Il-Baġit 2013 u l-Unjoni Ewropea


Mistoqsija li ħafna jistaqsuni dwar dan il-baġit hi dwar jekk dan għaddiex mill-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea u x’kienet l-opinjoni tagħha.

Irrid ngħid li baġit finanzjarju nazzjonali jiġi approvat meta l-Parlament nazzjonali japprovah b’maġġoranza tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Iżda bħala membru tal-Unjoni Ewropea u iżjed u iżjed bħala membru taż-Żona Ewro, Malta trid toqgħod għar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea li għandhom influwenza kbira sew fuq il-qafas baġitarju ta’ pajjiżna u wkoll fuq xi prattiċi li jinfluwenzaw sew in-nefqa pubblika kif ukoll xi parametri ekonomiċi.

Nistgħu ngħidu li mhux biss l-Unjoni Ewropea iżda wkoll istituzzjonijiet internazzjonali bħalma hu l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u r-Rating Agencies Standard and Poors, Moodys u FitchIbca qed ikollhom effett ikbar minn qatt qabel fuq kif għandu jitfassal il-baġit ta’ pajjiżna.

Dawn iħarsu u jsegwu mhux biss meta jitħabbar il-baġit iżda jibdew minn żmien bikri jiġifieri minn ħafna xhur qabel.

L-Unjoni Ewropea min-naħa tagħha permezz tas-Simestru Ekonomiku titlob lil-Istati Membri biex għall-ħabta ta’ Marzu jippreżentaw żewġ dokumenti mportanti bħalma huma il-programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Update tal-Programm ta’ Stabbilita’.  Dawn iz-ż-żewġ dokumenti huma l-bażi li fuqhom jiġi mfassal il-baġit għas-sena ta’ wara. Għalhekk f’Marzu li ġej il-gvern, ikun min ikun,  irid jkun diġa qiegħed ifassal il-baġit tas-sena li jmiss jiġifieri is-sena 2014.

Dan l-iskrutinju jkun akbar jekk il-pajjiż ikun qabeż il-miri tad-defiċit jiġifieri ta’ 3 fil-mija u għalhekk il-pajjiż membru jaqa’ fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP). Il-Ministru ta indikazzjoni li dalwaqt il-Kunsill ser jħabbar li Malta, li waqgħet taħt din il-proċedura fl-2008, grazzi għall-isplużjoni tal-ispiża tal-gvern qabel l-elezzjoni  ġenerali, m’għadiex taħt din il-proċedura. Nistennew lil Kunsill jagħtina din l-aħbar.

Fil-frattemp il-Kummissjoni ħabbret li Malta ser taqa’ taħt proċedura oħra li ftit ħadd sema’ biha. Din il -proċedura li ġiet introdotta is-sena l-oħra bħala miżura biex ikun hemm aktar kontroll fuq il-baġits nazzjonali hija dik msejjħa Alert Mechanism Report.  Dan ir-rapport jindika liema pajjiżi għandhom jiġu magħżula għall-investigazzjoni fil-fond mill-Kummissjoni, minħabba suspetti ta’ riskji u żbilanċji makro-ekonomici.

Preċiż fl-istess ġurnata li tħabbar il-baġit il-Kummissjoni ppublikat l-aħbar li Malta se tkun qed tiġi investigata abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. Fost ir-raġuni li l-Kummissjoni tat biex tiġġustifika l-għażla tagħha hemm il-dejn għoli tal-gvern u tal-privat, kif ukoll għaliex l-assi tal-banek Maltin huma proporzjonalment kbar ħafna (900%) meta mqabbla mal-Prodott Gross Domestiku. Għalkemm dan minnu nniffsu ma għandux joħloq allarm, xorta waħda dan ifisser li Malta mhijiex f’xi stat ekonomiku daqstant tajjeb kif jitpinġa mill-gvern. Skrutinji bħal dawn jagħmlulna ġid għaliex jgħinuna ma nibqgħux għomja għar-riski ekonomiċi u finanzjarji ta’ madwarna u f’pajjiżna stess.

 

Tibqa l-mistoqsija. Ġie jew ma ġiex approvat dan il-bagit li għadu kemm ħabbar il-Ministru tal-Finanzi? Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed joqgħod fuq il-kelma tal-Ministru li lil Kummissjoni kien ikkonsultaha. Li naf jien hu li filwaqt li l-Kummissjoni qed toqgħod fuq il-qafas baġitarju li ġie sottomess lilha f’April li għadda, sal bidu ta’ Novembru l-Kummissjoni stqarret b’mod ċar li l-baġit kienet għadha ma ratux sad-data meta kienet qed tagħmel it-tbassir tagħha ekonomiku għal pajjiżna.

Iktar stramb hu l-fatt li fil-qafas miftiehem sew mal-Kummissjoni u ma organizzazzjonijiet internazzjonali li semmejt iktar ‘l fuq kien hemm ċar li d-defiċit għas-sena d-dieħla ser jinżel permezz ta’ qtugħ fl-ispiża u qtugħ fil-piż tat-taxxi. Għal kuntrarju il-baġit li ġie mħabbar mill-gvern issa qed juri li l-piż tat-taxxa ser jogħla għalkemm ser jogħla iżjed mit-tkabbir fl-ispiża. Dan it-tibdil sinifikattiv għadu ma ġiex spjegat la mill-Prim Ministru u lanqas mill-Ministru tal-Finanzi.

Wieħed ukoll jistenna spjegazzjoni dwar x’jiġri jekk il-previżjonijiet ottimistiċi li jirrigwardjaw it-tkabbir ta’ dħul mit-taxxa ma jintlaħqux. Għandu il-gvern pjan ta’ kontinġenza jekk dan it-tkabbir fid-dħul ma jseħħx?

Huwa importanti li dawn il-mistoqsijiet validi jkunu ċċarati minn issa ħalli jkollna veru serħan il-moħħ li l-Kummissjoni ma terġax tagħmlilna bħal ma għamlet f’Jannar li għadda u terġa titlobna li naqtgħu l-ispiża pubblika, dak inhar b’40 miljun ewro, minn dak li hu ipprogrammat f’dan il-baġit biex jissodisfa il-miżuri mħabbra.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 3 ta’ Dicembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *