiż ħa nifs kbir.

Għandek magħha d-deċiżjoni qalbiena, deċiżjoni li gvern ieħor beża’ jimplimenta  li għal tliet snin sħaħ taqta’ t-taxxa tal-income tax.  Fir-raba’ sena tajna roħs ukoll fit-taxxa għal min ma bbenefikax fl-ewwel tlett snin.  Iżda fl-ewwel tliet snin, il-waqa’ minn 35% għal 25% swiet ’il fuq minn €40 miljun.  Din kienet importanti wkoll biex tagħti nifs; filwaqt li qed jibbenefikaw il-familji, ir-rota ekonomika bdiet iddur.

 

Is-servizz ta’ childcare b’xejn kellu l-iskop li n-nisa tad-djar li jixtiequ jaħdmu u li qagħdu lura minħabba l-ispejjeż, dan wassal biex Malta illum il-ġurnata qiegħda fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.  Magħhom kien hemm inċentivi oħrajn fosthom it-tapering; tkun single parent jew tkun ilek ma tmur taħdem u għidnielu li jekk tidħol fid-dinja tax-xogħol mhux biss ser taqla’ l-paga imma tista’ żżomm parti kbira tal-benefiċċju.  Kien hemm min ma qabilx pero’ aktar 5,000 ruħ daħlu f’din l-iskema u ġew iffrankati l-benefiċċji li kienu qed jieħdu fit-tieni u t-tielet sena.

Wieħed irid jirrikonoxxi  li dan kien il-pjan tal-Gvern; li l-Baġit ikun imfassal b’tali mod li jdawwar l-ekonomija; li minn ekonomija staġnata tiġi minn ta’ quddiem u filfatt ġiet l-ewwel f’dak li huwa tkabbir fl-Ewropa.

U għalhekk irridu ngħidu minn fejn tlaqna u fejn qegħdin illum.  Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni, imma ġiet b’disinn ta’ miżuri fosthom l-iskemi tal-first time buyers li kollha kienu mirquma sabiex jagħtu benefiċċju lill-individwu u lill-familja tiegħu ikunu wkoll qegħdin jagħtu kontribut kbir biex ikollok tkabbir ekonomiku u finanzi sodi.

Huwa għalhekk li l-aġenziji internazzjonali tal-kreditu qed jagħtuna ċertifikati sew bi gradi gholjin u prospetti pozittivi.

Il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *