Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest News, News


Miraklu ekonomiku Malti : Il-pajjiż jirreġistra l-ewwel surplus wara 35 sena

Deskritt mill-Prim Ministru bħala mument ta’ kburija nazzjonali dak imħabbar illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar kif pajjiżna għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni sħiħa rreġistra surplus ta’ disa’ miljuni.

 

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA

 

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit minuti wara l-pubblikazzjoni taċ-ċifri uffiċjali, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif minn sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, wara l-ewwel 4 snin ta’ dan il-Gvern, illum pajjiżna daħħal iktar milli ħareġ.

“Seħħ miraklu ekonomiku Malti. Pajjiżna rreġistra surplus fl-istess żmien li ma daħħalx awsterità u t-taxxi tnaqqsu għal kulħadd f’dawn l-4 snin”, qal il-Prim Ministru.

Il-fatt li l-Gvern daħħal aktar milli nefaq mhijiex statistika imma hija differenza fil-ħajja tan-nies. Huwa riżultat li jfisser inqas pressjoni biex jiżdiedu t-taxxi u inqas pressjoni biex ma jsirux miżuri soċjali.

Dr Muscat semma kif il-Gvern kien f’pożizzjoni li jieħu miżuri biex iżid id-dħul tal-ħaddiema u din is-sena realment żdiedet il-paga minima. Ħabbar kif pajjiżna jinsab qrib biex ikollu ftehim mal-imsieħba soċjali fit-taħditiet li għaddejjin fuq il-paga minima.

Dan il-miraklu ekonomiku Malti għandu jkompli jkun sostnut permezz ta’ responsabbiltà. Il-Prim Ministru qal li l-iktar ħaġa faċli issa li ntlaħaq is-surplus tkun li jsir infiq mingħajr għaqal iżda hu qal li l-prijorità tal-Gvern hi li jitwettaq il-manifest elettorali filwaqt li jiġu analizzati r-rikjesti kollha u li janalizza bir-reqqa l-każijiet kollha tan-nies, bil-għan finali li surplus fil-budgets tal-pajjiż ma jkunx biss ta’ darba iżda nistabilixxu trend.

Surplus ifisser li hemm iktar flus li jistgħu jintużaw fil-Bank ta’ Żvilupp biex jagħmel tajjeb għal proġetti importanti. Ifisser ukoll li meta tmur fis-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji issib iktar fiduċja biex f’pajjiżna jitwettaq il-pass li jmiss – proġetti infrastrutturali kbar.

Il-Prim Ministru temm il-konferenza tal-aħbarijiet billi qal li dan huwa frott il-ħidma li wettaq t-team ekonomiku u finanzjarju b’saħħtu mmexxi mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, id f’id mal-Ministri kollha tal-Gvern.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Ministru Louis Grech li fost l-oħrajn semma kif Malta kisbet mill-ġdid il-kredibilità wara li fil-bidu tal-leġislatura, l-Unjoni Ewropea kienet qed tiddubita kemm pajjiżna jista’ jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għamel preżentazzjoni li tispjega pass pass kif minn defiċit ta’ 362 miljun, dan il-Gvern irnexxilu jdawwar ir-rotta għal surplus ta’ disa’ miljuni fost oħrajn bil-ħidma li saret fil-qasam tal-enerġija, l-attitudni pro-business u favur l-investiment, kif ukoll il-qtugħ tat-taxxa għal kulħadd.

Preżentazzjoni li ta l-Ministru għall-Finanzi.

Press Conference [30-3-17]

Press Conference [30-3-17]

Press Conference [30-3-17]

Thursday 30th March 2017

 


Ask Edward