Malta tissodisfa l-maġġoranza tal-kriterji fuq it-transparenza tal-finanzi pubbliċi


“Xi żmien ilu, jien tlabt lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jagħmel evalwazzjoni intensiva fuq it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi f’Malta. Dan bl-għan li nkomplu nsaħħu l-finanzi pubbliċi u ntejbu t-trasparenza tal-proċess baġitarju. L-IMF bagħtu delegazzjoni f’Malta f’Mejju ta’ din is-sena sabiex jagħmlu din l-evalwazzjoni u jippreparaw rapport dwar ir-riżultati għal pajjiżna”, qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Ir-rapport, li ġie ppublikat illum, ippreżenta riżultati ferm pożittivi għal Malta. Infatti, l-IMF stqarru li Malta tikkumpara sew ma’ pajjiżi Ewropej avvanzati li għamlu din l-evalwazzjoni hekk kif kisbet riżultati simili bħal fost oħrajn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

L-IMF irrikonoxxiet li Malta implimentat diversi prattiċi pożittivi fejn tidħol it-trasparenza fiskali, partikolarment fejn jidħlu rapporti fuq il-finanzi pubbliċi. Infatti, hija sabet li r-rapporti fiskali huma dettaljati tant li jinkludu informazzjoni fiskali fuq kull entita tal-gvern estiż u huma pubblikati fil-ħin stipulat u b’mod frekwenti.

L-IMF innutat b’mod pożittiv li l-objettivi u l-miri fiskali tal-gvern huma mniżżla fil-leġiżlazzjoni (il-Fiscal Responsibility Act, 2014). Barra minn hekk, hija faħħret il-mod ta’ kif dawn jiġu skrutinizzati minn istituzzjoni indipendenti (il-Malta Fiscal Advisory Council). L-IMF innutat ukoll li l-gvern jevalwa u jirrapporta b’mod dettaljat ir-riskji makro-ekonomiċi fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll ir-riskji fuq id-dejn pubbliku.

L-IMF ippreżentat numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex il-gvern ikompli jtejjeb it-trasparenza fiskali. Il-gvern ħa nota ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u diġà beda jaħdem sabiex jimplimentahom.

Il-Ministru għall-Finanzi qal li, “din hija l-ewwel darba f’Malta li saret evalwazzjoni fuq it-transparenza tal-proċess baġitarju tal-gvern u ninsab verament sodisfatt bir-riżultat li ksibna”.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Sur Torben Steen Hansen (il-kap tad-delegazzjoni) li hu Deputy Division Chief fil-Fiscal Affairs Department tal-IMF. Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll Laura Cerami li tokkupa l-kariga ta’ konsulent tad-direttur eżekuttiv tal-IMF.

Minister for Finance Edward Scicluna during the press conference on the first fiscal transparency evaluation report for Malta assessing the transparency of the budgetary process

Deputy Division Chief of the International Monetary Fund (IMF) Torben Steen Hansen address a press conference on the first fiscal transparency evaluation report for Malta assessing the transparency of the budgetary process

            

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *