Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest News, News


Ftehim għall-finanzjament ta’ proġett kbir ta’ ‘affordable housing’

F’ċerimonja fil-Ministeru għall-Finanzi, ppreseduta mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, sar l-iffirmar ta’ ftehim għall-finanzjament ta’ proġett kbir ta’ affordable housing li se jkun mifrux fuq medda ta’ ħames snin. Il-ftehim huwa bejn Malita Investments u żewġ banek Ewropej; il-European Investment Bank (EIB) u l-Council of European Development Bank (CEB). Malita se tkun qiegħda tissellef €25 miljun u €29 miljun rispettivament mingħand iż-żewġ banek b’rati ta’ imgħax vantaġġjużi. Il-ftehim huwa mifrux fuq 25 sena.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li “dan il-proġett huwa ta’ riflessjoni għall-mira li għandu dan il-Gvern għall-ħames snin li ġejjin b’infrastrutura li tixraq għal livel li laħqet l-ekonomija”. Il-Ministru Scicluna kompla jżid li dan il-proġett huwa bejn il-Gvern u l-privat bħala finanzjament alternattiv għal dak li kien isir fil-passat. Dan huwa sinjal ta’ relazzjoni tajba li l-Gvern għandu ma’ banek Ewropej ewlenin.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon innota illi permezz ta’ dan il-finanzjament se jkunu indirizzati r-realtajiet soċjali. Huwa rringrazzja lil Malita kif ukoll lir-rappreżentanti taż-żewġ banek tal-koperazjoni tul l-aħħar xhur li waslet għal dan l-iffirmar.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li dan is-settur se jkun prijorità tal-Gvern f’din il-leġislatura. “Proġetti bħal dawn huma parti mis-soluzzjonijiet biex nagħtu akkomodazzjoni adekwata lil familji bi dħul baxx jew bi problemi soċjali.”

Is-Sur Kenneth Farrugia, Chairman ta’ Malita Investments, qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qegħdin jinbnew ftit aktar minn 1,000 unit ta’ daqs differenti. Huwa pjanat li fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġislatura se jkunu nbnew madwar 650 unit filwaqt li 400 unit ieħor jitlestew fuq perjodu ta’ ħames snin.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Sur Kenneth Farrugia bħala Chairman tal-Malita, is-Sur Miguel Morgado, Direttur għal Malta tal-European Investment Bank u s-Sur Ranier Lovato, Principal Country Manager mill-Council of Europe Developement Bank. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna; il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon; u s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes.

Wednesday 28th June 2017

 

 


Ask Edward