Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest News, News


Fitch tikkonferma r-rating ta’ kreditu għal Malta bħala A+ bi prospetti stabbli

Il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji jilqa’ l-aħħar rapport ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu maħruġ minn Fitch, li kkonferma r-rating ta’ A+ għal Malta bi prospetti stabbli fi sfond tal-pandemija globali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Dan ir-rating pożittiv irrifletta l-fatt li Malta għandha dħul għoli per capita u pożizzjoni b’saħħitha fil-kummerċ estern, fost fatturi oħrajn. Fitch tinnota wkoll li r-rata ta’ tkabbir potenzjali tal-ekonomija Maltija hija b’saħħitha u ogħla mill-medja taż-Żona Ewro.

Minkejja x-xokk fil-kummerċ estern, Fitch tistenna li Malta tibqa’ tirreġistra surplus fil-kont kurrenti fis-snin li ġejjin filwaqt li tibqa’ żżomm pożizzjoni tajba ta’ kreditur fil-kummerċ estern.

Riżultat tar-restrizzjonjiet fuq is-safar kif ukoll l-effetti tal-COVID-19 fuq it-turiżmu globalment, Fitch qed tistenna li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ Malta jonqos bi 6.9 fil-mija f’2020. Madankollu, il-PDG mistenni jirkupra u jikber b’4.1 fil-mija f’2021.

Fitch qed jestimaw defiċit fiskali ta’ 9.2 fil-mija din is-sena minħabba l-impatt tal-pandemija fuq id-dħul tal-Gvern kif ukoll l-infiq addizzjonali fuq il-pakketti finanzjarji implimentati mill-Gvern sabiex jissuplixxi d-dħul tal-familji u l-intrapriżi. Iżda, mis-sena dieħla, id-defiċit mistenni jerġa’ jonqos.

Fuq is-settur finanzjarju, Fitch temmen li l-indikaturi li jkejlu s-saħħa tas-sistema finanzjarja huma b’saħħithom u jipprovdu buffer lis-sistema f’każ li jkun hemm tnaqqis aktar milli mistenni fil-PDG. Hija tinnota wkoll li non-performing loans (NPLs) naqsu fl-aħħar snin.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, Prof. Edward Scicluna qal: “Li Fitch żammet l-istess rating ta’ A+ għal pajjiżna minkejja l-impatt ekonomiku tal-pandemija hija aħbar pożittiva. Din tindika l-fiduċja li għandha l-aġenzija tal-kreditu fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija.”​

Saturday 11th July 2020


Ask Edward