Se jkun Budget Prudenti


Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ddeskriva l-budget li se jippreżenta għada bħala wieħed prudenti. F’dan il-kuntest qal li l-Gvern mhux se jonfoq aktar milli għandu u mir-riżultati li kiseb se jkompli jkattar il-ġid biex joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji u n-negozji. TVM ħejja trasmissjoni speċjali dwar il-budget u l-ewwel reazzjonijiet tal-politiċi u l-imsieħba soċjali.

Fil-Ministeru tal-Finanzi, fl-aħħar sigħat intlaħaq il-qofol ta’ ġimgħat ta’ tħejjija biex jitlesta wieħed mill-aktar eżerċizzji importanti tas-sena għal dan il-Ministeru: il-budget għas-sena li jmiss.

It-tfassil tal-budget beda fis-Sajf b’konsultazzjoni interna mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li ressqu l-proposti tagħhom. Il-Ministru Edward Scicluna ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mal-għaqdiet ta’ min iħaddem fl-MCESD u rċieva wkoll proposti mingħand il-pubbliku.

Fl-aħħar t’Awwissu, il-Ministeru tal-Finanzi ppubblika d-dokument ta’ qabel il-budget li jagħti stampa tal-qagħda ekonomika, l-isfidi li jridu jiġu indirizzati u jindika oqsma li mistennija jingħataw prijorità fin-nefqa u l-ħidma tal-gvern. Id-dokument kellu bħala tema “Insostnu Tkabbir Inklussiv”, li fi kliem il-Professur Scicluna jindika li l-Gvern irid ikompli jsostni t-tkabbir ekonomiku waqt li jiżgura li qed jilħaq lil kull parti tas-soċjetà.

Il-konsultazzjoni mal-pubbliku u l-imsieħba soċjali ssuktat b’laqgħat u anke bl-app Malta Budget 2020 li skont il-Ministeru l-pubbliku bagħat biha aktar minn 900 suġġeriment.

Għalkemm żamm fommu sieket dwar il-miżuri li se jħabbar, il-Ministru Scicluna indika li l-linja ġenerali tal-budget.

“Budget prudenti li mhux se jonfoq aktar milli għandu. Budget li mir-riżultati li ksibna se jkompli jsostni t-tkabbir inklussiv ħalli b’hekk minnu jgawdi kulħadd.”

Għada, TVM se jkollu skeda speċjali ta’ xandiriet bi programm li jibda fil-ħamsa neqsin kwart b’diskussjoni u kollegamenti mal-Palazz ta’ San Anton, fejn il-President George Vella se jilqa’ lill-Ministru tal-Finanzi biex jiffirma l-budget, u mal-Parlament il-Belt minn fejn fis-18:30 nwasslu d-diskors sħiħ tal-budget.

Fi tmiem id-diskors jibda bulettin tal-aħbarijiet li jinkludi l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru u l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Wara l-bulettin jissokta programm speċjali bis-sehem ta’ politiċi u l-kummenti bir-reazzjoni għall-budget mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-għaqdiet ta’ min iħaddem. Radju Malta se jxandar id-diskors tal-budget u iktar tard ikollu programm ta’ diskussjoni.

Is-sit elettroniku tvm.com.mt se jkollu wkoll bosta artikli li jispjegaw il-budget skont temi differenti.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *