L-Ewro u Aħna: Inqalbet il-folja?


Bħal-lum huwa normali li wieħed jagħti ħarsa lura lejn dak li ġara matul is-sena li waslet biex tintemm u jara x’effett dan il-passat jista’ jkollu għas-sena li ġejja. Bħal ma wieħed jistenna jien ser niffoka fuq ġrajjiet ekonomiċi li seħħew fl-Ewropa u partikolarment fiż-Żona Ewro li kellhom effett fuqna u jistgħu jkollhom effett anke ‘l quddiem.

Ma ninsewx li din is-sena li għaddiet kienet il-ħames sena minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja fuq Wall Street f’Settembru tal-2007 u li nfirxet mad-dinja kollha. Bdiet bil-kriżi finanzjarja u bankarja kawża tad-djun kbar privati, saret ekonomika bir-riċessjoni, saret imbagħad kriżi tad-djun kbar pubbliċi, u issa biex jitbaxxew dawn id-djun, l-programmi ta’ awsterita’ qed jgħattnu  u jniżżlu l-isfel l-ekonomja għal darba oħra. Kriżi ta’ din ix-xorta wieħed jistma li tieħu għaxar snin biex tfieq sew minnha. Bħall-influwenza il-kriżi finanzjarja u ekonomika mhux kulħadd taffetwah l-istess. Li wieħed irid ikun jaf hu jekk bdejniex iż-żmien ta’ konvalixxenza.

L-ekonomija fiż-Żona Ewro bdiet is-sena li għaddiet b’mod kajman ħafna. Niftakru wkoll qabel ma dħalna f’din is-sena, f’Diċembru tal-2011 il-Bank Ċentrali Ewropew taħt il-President ġdid tiegħu Mario Draghi, kien għażel li jippompja 100 biljuni ewro fil-banek taż-Żona Ewro. Dan kollu biex jevita li jixxuttaw il-flus fl-idejn u fin-negozji. Jiġifieri dħalna f’din is-sena b’ċertu ottimiżmu.

Pero l-ekonomija bdiet tmur għall-agħar u fl-ewwel kwart ta’ din is-sena daħlet f’riċessjoni li għada tkarkar sal-lum. Ħsibna li ser tkun ħafifa u noħorġu minnha fit-tielet kwart ta’ din is-sena pero qed naraw li baqgħat għaddejja għalkemm jidher li misset il-qiegħ. Ir-raġunijiet tagħha nafuhom u dan għaliex ħafna kienu l-pajjiżi sew dawk li qegħdin fi kriżi bħall-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Irlanda u l-Italja; u sew dawk li mhumiex bħal ma hija l-Ingilterra ukoll wettqu qtugħ kbir fl-ispiża pubblika tagħhom. Dan waqqa’ d-dħul ta’ nies tal-gvern, tal-penzjonanti, ta’ dawk li jirċievu l-benefiċji soċjali u ta’ nies li jaħdmu f’kumpaniji li jagħtu servizz lil gvern.

Illum ninsabu qisna qed naqsmu x-xmara f’kurrenti kbar u qegħdin x’imkien fin-nofs. Nafu biss li minn hawn ‘il quddiem l-ilma jibda jitbaxxa.

Bidla sinifikanti

Jekk immorru ftit lura nsibu li fl-aħħar kien hemm tibdil fil-politika ekonomika Ewropea. Inqalbet il-folja fuq ċertu prinċipji u twemmin ekonomiku kif ipprattikat mill-Kummissjoni Ewropea. Qabel il-politika tal-Ġermanja kienet l-unika politika, u ħadd fil-Kunsill tal-Ministri ma jazzarda jgħolli rasu u jsaqsi hemmx mod ieħor. Għajr għalina fil-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministri tal-istati membri taż-Żona kienu kollha ħalqhom magħluq jobdu dak li kienu jgħidulhom il-Kanċillier Ġermaniż Merkel u l-President Franċiż Sarkozy. F’Mejju inqalbet il-folja. Tela’ gvern soċjalista fi Franza mmexxi minn François Hollande li kellha impatt kbir.  Ried li jkun hemm iktar enfażi fuq it-tkabbir ekonomiku milli fuq il-programmi ta’ awsterita’. Fl-Italja l-politika tal-Professur Monti bdiet ikollha effett u tgawdi ċertu rispett fl-Ewropa. Il-Prim Ministru l-ġdid Rahoy fi Spanja ried jibdil fil-mod kif isir bailout biex ma jiġrilux bħall-Irlanda.  Dan kollu beda jkollu influwenza kbira fuq Merkel u fl-aħħar fuq il-Kummissjoni Ewropea.

Fejn qabel konna nisimgħu biss bil-programmi ta’ awsterita’ din is-sena beda jissemma’ l-Patt ta’ Tkabbir. Beda jiġi aċċettat li bl-awsterita’ biss ma konniex se naslu u rajna x’għandu jsir ukoll biex naraw illi ma jkomplix jiżdied il-qgħad. Ma ninsewx li l-qgħad fl-Unjoni Ewropea huwa fuq livell rekord u qed nisperaw li miss il-quċċata tiegħu.

Pero l-politika tbidlet. Il-Bank Ċentrali Ewropew ukoll biddel il-politika tiegħu. Issa qed naraw li anke fejn fil-passat seta’ kien jibża’ li joffenda l-Ġermanja, illum qiegħed ikun iktar b’idejh miftuħa u qiegħed jippompja l-flus u jixtri id-djun tal-gvernijiet li huma fi kriżi. Dan kollu meta tgħodd miegħu l-qafas ġdid ta’ superviżjoni bankarja Ewropea jfisser tibdil fil-politika li għandha toħroġ liż-Żona Ewro mill-ħofra li daħlet fiha.

Il-prospetti għas-sena 2013

Iktar milli tbassir fl-arja illum qed nisimgħu ftit aħbarijiet sbieħ li juru li hemm tama ta’ qawmien ekonomiku. Hekk per eżempju għandhekk l-aġenzija tar-ratings Standard and Poors li għadha kemm ħabbret li se tgħolli grad u mhux tniżżlu fil-każ tal-Greċja, minn selective default jiġifieri kważi falliment għal B/B-. Dan ifisser li hemm konvinzjoni mis-swieq finanzjarji internazzjonali illi ż-Żona Ewro mhijiex se tisfaxxa. Il-Greċja mhijiex ser titħalla toħroġ miż-Żona Ewro. Dan hu sinifikanti. Fejn qabel ħafna qalu li dan il-GREXIT mhux biss hu possibli iżda wkoll probabli, issa deher li l-politiċi u gvernijiet taż-Żona Ewro qed juru biċ-ċar li lesti li jagħmlu kollox biex dan ma jsirx.

Għandhekk imbagħad l-Irlanda. Għalkemm it-tbatijiet ma naqsu xejn f’dan il-pajjiżi, imma l-Irlanda ħabbret li dalwaqt ser tispiċċa it-terminu tal-bailout qabel iż-żmien u għalhekk tibda tissellef mis-swieq internazzjonali b’mod normali. Il-bailout tiġi bżonnu għax ma ssibx minn fejn tissellef. Għandek l-Italja li ilha żmien ma tiġi attakkata u mitluba imgħax għoljin. Għandek fl-aħħar l-ekonomija Ċiniża li kienet ukoll bdiet tmajna u issa qed jiġi osservat li qed tirpilja. Baqa biss l-Amerka fejn hemm problema politika dwar it-taxxi (fiscal cliff). Qed issir ħidma biex tinstab soluzzjoni politika fl-Amerka f’dawn il-jiem.

Nistgħu ngħidu li llum mill-mod kif ħerġin l-aħbarijiet minn madwar id-dinja l-qiegħ jidher li sibnih u ma nibqgħux niżlin iżjed. Dan ifisser li wieħed jistenna li bil-mod il-mod nirkupraw, jista jieħu sena sħiħa, għal Greċja ftit iżjed biex tibda tara t-tkabbir ekonomiku. Imma d-dinja inġenerali nistgħu ngħidu li l-prospetti għas-sena d-dieħla huma aħjar minn din is-sena li għaddiet.

U aħna f’Malta ….Quo Vadis? Nitkellmu s-sena d-dieħla.

Nieħu din l-okkażjoni biex mill-qalb kollha nawgura lilkhom u lill-familja tagħkom is-Sena t-Tajba.

– l-orizzont : It-Tnejn, 31 ta’ Diċembru 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *