Is-Semestru Ewropew: Lejn Finanzi Pubbliċi Sodi, Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi


L-istat tad-defiċit u d-dejn nazzjonali, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal Malta, u l-futur tal-ekonomija Maltija, kienu t-temi ewlenin diskussi mill-imsieħba soċjali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tan-negozju, u l-pubbliku ġenerali, mal-Ministru għall-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna, waqt laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC.

Din il-laqgħa, kif spjega Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, kienet it-tielet waħda minn sensiela ta’ laqgħat pubbliċi organizzati matul din is-sena, u li qegħdin iservu ta’ konsultazzjoni u evalwazzjoni dwar il-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ għal Malta. Dott. Xuereb spjega s-sinifikat ta’ dawn il-laqgħat fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress fil-miri tal-Istrateġija u fil-kuntest tal-10 snin sħubija ta’ Malta fl-UE.

 

[nggallery id=213]

Il-Ministru għall-Finanzi beda biex tkellem dwar id-dejn nazzjonali u d-defiċit u qal, fost l-oħrajn, li l-Gvern hu kommess li jikkontrollahom u jżomm mal-miri maqbula mal-Kummissjoni Ewropea. Dan mingħajr ma jiġi kompromess l-infiq essenzjali fuq pereżempju s-saħħa u l-pensjonijiet. Hu tkellem ukoll dwar is-sostenibbiltà fiskali li ma tasalx għaliha jekk il-Gvern ma jkollux kredibbiltà, anki fejn jidħlu l-aġenziji tal-credit rating. Hawn tkellem dwar il-baġit għas-sena d-dieħla, fejn qal li l-enfasi se tkun fuq il-ħolqien tax-xogħol u fuq il-qasam soċjali li għalih isir infiq kemm ikun hemm bżonn, mingħajr ma jħalli l-abbuż.

Il-Ministru Scicluna rrefera kemm-il darba għall-bżonn ta’ riformi li li jikkontribwixxu għal aktar tkabbir ekonomiku u jistgħu jaffettwaw lil xi wħudDawn isiru billi pajjiżna jħares lejn pajjiżi iktar żviluppati u jaħdem għall-progress fejn meħtieġ, u billi jfittex ir-raġunijiet għaliex f’ċerti miri u oqsma għadna lura. Hawn irrefera b’mod partikolari għar-rata tat-tluq bikri mill-iskola billi qal li wieħed irid jara jekk aħniex nimbuttaw lit-tfal minn kmieni wisq fl-edukazzjoni li jwassalhom biex jaqtgħu qalbhom kmieni wkoll. Ir-riformi jeħtieġ isiru wkoll fl-amministrazzjoni pubblika biex issir aktar effiċjenti fl-użu tat-teknoloġiji diġitali, u fit-tnaqqis tal-ħin u l-ispejjeż. Ir-riforma fil-qrati, qal li wkoll hi possibbli, bla ma tittiefes l-indipendenza tagħhom.

Dwar il-kompetittività, il-Ministru qal li l-ambizzjoni tal-Gvern hi li jitla’ ’il fuq fil-lista tal-pajjiżi fir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji. Huwa qal li s-soluzzjoni għall-isfidi tal-kompetittività huma x-xogħol u l-edukazzjoni.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali li bih il-ħlas tat-taxxi se jkun iktar kontabbli bir-rappurtaġġ dwar miri u skedi ta’ kif se jintlaħqu, abbażi tas-Semestru Ewropew. Għal dan il-għan għad irid jitwaqqaf il-Kunsill Fiskali li r-rwol tiegħu bħalissa qed iwettqu l-Awditur Ġenerali.

Waqt il-laqgħa saru diversi interventi mill-parteċipanti dwar: l-aċċess għall-finanzjament u l-iskemi ta’ finanzjament għan-negozji; il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru; l-evażjoni tat-taxxa u l-ekonomija s-sewda; il-bilanċ bejn iż-żieda fl-impjiegi; il-benefiċċji soċjali u l-ekonomija; it-tnaqqis tan-numru ta’ persuni li jirreġistraw għax-xogħol b’dikjarazzjonijiet foloz; in-nuqqas ta’ persuni fir-riskju tal-faqar; l-inċentivi u l-opportunitajiet għall-istudenti b’mod speċjali fir-riċerka u l-innovazzjoni, iktar milli żieda fl-istipendji; il-bżonn ta’ inċentivi u tnaqqis tal-burokrazija lill-investituri u negozjanti li jimxu mar-reogoli.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Scicluna qal li l-Gven hu impenjat li jindirizza l-punti li ssemmew hu li hu importanti ħafna li l-pajjiż jevalwa dak li għamlu pajjiżi iktar żviluppati minna u jisma’ u jieħu s-suġġerimenti tas-setturi differenti tas-soċjetà biex jitwettqu r-riformi meħtieġa. Hawn innota wkoll li l-Gvern japprezza Oppożizzjoni li tikkritika biex ma jaqax lura f’dak li jkun qiegħed iwettaq.

MEU SAC_logo

maltatoday_logo  maltaindependent_logo

 

– Wednesday, 24th September, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *