Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest News, News


Il-Gvern jiftaħ l-iskemi biex jindirizza inġustizzji marbuta max-xogħol

Bookmark and Share

Il-Gvern ħabbar il-ftuħ tal-iskemi mħabbra fil-budget 2017 li permezz tagħhom persuni li jħossuhom li sofrew inġustizzja marbuta max-xogħol tagħhom fil-passat jistgħu japplikaw għal fond ta’ €8 miljun imwaqqaf għal dan il-għan għal din is-sena.

 

pr171119b

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna u mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia waqt konferenza stampa.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SIGURTÀ SOĊJALI

 

L-iskemi huma miftuħa;

· għall-ħaddiema tal-korpi li kienu qed jagħtu servizz lid-dipartimenti tal-Gvern qabel l-1979, iżda li kienu bdew jagħmlu parti mis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979;
· għall-eks-ħaddiema tax-xatt li kellhom liċenzja biex jaħdmu bejn l-4 t’April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007, uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur li ma tħallsux għall-overtime li għamlu bejn l-1 ta’ Jannar 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009;
· għall-eks-ħaddiema tal-Malta Electricity Board;
· u bil-possibiltà ta’ ħaddiema oħra.

 

L-iskema hija miftuħa wkoll għall-werrieta ta’ persuni eliġibbli li mietu, u l-pagamenti huma eżenti mit-taxxa.

Il-Ministru Scicluna qal li dawn il-miżuri li tħabbru fil-budget huma intiżi sabiex jindirizzaw l-inġustizzji li diversi persuni sofrew matul is-snin u li ma ngħatawx sodisfazzjon għalihom minħabba f’diversi raġunijiet u li l-amministrazzjoni preċedenti ma tatx kashom. Dan il-Gvern, qal il-Ministru Scicluna, wiegħed li jindirizza dawn l-anomaliji fil-manifest elettorali u issa qiegħed iwettaq din il-wegħda elettorali.

Huwa spjega li l-Gvern kellu numru ta’ ostakli amministrattivi biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Fosthom, li jekk il-Gvern iwiegħed li jħallas ammont ta’ flus mifruxa fuq medda ta’ snin biex jindirizza din is-sitwazzjoni, id-Direttorat għall-Istatistika Ewropea, il-Eurostat, iddaħħal l-ispiża globali fil-kotba tal-Gvern. Il-Ministru tenna li l-Gvern intenzjonat li jivvota somma fis-sena skont il-mezzi tiegħu sabiex ikompli jindirizza dawn l-inġustizzji.

Il-Ministru Farrugia spjega kif il-Ministeru tiegħu ser ikun qed jimplimenta permezz bord ippresedut mis-Segretarju Permanenti s-Sur Mark Musu, b’rappreżentanti mill-Ministeru għall-Finanzi, mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Huwa spjega l-iskemi f’aktar dettall, u spjega li l-iskemi ser jitħaddmu b’mod simili għal dawk li ħarġu diġà minn Transport Malta meta ħarġu rifużjonijiet tal-VAT fuq il-karozzi. L-applikazzjonijiet għall-iskemi se jkunu ippubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern u se jibqgħu miftuħin għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat. Kull applikazzjoni se tkun eżaminata bir-reqqa mill-Ministeri kkonċernati.

tvm_com_mt-Logo-HI-rRES-SOLID-COLOUR

- 28th April, 2017


Ask Edward