Lejn mexxej Laburist ġdid fir-Renju Unit


Illum fir-Renju Unit bdiet l-aħħar tappa fit-tiġrija li għandha twassal biex fil-25 ta’ Settembru li ġej, meta f’Man chester tkun qiegħda tiltaqa’ l-Konferenza Annwali tal-Partit Laburista Ingliż, jitħabbar uffiċjalment il-Mexxej il-ġdid tal-Partit, wara li fil-11 ta’ Mejju li għadda rriżenja minn din il-kariga Gordon Brown. Riżenja li ġiet ftit jiem wara li l-Partit Laburista tilef l-Elezzjoni Ġenerali u t-tmexxija tal-pajjiż wara 13-il sena fil-poter. Il-votazzjoni għal mexxej ġdid bdiet illum u tagħlaq fit-22 ta’ Settembru li ġej.

Kariga li qiegħda tkun kontestata minn ħames kandidati: David Miliband; ħuh Ed; Andy Burnham; Ed Balls u l-unika kandidata mara, Diane Abbott. L-aktar favoriti huma l-aħwa David u Ed Miliband, bl-istħarrig tal-opinjoni pubblika jagħti ftit tal-vantaġġ lil David, li fl-aħħar Gvern Laburista kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth. Xejn mhu daqstant ċar għajr forsi li l-mexxej ġdid Laburista Ingliż se jkun kunjomu Miliband.

Ikun min ikun minnhom se jiret għadma iebsa xi jgerrem. Biżżejjed tħares lejn in-numru ta’ tesserati. Minn partit li taħt Tony Blair fir-rebħa elettorali tal-1997 kellu 400,000 tesserat, għal partit li fl-Elezzjoni Ġenera li ta’ Mejju li għadda kellu 180,000 tesserat, bil-konsegwenza li kien hemm kostitwenzi fejn il-Partit Laburista lanqas kellu min imexxilu l-kampanja elettorali tiegħu. Minn Partit Laburista li kien ġej minn tliet rebħiet elettorali konsekuttivi, għal Partit Laburista li f’Mejju li għadda kiseb biss il-fiduċja ta’ 29% tal-elettorat.

X’ġara? X’wassal għal dan ir-riżultat? Analiżi tar-riżultat elettorali wriet li l-Partit Laburista Ingliż mhux talli ma rnexxilux iżomm l-appoġġ tal-klassi tan-nofs, meqjusa bħala professjo nista, talli tilef kwazi 10% tal-appoġġ tradizzjonali tiegħu, il-klassi tal-ħaddiema. L-appoġġ mitluf minn fost il-klassi tal-ħaddiema mar lejn il-Konservattivi jew il-Liberali, kif ukoll kien hemm dawk li ddeċidew li f’jum il-votazzjoni jibqgħu d-dar u ma jmorrux jivvotaw. Il-Partit Laburista nqata’ minn dawk li kie nu jifformawlu s-sinsla.

Wieħed ma jridx jinsa li qabel 13-il sena fil-Gvern, il-Partit Laburista Ingliż kien għamel 18-il sena fl-Oppożizzjoni. Sakemm tfaċċa Tony Blair fl-1994. Kien Blair li bidel lill-Partit Laburista Ingliż minn partit tal-Oppożizzjo ni għal partit tal-Gvern. Fi tliet snin Blair irnexxielu jaqleb ix-xena politika Ingliża ta’ taħt fuq b’rebħiet elettorali kbar fl-elezzjonijiet tas-sena 1997 u tas-sena 2001, u waħda komda fis-sena 2005. Sakemm waslet il-gwerra tal-Iraq, bl-involviment Ingliż fiha li fissret it-telfien tal-popolarità li kien igawdi Blair. Daqqa ’l isfel sewwa, li kompliet tkaxkar bir-riżenja ta’ Blair u tiggrava taħt Brown bl-inkwiet intern sa ma wasal ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju li għadda.

Blair kien irnexxielu mhux biss jippenetra l-klassi tan-nofs, iżda anke eventwalment jattiraha lejh. Fi ħdan il-Partit Laburista nnifsu Blair kien irnex xielu jrattab kliem bħal “nazzjonalizzar” bi kliem aktar vag bħal “tqassim aħjar tal-ġid u tal-poter politiku”. Il-partitarji Laburisti kienu lesti jagħmlu dan…18-il sena fl-Oppożizzjoni kienu twal wisq.

Is-suċċessi elettorali ta’ Blair tefgħu lill-Konservattivi f’baħħ politiku. Bidlu tliet mexxejja:William Hague, Iain Duncan Smith u Michael Howard – kollha mill-fergħa leminija tal-partit, b’ħadd minnhom tant popolari. Sakemm fl-2005 ħatru lil David Cameron.

Cameron qasam it-teorija leminija tal-partit b’wegħda li tqarreb lejn iċ-ċentru jassigura l-kisba tal-poter. Xi ħaġa li “rnexxielu” jagħmel, anke jekk ma rnexxilux jassigura maġġo ranza li sserraħlu moħħu min kejja li kien qed jaffronta Gvern li kien tilef il-popolarità. Xi ħaġa li se tkun kontinwament miegħu. Twaħħxu l-ħin kollu.

Sadanittant il-Partit Laburista kien beda jinqata’ mill-għeruq tiegħu, bl-attivisti jħossuhom imwarrbin mill-magna tal-partit, imħassbin li l-Gvernijiet Laburisti kienu resqu wisq lejn iċ-ċentru u maqtugħin mill-ideat tal-membri tal-partit. Xi ħaġa riflessa fit-tnaqqis drammatiku tas-sħubija.

Maż-żmien beda jidher li l-problema għall-Partit Laburista taħt Blair kienet li filwaqt li beda jibni appoġġ mill-klassi tan-nofs u jiftaħ kemm jista’ jkun, fl-istess waqt kienet qiegħda tkun ittraskurata l-klassi tal-ħaddiema u l-moviment trejdunjonistiku, li minn dej jem iffinanzja bil-qawwi lill-Partit Laburista.

Konxji minn dan kollu, il-ħames kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista bbażaw il-kampanja tagħhom fuq il-wegħ da ta’ politika aktar xellugija. Aktar milli kienu għamlu Blair u Brown.

L-aħwa Miliband it-tnejn jitkellmu favur li jiżdiedu t-taxxi fuq is-settur finanzjarju u l-aktar sinjuri fis-soċjetà. It-tnejn jitkellmu favur ekonomija inqas dipendenti fuq is-City of London, it-terminu magħruf bih is-settur finanzjarju Ingliż. Il-kontestanti kollha qegħdin jopponu bil-qawwa l-politika tal-Gvern ta’ koalizzjoni għal tnaqqis fin-nefqa pubblika u żieda fir-rati tal-VAT. Sintendi, wieħed jifhem li meta jitkellmu mal-għeruq tal-partit iku nu aktar iebsin mis-soltu.

Il-popolarità tal-Gvern immexxi minn Cameron diġà naqset sew. Xejra li mistennija tkompli hekk kif jibdew jinħassu l-effetti tal-politika li qed iħaddem il-Gvern. L-iskun tentizza tkattret minħabba l-benefiċċji lill-bankieri u l-fatt li l-poter tas-City of London baqa’ qawwi daqskemm kien tul l-agħar żmien tal-kriżi finanzjarja.

L-art taħt saqajn il-Gvern Ingliż mhix tant soda.

Jidher li l-linja indikattiva ta’ x’politika jista’ jibda jitmexxa biha l-Partit Laburista Ingliż, irrispettivament minn min se jinħatar mexxej, diġà stimulat arja ta’ qawmien mill-ġdid tal-Partit Laburista, arja riflessa fi 30,000 membru ġdid mill-elezzjoni ta’ Mejju ’l hawn.

It-tiġrija ta’ bejn l-aħwa Miliband jista’ jkollha tmiem missielet sewwa. David għandu l-akbar appoġġ minn fost il-Grupp Parlamentari Laburista, filwaqt li ħuh Ed, li fil-Gvern Laburista ta’ Brown kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u Bidla fil-Klima, għandu l-appoġġ tal-akbar tliet unjins tal-ħaddiema fil-Gran Brittanja.

Is-suċċess, il-falliment u l-potenzjal ta’ qawmien ġdid tal-Partit Laburista Ingliż huma lezzjoni għal kull partit politiku.

Il-bilanc bejn li tattira lejk nies ġodda filwaqt li żżomm lil dawk li tradizzjonalment kienu tiegħek, huwa wieħed fin ħafna. Partit politiku jeħtieġhom it-tnejn, biex l-ewwel jirbaħ il-poter imbagħad iżommu.

Nistennew sal-25 ta’ Settembru li ġej biex naraw min se jkun il-Mexxej Laburista ġdid. Imbagħad jidħol fis-seħħ il-qawl li “x-xemx minn filgħodu turi”.

Il-kontestanti u l-proċeduri fl-għażla

Kien ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju li għadda li ħaffef il-proċess għal tmexxija gdida tal-Partit Laburista Ingliż. Il-Partit Laburista tilef l-elezzjoni u Gordon Brown irriżenja minn Prim Ministru u minn mexxej tal-partit fil-11 ta’ Mejju.

Ir-regolamenti tal-Partit Laburista Ingliż jistipulaw li nominazzjoni għal mexxej irid ikollha l-appoġġ ta’ mill-inqas 12.5% tal-Grupp Parlamentari. Il-Partit Laburista fil-preżent għandu 257 Deputat Parlamentari. Attwalment għandu 258, iżda wieħed minnhom – Eric Illsley – jinsab sospiż mill-Grupp Parlamentari u allura mhux eleġibbli biex jieħu sehem fil-proċess. Għalhekk kull nominazzjoni jrid ikollha mill-inqas l-appoġġ ta’ 33 deputat.

In-nominazzjonijiet fetħu fl-24 ta’ Mejju u għalqu fid-9 ta’ Ġunju. Attwalment kien hemm sitt nominazzjonijiet: Diane Abbott, Ed Balls, Andy Burnham, John McDonnell, David Miliband u ħuh Ed. Fl-aħħar ġurnata, fid-9 ta’ Ġunju, John McDonnell irtira n-nominazzjoni.

Għal dak li huwa appoġġ għan-nominazzjoni tagħhom minn ħdan il-Grupp Parlamentari, David Miliband kiseb 81 firma; ħuh Ed kiseb 63, filwaqt li Abbott, Balls u Burnham kisbu l-appogg minimu meħtieġ, 33.

Hemm tliet kategoriji ta’ eletturi fi ħdan il-Partit Laburista għall-ħatra ta’ mexxej tal-partit. Eleġibbli biex jivvotaw hemm id-Deputati Parlamentari u l-Membri Parlamentari Ewropej; il-membri individwali tal-partit; u l-membri individwali tal-organizzazzjonijiet affiljati mal-partit, bħalma huma unjins tal-ħaddiema u soċjetajiet Soċjalisti. Kull sezzjoni tingħata terz tal-voti.

Skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika l-appoġġ għal kull kandidat minn dawn it-tliet sezzjonijiet huwa hekk:

Diane Abbott – Membri tal-Partit: 13%; Unjins tal-Ħaddiema u Socjetajiet Socjalisti: 17%; Grupp Parlamentari u MEPs – 5%. Total ta’ 12%.

Ed Balls – Membri tal-Partit: 7%; Unjins tal-Ħaddiema u Soċjetajiet Soċjalisti: 11%; Grupp Parlamentari u MPE: 14%. Total ta’ 11%.

Andy Burnham – Membri tal-Partit: 10%; Unjins tal-Ħaddiema u Soċjetajiet Soċjalisti: 13%; Grupp Parlamentari u MPE: 12%. Total ta’ 12%.

David Miliband – Membri tal-Partit: 38%; Unjins tal-Ħaddiema u Soċjetajiet Soċjalisti: 34%; Grupp Parlamentari u MPE: 39%. Total ta’ 37%.

Ed Miliband – Membri tal-Partit: 32%; Unjins tal-Ħaddiema u Soċjetajiet Soċjalisti: 26%; Grupp Parlamentari u MPE: 30%. Total ta’ 29%.

Stħarriġ bejn l-aktar żewġ kandidati popolari, l-aħwa Miliband – juri li David għandu l-appoġġ ta’ 50% tal-Membri tal-Partit; 56% tal-membri tal-Unjins tal-Ħaddiema u Soċjetajiet Soċjalisti; u 55% tal-Grupp Parlamentari u MPE għal total ta’ 54%.

Fir-rigward ta’ Ed, dan l-appoġġ huwa ta’ 50%, 44% u 45% rispettivament, għal total ta’ 46%.

Is-sistema tal-votazzjoni hija ta’ vot trasferibbli, fis-sens li tagħti preferenza minn wiehed sa ħamsa, bil-vot jintiret u f’kull għadd ikun eliminat il-kandidat bl-inqas voti, bil-voti tiegħu jintirtu skont il-preferenza li tkun ingħatat mill-votant.

Il-votazzjoni bdiet illum. Tagħlaq fit-22 ta’ Settembru li ġej u r-rebbieħ jitħabbar fil-25 ta’ Settembru, fl-ewwel jum tal-Konferenza Annwali tal-Partit li se tkun qiegħda tiltaqa’ Manchester. Nistennew u naraw.

www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 16 ta’ Awissu, 2010


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *