Sena ġdida, soluzzjonijiet ġodda


Is-sena li għadha kemm intemmet rat lill-munita Ewro ssib ma’ wiċċha l-ewwel skoll. L-ewwel prova. L-ewwel sfida serja. Is-saram kompla jikber għax it-Trattat ta’ Liżbona, dak l-istess Trattat kalvarju sħiħ biex jiġi fis-seħħ, ma kienx jaħseb għal eventwalità bħal din u allura għal pjan alternattiv. Dan kien jipprojbixxi li jkun hemm xi faċilità fil-forma ta’ salvataġġ. Mhux ta’ b’xejn fil-Ġermanja hemm min qed jikkontesta fil-qrati Ġermaniżi l-għajnuna, hi kemm hi temporanja, li qiegħda tingħata lill-Greċja u issa lill-Irlanda. Skont l-opinjoni tiegħi hemm artikli fit-Trattat li jistgħu jin­tużaw biex jiġġustifikaw għajnuna ta’ darba. Iżda żgur hemm artikli oħrajn li huma ċari li huma kontra xi struttura permanenti li tagħti għaj­nuna lil xi pajjiż li jasal fix-xifer ta’ falliment minħabba d-djun li jkollu. Għalhekk hemm il-bżonn li t-Trattat jiġi emendat.

L-irjus taż-Żona Ewro rrealiz­zaw li jekk ma jaġixxux mhux biss fir-rigward tal-Greċja fis-sitwazzjoni prekarja finanzjar­ja u ekonomika tagħha, imma wkoll fir-rigward ta’ kull pajjiż ieħor li jasal fit-tarf ta’ falliment, mhux biss il-pajjiż ik­konċernat ifalli, imma wkoll iż-Żona Ewro kollha. Is-sinjali kienu ċari li anke beda jberraq fl-Irlanda, fi Spanja, fil-Portugall u anke fl-Italja. Dak li għaddiet, u għadha għaddejja minnu l-Greċja xegħel bozza ħamra fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari fiż-Żona Ewro. Jekk tfalli l-Ewro l-UE titlef organu importanti, u tibda tmur lura flok ’il qud­diem. Xenarju li jbeżża’ u li ħadd ma jrid jimmaġina, min­ħabba l-konsegwenzi koroh kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi.

Għal kull mewġa, l-ewwel dik tal-Greċja u wara dik Ir­landiża, l-irjus kellhom jaġix­xu malajr, ħafna drabi fi tmiem il-ġimgħa meta s-swieq finanzjarji jkunu magħluqin. F’kull okkażjoni kellhom idaħħ­lu jdejhom fi bwiethom u ta’ dawk il-pajjiżi membri l-oħrajn taż-Żona Ewro, inkluż Malta. Iktar importanti minn hekk, bdew idawru fehemt­hom u jaqblu dwar soluzzjonijiet ġodda li sa ftit żmien qabel qatt ma ħolmu li jaċċettaw.

Imma ċ-ċirkostanzi wrew li jkun aħjar li dik li kienet qiegħ­da titqies bħala faċilità temporanja biex toħroġ lil paj­jiż partikolari mis-saram, tinbidel f’fond permanenti.

Il-proposta għall-ħolqien ta’ dan il-fond ġiet min-naħa tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel. Merkel kellha, u għad għandha, pressjoni kbira mill-poplu Ġermaniż li qed jipprotesta li m’għandux ikun hu li jagħmel tajjeb għal djun ta’ pajjiżi tal-Mediterran. Dan minħabba l-fatt li l-Ġermanja hija l-pajjiż fl-UE li qed jgħin l-aktar finanzjarjament f’din is-sitwazzjoni. Hija l-pajjiż li għandu l-akbar sehem fl-Ewro. Għalihom l-Ewro hija d-Deutchmark tal-imgħoddi u ma jridux jitilquha minn idejhom. Se jinsistu li l-President il-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew ikun Ġermaniż, avol­ja se jkun hemm kompetituri minn pajjiżi oħrajn b’aktar ħila.

Il-kunċett ta’ fond permanenti biex isalva pajjiżi fi kriżi mhux xi wieħed ġdid għal kol­lox. Fil-fatt huwa kunċett li jmur lura madwar 30 sena u kien ħareġ bih Roy Jenkins, li kien jokkupa l-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Kompla fuqu s-suċċessur tiegħu Jacques Delors. Ħafna jsostnu li dan kien imissu ġie inkluż mat-twaqqif tal-Għaqda Mo­ne­tarja Ewropea fit-Trattat ta’ Maastricht u mbagħad forma­lizzat meta fl-1999 kienet introdotta l-munita Ewro.

M’hemm ebda dubju li twaqqif ta’ fond permanenti bħal dan huwa meħtieġ biex jassigura li ma tintilifx il-fi­duċja tas-swieq finanzjarji u al­lura jrid ikollu bażi legali b’saħħitha. Tant li biex isir dan huwa meħtieġ tibdil, anke jekk żgħir, fit-Trattati tal-UE li jikkonċernaw il-go­ver­nanza ekonomika. Rajna kemm kellhom jgħaddu snin biex saru l-aħħar tibdiliet fit-Trattati. Ir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona, li kienet tinkludi l-maġġoranza tat-tibdil fit-Trattat tal-Kostituzzjoni, ħadet kważi għaxar snin.

Biex jipprova jrattab is-sis­tema riġida proposta, kollha mibnija fuq dixxiplina Ġer­maniża stretta b’ħafna sanzjo­nijiet, Sarkozy ta’ Franza wiegħed l-appoġġ tiegħu bil-patt li dawn is-sanzjonijet ma jkunux awtomatiċi iżda jagħtu spazju għal deliberazzjoni bejn il-pajjiżi qabel ma jiskattaw.

Flimkien, Merkel u Sarkozy fil-famuża passiġġata storika li għamlu f’Deauville, fi Franza, ħassew li kien għad baqgħalhom ostaklu wieħed – l-Ingilterra. Biex jitbiddel it-Trattat ta’ Liżbona trid il-koperazzjoni ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni. Intqal li l-Prim Ministru Ingliż, Cameron, tahom il-garanzija li jikkopera wkoll… b’patt wieħed. Li jiff­riżaw il-baġit tal-UE mill-2013 ’il quddiem. Sintendi bil-kundizzjoni li l-Ingilterra tibqa’ tirċievi l-flus lura li kienet innegozjat il-Prim Ministru Kon­servattiv Margaret Thatcher. Sarkozy qabel ukoll, bil-patt li ma jonqsux il-flus li tieħu Franza taħt il-CAP (Common Agricultural policy). Sadattant il-Polonja, Malta u pajjiżi oħ­rajn li jibbenefikaw minn fon­di strutturali huma mistennijin li jagħmlu tajjeb huma għal din il-friża. Parir tajjeb irċieva l-Prim Ministru Malti biex ma jiffirmax karti mingħand Cameron ħalli niffriżaw il-baġit. Dak jonqosna issa!

Il-proposta maqbula fl-aħ­ħar summit taħt il-presidenza Belġjana, bejn is-16 u t-18 ta’ Diċembru li għadda, hija waħ­da ta’ żewġ paragrafi. Wara l-arranġament wara l-kwinti bejn il-pajjiżi l-iktar b’saħħit­hom politikament u ekono­mikament, mhux mistenni li xi pajjiż membru tal-UE jressaq tali proposta għad-deċiż­joni tal-poplu tiegħu permezz ta’ referendum, minkejja l-fatt li kostituzzjonalment l-Irlanda hija marbuta li tagħmel referendum fuq kull tibdil li jsir lit-Trattati. Fil-fatt anke l-Gvern Ingliż kien wiegħed li jagħmel referendum fuq kull tibdil f’xi Trattat… imma.

Min-naħa ta’ żmien, żgur li m’għandniex x’naħlu meta nafu li ħafna pajjiżi Ewropej qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ dħul u ta’ impjiegi.

Huma s-soluzzjonijiet li għandhom jinkwetawna. Mhu­­miex li jikkonvinċu. Huma kompromessi politiċi li ma jiggarantux soluzzjoni eko­nomika kif jitolbu s-swieq u s-sens komun ekonomiku. Tħas­sibni ferm il-pożizzjoni li qegħdin jieħdu mexxejja konservattivi Ewropej li għalihom il-miżuri ta’ awsterità huma l-uniku mod li bih tista’ tiġġie­led kontra d-djun u d-defiċits. Dan joħroġ ċar minn dak li qed ikun propost bħala Artiklu 136.

Dan l-Artiklu jgħid li l-fond ta’ emerġenza propost ikun jista’ jintuża biss “taħt kundizzjonijiet stretti”, li jfiss­ru li pajjiż taż-Żona Ewro li jkun jeħtieġ tali għajnuna jrid immedjatament jirrikorri għal miżuri ta’ awsterità biex inaq­qas id-dejn u d-defiċit.

Dawn il-mexxejja injoraw kompletament it-tfittxija għal strateġiji dwar kif nistgħu no­ħolqu t-tkabbir ekonomiku. It-tkabbir ekonomiku huwa l-aħjar u l-aktar rimedju li jaħdem malajr lejn fejqan fit-tul.

Barra minn hekk, pajjiżi Ewropej bi tmexxija konservattiva, bħall-Ġermanja, Fran­za u l-Ingilterra, donnhom jemmnu li meta pajjiż jaqa’ f’diffikultà, bħalma ġralhom il-Greċja u l-Irlanda u potenzjalment jista’ jiġrilhom Spanja u l-Portugall, dawn għandhom ikunu ppenalizzati b’mul­ti u sanzjonijiet. Jekk dawn ma jkunux jifilħu għalihom, imorru għall-agħar u l-piżijiet jiżdidulhom.

Din il-loġika żbal­jata tfisser biss li pajjiżi midjunin ikomplu jitniżżlu aktar ’l isfel, bit-triq għall-fej­qan issirilhom aktar iebsa.

Sadattant, grupp ta’ negozjaturi, fosthom jien, mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekono­miċi u Monetarji (ECON), qegħdin naħdmu fuq sitt rapporti li jikkonċernaw miżuri preventivi ġodda, żieda fis-sorveljanza fuq baġits nazzjo­nali, u sanzjonijiet għaż-Żona Ewro bil-għan li jissaħħaħ il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir.

Fond permanenti ta’ emer­ġenza huwa għodda meħtie­ġa. Però jkun ferm aħjar li flok nipprovaw insibu soluzzjoni fil-multi u s-sanzjonijiet naraw kif nistgħu ntejbu d-dgħu­fijiet tal-Patt ta’ Stabilità u Tkab­bir, u nfittxu kif nistimulaw tkabbir ekonomiku u ħol­qien ta’ xogħol, partikolarment fost iż-żgħażagħ, li huma l-faxxa l-aktar milquta minn din il-kriżi. Dan jista’ jsir biss jekk ikollna Żona tal-Ewro bilanċjata.

Nistgħu bi ftit ħsieb u xogħol ieħor naraw kif noħolqu struttura fiskali minimali li filwaqt li tirrispetta s-sovranità ta’ kull paj­jiż tagħti l-fakultà li l-UE jkollha riżorsi li bihom tpatti għal ċerti żbilanċi li jeżistu fiż-Żona. Għandna bżonn strut­tura biex is-self tal-Gver­nijiet fiż-Żona jsir kollettivament permezz ta’ bejgħ ta’ Eurobonds. Ideat hemm. Rieda politika għalihom għad m’hemmx.

Sfortunatament f’dan ir-rigward l-affarijiet se jmorru għall-agħar qabel ma jmorru għall-aħjar. Forsi wara xi żewġ kriżijiet oħrajn l-irjus jirtabu. Nistennew.

Nawguralkom ilkoll s-Sena t-Tajba.


One response to “Sena ġdida, soluzzjonijiet ġodda”

  1. к чему снятся грязные джинсы разбитые фужеры во сне жезлы значение таро, жезлы таро
    стихия
    10 июля 1991 года гороскоп к чему снится
    улететь в другую страну, к чему
    снится переезд девушке

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *