Jitwettqu 70% tal-miżuri tal-Baġit 2017


Matul l-2017 twettqu 265 miżura tal-Baġit, li jfisser li r-rata ta’ implimentazzjoni kienet tammonta għal 70%. Bejn wieħed u ieħor, din hija l-istess rata tas-snin preċedenti u dan minkejja li fl-eqqel tal-implimentazzjoni tal-miżuri, pajjiżna kien għaddej mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-elezzjoni ġenerali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Id-dokument “It-Twettiq tal-Baġit 2017” ġie ppreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar.

Il-Ministru Scicluna qal li hu kuntent mhux biss għas-sebgħin fil-mija tal-implimentazzjoni tal-Baġit, imma wkoll għall-fatt li din il-preżentazzjoni ssir proprju lejlet li jitħabbar il-Baġit għas-sena ta’ wara. B’hekk il-Gvern qed jagħti rendikont dettaljat, iswed fuq l-abjad, u b’miżuri numerati li twettqu. Dan ifisser stil ġdid ta’ gvern li qed jagħti rendikont ta’ għemilu.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Cutajar qal li dak li sar tul din l-aħħar sena jagħti aktar sodisfazzjon mis-soltu, għax ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit baqgħet fl-istess ilma tas-snin ta’ qabel minkejja li ċ-ċirkostanzi kienu differenti. Dan juri li minkejja l-elezzjoni ġenerali u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, is-Servizz Pubbliku baqa’ għaddej bir-ritmu normali tiegħu.

Is-Sur Cutajar fakkar li sa erba’ snin ilu, il-Baġit kien jintesa ftit wara li l-benefiċċji mħabbra fih jaslu fil-bwiet tan-nies. Kienet l-amministrazzjoni preżenti li bdiet proċess li jiżgura li l-Baġit jitwettaq kollu u jkun hemm aktar kontabilità. Biex seta’ jsir dan, kellhom jiddawru u jiġu llimati l-kulturi fi ħdan is-Servizz Pubbliku, fost oħrajn bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ppjanar 3D, moniteraġġ kontinwu u rapporti lill-Kabinett kull xahar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li ċ-ċifra ta’ 70% tfisser li twettqu mal-270 miżura ta’ importanza mhux żgħira. Fost dawn kien hemm it-tneħħija tal-parti l-qadima tal-power station, miżuri dwar il-mediċini li jitqassmu lill-anzjani, kif ukoll it-tneħħija tal-liċenzji tal-kummerċ. Din tal-aħħar kienet parti mill-Key Performance Indicators (KPIs), li mhux biss deħlin b’ritmu mgħaġġel fir-rutina tas-Servizz Pubbliku iżda qed jagħtu sehemhom fit-twettiq tal-miżuri tal-Baġit.

Is-Sur Cutajar qal li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ ċerti miżuri ma jfissirx li dawn ġew traskurati, iżda hu r-riżultat tal-fatt li mhux kollox jista’ jsir f’sena waħda. Huwa semma kif din is-sena twettqu aktar minn 50 miżura minn Baġits preċedenti – li jixhed li kull miżura tibqa’ tiġi segwita sakemm titwettaq. Din hija waħda mis-sistemi ġodda ta’ viżibilità u kontabilità li ġew introdotti f’dawn l-aħħar erba’ snin u parti mill-viżjoni, imsejsa fuq erba’ pilastri, biex is-Servizz Pubbliku jagħti servizz tal-aqwa kwalità, temm jgħid is-Sur Cutajar.

         

Friday 6th October 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *