Maltese Articles

English Articles

Press Releases

News, Press Releases


Hub Tekniku tat-Taxxi fil-Furjana

Illum twaqqaf Hub Tekniku tat-Taxxi fil-Furjana bil-għan li min ikollu xi kjarifika dwar taxxa issa ser ikun jista jinqeda bl-aktar mod komdu u effiċjenti taħt saqaf wieħed.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

L-inawgurazzjoni saret fl-Uffiċju tal-Kummissarju tat-Taxxi li għadu kemm ġie rinovat u għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

L-għan ewlieni wara dan il-Hub Tekniku tat-Taxxi li mistenni li jibda jopera minn Lulju li ġej, huwa sabiex jiffoka fuq il-ħtiġijiet ta’ min ikollu xi diffikultà dwar it-taxxa.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fisser dan il-Hub Tekniku bħala, “pass ieħor għal riforma li biha qed tiżdied l-effiċjenza fis-settur pubbliku.”

F’dan ir-rigward, il-Ministru Edward Scicluna semma kif it-taxxi u l-amministrazzjoni tat-taxxa jiddeterminaw ħajjet l-individwu speċjalment tal-pensjonanti.  “Huwa għalhekk li b’inizjattivi ta’ din ix-xorta ser inkunu qed niffaċilitaw ħajjet in-nies b’servizz aktar effiċjenti, f’inqas ħin u b’inqas skariġġ,” temm jgħid il-Ministru Scicluna.

Apparti t-twaqqif ta’ dan il-Hub Tekniku, ser jiġi introdott kunċett ġdid fejn Uffiċjal tat-Taxxa issa ser ikun qiegħed jiltaqa’ man-nies fiċ-Ċentri Reġjonali ta’ Servizz.Gov permezz ta’ appuntament. Dan bil-għan li fi ħdan il-komunità tagħhom stess huma jkunu mgħejjuna fi kwalunkwe diffikultà li jkollhom marbuta ma’ taxxa u mingħajr il-ħtieġa li jkollhom jirrikorru fil-Hub Tekniku tal-Floriana.

Waqt il-ftuħ uffiċjali tat-tielet hub tas-servizz.gov, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar fakkar kif dawn il-hubs inbnew fuq il-mudell ta’ suċċess tal-Business First. Hawnhekk kull min irid jiftaħ negozju, jista’ jagħmel dan minn post wieħed u jimla’ biss formola waħda li tkun pproċessata fi żmien tlett ijiem u mhux tliet xhur, kif kien isir qabel.

Minn hawnhekk nibtet l-idea li s-Servizz Pubbliku jkollu servizz immedjat b’ċentri speċjalizzati li ma jġiegħlux lill-pubbliku jitteraq minn dipartiment għall-ieħor. Minn din l-idea mbagħad is-Servizz Pubbliku mexa biex ikun disponibbli 24/7 permezz tal-egovernment, l-online u l-mobile services.

Is-Sur Cutajar semma wkoll l-hubs reġjonali mifruxa madwar Malta u li meta jingħaqdu mal-hubs tal-edukazzjoni, tal-familja u issa b’dan tat-taxxa, jkunu qed jagħmlu parti mill-viżjoni ta’ servizz aċċessibbli minn kullimkien għal kulħadd.

Bħala parti mit-tieni viżjoni tal-amministrazzjoni pubblika, bħalissa għaddej proġett pilota li qed jara biex tkun implimentata l-once only principle. B’dan il-kunċett, il-pubblku jagħti l-informazzjoni tiegħu lill-gvern darba biss.

Fl-aħħar, is-Sur Cutajar qal li qed isiru diskussjonijiet biex naraw kif b’mod etiku, l-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża wkoll biex ikompli jingħata servizz effiċjenti.

  

Monday 6th May 2019


Ask Edward