Pensjonijiet Stabbli huma biss possibbli permezz ta’ tkabbir Ekonomiku Sostenibbli


“L-istabbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet tista’ biss tinkiseb permezz ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u governanza fiskali responsabbli u effettiva,” qal il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna.

Il-Ministru għall-Finanzi kien qed jitkellem bħala il-panelist ewlieni waqt Business Breakfast li ġie organizzat mill-Business Observer fl-Intercontinental Hotel it-Tnejn 21 ta’ Lulju, 2014. It-tema tal- Business Breakfast kien dwar il-qasam tal-pensjonijiet, u fih ġew diskussi numru ta’ fatturi u soluzzjonijiet rigward ir-riforma tal-pensjonijiet.

Preżenti għall-Business Breakfast kienu bosta partijiet interessati u rappreżentanti mis-settur privat, kif ukoll decision-makers mis-settur pubbliku. Preżenti wkoll kien il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Dr Michael Farrugia.

 

[nggallery id=204]

Waqt l-interventi tiegħu, il-Prof. Scicluna saħaq li l-approċċ lejn riforma fil-qasam tal-pensjonijiet għandu jkun sforz kostanti li jkun kontinwament aġġornat, minflok approċċ sporadiku u intermittenti. Wieħed m’għandux jipprova jsib soluzzjoni għall-problemi kollha f’daqqa.

“Ir-riforma fil-pensjonijiet hi diskussjoni li għandha ssir ta’ spiss u regolarment, sabiex is-sistema tista’ titjieb maż-żmien u allura tista’ tlaħħaq ma’ kuntest ekonomiku li dejjem qed jinbidel. Hi ħaġa pożittiva ħafna li llum qegħdin hawn biex niddibattu l-pensjonijiet, għaliex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu mixjin ‘l quddiem sabiex niżguraw li l-pensjonijiet jibqgħu sostenibbli u vijabbli,” qal Prof. Scicluna.

 

Il-Prof. Scicluna sostna wkoll li l-unika mod li jistgħu jinkisbu pensjonijiet sostenibbli u adegwati hu permezz ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll ta’ governanza pubblika responsabbli u effettiva.

“Kull gvern irid jaċċerta ruħu li kull inizjattiva li titwettaq jew titħaddem issarraf fi tkabbir ekonomiku tanġibbli. Jekk dan hu żgurat, mela wieħed jista’ jiggarantixxi pensjonijiet adegwati u sostenibbli. L-NSO reċentement ippubblikat figuri li wrew li l-ekonomija Maltija qed tikseb rati ta’ tkabbir ekonomiku u rati ta’ parteċipazzjoni fil-qasam tax-xogħol li skont il-mudell tal-pensjonijiet tal-2006 dawn kienu possibbli biss fl-2025. Ir-rati tal-immigrazzjoni wkoll jeħtieġu li jiġu aġġornati.”

 

 

Il-Prof. Scicluna rrimarka wkoll l-importanza ta’ approċċ li hu ‘outside-of-the-box” li ma jħarisx lejn is-sistema tal-pensjoni b’mod riġidu bħala numru ta’ pilastri, iżda li hemm bżonn tip ta’ ħsieb aktar fluwidu li jħares minflok lejn l-oqsma u d-demografiċi li hemm bżonn jiġu indirizzati. Fost dawn huma d-dejn nazzjonali, u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ annwalità għall-persuni irtirati li huma mwaħħlin f’pożizzjonijiet mhux likwidi minħabba xi sehem sostanzjali f’xi propjetà.

Il-Ministru Scicluna ħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-qasam tal-pensjonijiet sabiex ma jieħdux pożizzjonijiet fuq il-pensjonijiet konfrontattivi jew allarmanti, u ħeġġiġhom ukoll biex jipproponu soluzzjonijiet kostruttivi.

 

 

timesofmalta_logo  newsbook_logo  iNews_Logo  maltaindependent_logo   govmt_logo   tvmnews_logo   maltatoday_logo

– Monday, 21st July, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *