Il-Gvern mhu se joħroġ ebda flus mit-taxxi tal-poplu fuq il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun


It-tliet banek internazzjonali li flimkien mal-Bank of Valletta ser jisilfu €450 miljun lill-Konsorzju Electrogas għal bini tal-Power Station tal-gass u faċilitajiet tagħha ser joħrogu ammonti indaqs bejniethom. Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Konrad Mizzi u Edward Scicluna li irribattew il-kritika li saret mill-Oppożizzjoni għall-fatt li l-gvern qed jagħti garanzija fuq parti mis-self li tkopri €360 miljun li huma ekwivalenti għal 80 fil-mija tas-self kollu li ser tagħmel l-Electrogas.

 

Mizzi-u-Scicluna

 

Il-Ministru Scicluna waqt li spjega li l-gvern mhu ser joħroġ xejn għall-garanzija bankarja, qal li daħħal €8,800,000 f’kumpens talli ipprova l-garanzija li qed tippermetti lill-konsorzju jissellef b’rati aktar baxxi.

 

 

Qal li kieku l-proġett tal-power station qed issir mill-gvern, kien ikun il-gvern li kien ikollu jissellef dawn il-flus , kif sar fi proġetti oħrajn bħal l-interconnector bil-konsegwenzi li kien jiżdied id-defiċit u d-dejn tal-gvern.

Il-Professur Scicluna fakkar li fl-2012, l-amministrazzjoni nazzjonalista ħarġet garanzija bankarja ta’ €318-il miljun biex l-Enemalta ma tfalliex bid-djun li kellha. Semma ukoll li arranġament simili sar ukoll mal-Kumpanija Malita li mhix kumpanija tal-gvern meta daħlet biex tiffinanzja l-proġett ta’ bieb il-belt.

 

 

Il-Ministru Konrad Mizzi waqt li ta rendikont tal-progress tax-xogħol fuq il-power station tal-gass f’Delimara, saħaq li minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni, l-gvern u l-Enemalta qed jiksbu l-fiduċja kemm mill-aġenziji tal-kreditu li tejbu r-rating tal-Enemalta u tal-gvern, kif ukoll mill-kummissjoni Ewropea li m’għadiex tirreferi għall-problemi fis-settur tal-enerġija fir-rakkomandazzjonijiet speċifici li tagħmel lil Malta. Qal li dan sar għaliex anki l-Kummissjoni Ewropea hija konvinta u fiduċjuża fil-pjan tal-energija tal-gvern.

Dr Mizzi qal li hu fiduċjuż li l-Kummissjoni Ewropea se tapprova il-ftehim dwar is-sigurtà tal-provvista bejn il-gvern u l-Electrogas b’xi tibdil żgħar. Mistoqsi dwar il-pubblikazzjoni tal-ftehim dwar is-self li tat-tliet banek, HSBC International, il-Bank Ġermaniz KFW IPEX u Societe Generale ta’ Franza li flimkien mal-Bank of Valletta se jipprovdu l-finanzjament tal-proġett, l-Ministru qal li dan huwa ftehim kummerċjali u biex ikun pubblikat iridu jaqblu l-erba’ banek. Qal li anki biex il-banek issemmew li laħqu dan il-ftehim kellu jkun hemm qbil bejniethom. Huwa qal li s-self minn dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji kbar huwa turija ukoll tal-fiducja tal-banek f’dan il-proġett.

 

RAPPORT: RUTH CASTILLO – 13 TA’ AWWISSU, 2015

 

tvmnews_logo

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *