L-Arti tal-persważjoni fil-Parlament Ewropew


Matul dawn il-jiem għajnejn il-poplu Malti kienu ffokati fuq il-Parlament Ewropew minħabba l-iskrutinju tal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg bħala parti mill-proċess tal-ħatra tiegħu bħala Kummissarju għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur. Issemmiet ħafna l-influwenza li l-Ewroparlamentari Maltin jistgħu jeżerċitaw fuq sħabhom il-Parlamentarji biex jikkonvinċu u jipperswadu. Imma kemm hu faċli jew diffiċli li tipperswadi u tikkonvinċi lil sħabek biex jaqblu miegħek?

 

Il-persważjoni
Il-persważjoni mhux biss fil-Parlament qiegħda, iżda fil-ħajja ta’ kuljum. Hu l-mod kif inti tara li l-persuna l-oħra tibda tara l-punto di vista tiegħek u tasal biex taqbel miegħek. Issa sintendi fil-Parlament Ewropew fejn għandek 750 Membru Parlamentari inti tiggwadanja u timxi ’l quddiem fix-xogħol tiegħek iktar ma jirnexxilek tipperswadi lil sħabek jaqblu miegħek.
Ħu l-każ ta’ rapport. Dan biex jgħaddi u jiġi approvat, fl-aħħar mill-aħħar, ikun jinħtieġ li jkollu l-maġġoranza tal-voti. Dan għax l-ebda grupp politiku fil-Parlament Ewropew m’għandu maġġoranza assoluta. Bħala rapporteur il-persważjoni fil-bidu tibda ma’ sħabek, tal-grupp politiku tiegħek, fil-kumitat tiegħek. Tinfirex wara mal-kamp oppost, jiġifieri mal-gruppi kollha fil-kumitat, permezz tax-‘shadow rapporteurs’. Għall-Plenarja terġa’ tibda mill-ġdid, din id-darba fil-laqgħat kbar tal-grupp sħiħ li jkun fih kwazi mitejn membru, u f’livell ogħla negozjati mill-Presidenti tal-gruppi dwar il-vot fil-plenarja. Rapport leġiżlattiv ma jiqafx hawn, għax jekk ma jkunx qed jaqbel ma’ dak tal-Kunsill, trid tmur għan-negozjati, jgħidulhom trialogues, fejn tqatta’ sigħat twal tinnegozja ftehim. Bħalissa qed nagħmel dan fuq żewġ rapporti oħra. Wieħed dwar il-baġit tal-Eurostat u l-ieħor dwar il-mod kif titkejjel in-nefqa tal-Gvern.

Arti
Ikollok tammetti li l-persważjoni hija arti. Tiddependi mill-personalità tiegħek u l-makakkerija li tilgħab logħba chess. Tiddependi mill-mod kif inti tpoġġi l-argument. Mill-mod li tpoġġi ruħek fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. F’każ ta’ rapport, il-persważjoni tiġi mill-kredibilità, l-abbiltà u l-esperjenza tal-persuna li tikteb ir-rapport. Il-ġudizzju tagħha fil-passat. Ma tiġix mil-lum għall-għada. Tieħu ż-żmien biex tibniha.
Però meta jkollok ukoll vot li bħal każ tal-Ministru Tonio Borg li ġie hawnhekk biex jintgħażel għall-Kummissarju trid torganizza ruħek differenti. Trid tara li meta jkellmuk sħabek titfa’ dik il-kelma b’mod li tikkonvinċi għax huma jafu li bħala Malti se taqbeż għal pajjiżek. Turi li l-kelma tiegħek hi dik li hi għax qed tagħti ġudizzju bil-provi. Iktar ma tkun ’il bogħod minn dik il-persuna, f’dan il-każ hu persuna mill-partit oppost, kull kelma favorevoli se tiswa u tissarraf f’valur ferm ogħla milli kieku li kien mill-partit tiegħek. Dan fil-fatt għamiltu meta attendejt u tkellimt waqt il-laqgħa li Dr Tonio Borg kellu mal-Leader tal-Grupp Soċjalista Hannes Swoboda u l-Kap tal-Grupp Orizzontali l-LGBT Michael Cashman.
Dan huwa parti mix-xogħol tagħna u jsir kuljum u kullimkien, waqt li tkun qed tieħu kafè, f’laqgħat fl-uffiċċju, fuq it-telefon, fil-lift jew inkella fil-laqgħat iktar formali li jkollna kif spjegajt iktar ’il fuq. Sintendi hemm limitu għal kollox. Bħalma jaf kull avukat mhux kull kawża diffiċli għandek il-garanzija li se tirbaħha.

Ħidma Parlamentari
Fl-isfond ta’ dan l-istorbju li jiġbed l-attenzjoni tal-midja l-ħidma tagħna trid tkompli sejra għax il-ħin ma jistenna lil ħadd. Biex nagħtikom idea ta’ xi jkun qed jiġri niddeskrivi xi xogħol ieħor fosthom fuq ir-rapporti li fuqhom inkunu qegħdin naħdmu.
Per eżempju din il-ġimgħa kienet ħafna impenjattiva għalija għax qiegħed nersaq lejn it-tmiem tal-ħin li jitressqu emendi fuq ir-rapport tiegħi li l-ħsieb u l-objettiv tiegħu huwa li jtejjeb il-kwalità tal-istatistika. Din hija xi ħaġa serjissima minħabba dak li ġara fil-Greċja. Hemm ħafna għajnejn fl-Ewropa li huma fuq dan ir-rapport. Dan għax għalkemm kienu ħafna l-gvernijiet li tkażaw bil-Greċja, issa li wasalna li nsaħħu l-qafas ta’ kif tinġabar u tiġi ppreżentata l-istatistika qed ikarkru saqajhom. Ma tantx iridu tibdil serju. Tibdil tal-kliem biss.
Nagħmel kuraġġ f’dan ir-rigward għax kemm il-Eurostat kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew huma warajha f’dan ir-rigward. Min hu serju u veru jrid it-tibdil biex din is-serjetà tidħol fis-seħħ jiġġieled għaliha. Aħna rridu li kemm l-aġenziji nazzjonali tal-istatistika bħal dik Maltija l-NSO u u kemm dik Ewropea l-Eurostat innifisha tħarsilhom l-indipendenza tagħhom. Ma rriduhomx jiddependu mill-gvern jew mill-Kummissjoni u għalhekk influwenzati minnhom.
Din il-ġimgħa għalhekk ġiet iżżurni delegazzjoni mill-Eurostat li ġiet mill-Lussemburgu għax dawn iridu jaraw li jkun hemm l-indipendenza mqassma b’ċertu bilanċ bejn iċ-ċentru u l-pajjiżi membri. L-għada kelli laqgħa oħra minn delegazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew li ġew Brussels minn Frankfurt, delegazzjoni ta’ tlieta biex jaraw din id-darba li jinżamm bilanċ bejn is-sistema tal-aġenziji tal-istatistika Ewropea u s-sistema tal-Banek Ċentrali Ewropej. Din hi sistema ta’ kordinazzjoni komplessa li filwaqt tqassam ix-xogħol ta’ ġbir tal-istatistika bejniethom, tara li żżomm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u ma tagħti l-ebda dritt li kull naħa li tindaħal fix-xogħol tan-naħa l-oħra.
Dan huwa t-tip ta’ xogħol li jien bħala Ewro Parlamentari nkun għaddej minnu fi Brussels u Strasburgu. Altru milli ngħollu jdejna u nniżluhom biss kif iħobbu jġibuna lilna l-Ewro Parlamentari fuq it-televiżjoni.

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 19 ta’ Novembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *