Budget 2020: Strument għat-tkabbir ekonomiku u għat-tqassim tal-ġid


Waqt konferenza stampa dwar il-Budget 2020, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li l-qafas ta’ kull baġit li ħejja dan il-gvern mill-2013 ’l hawn ġie msejjes fuq erba’ pilastri.

Wieħed minn dawn il-pilastri hu li jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku permezz ta’ tisħiħ f’setturi eżistenti u ta’ diversifikazzjoni f’setturi u f’niċeċ ġodda flimkien mal-miżuri tal-Making Work Pay sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nies fid-dinja tax-xogħol. L-irwol ta’ kull baġit, inkluż ta’ din is-sena, ikun ukoll li jqassam il-ġid li jiġi maħluq miż-żieda fit-tkabbir ekonomiku bl-aktar mod ġust u ekwu ħalli b’hekk kulħadd igawdi minn livell ta’ għajxien ogħla. Kull baġit jinkludi wkoll miżuri ta’ investiment fi prijoritajiet settorjali fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent. Barra minn hekk, kull baġit jara li jsaħħaħ il-governanza fiskali billi jżomm il-prudenza fuq l-infiq.
 
“Permezz ta’ din l-istrateġija, irnexxielna mmorru minn tkabbir baxx għal tkabbir rekord; minn macroeconomic imbalance procedure għal stabbiltà makroekonomika; minn excessive deficit procedure għal surplus; minn labour force participation rate anqas mill-medja tal-UE għal dik fuq il-medja; minn problema ta’ qgħad għal tkabbir rekord fl-impjiegi; minn downgrades għal upgrades mill-aġenziji tal-kreditu; minn piżijiet ta’ taxxi u d-dejn għoli fuq il-familji għal waqgħa fid-dejn, tnaqqis fil-piż tat-taxxa fuq il-familji u waqgħa fil-persentaġġ tan-nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali,” spjega l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Il-Baġit 2020 hu wkoll mibni fuq l-istess qafas. Il-Ministru Scicluna żied jispjega kif ġew allokati madwar €80 miljun f’miżuri baġitarji mmirati biex iqassmu l-ġid speċjalment fost dawk l-iktar bi bżonn bħalma huma familji bi dħul baxx, pensjonanti u anzjani u nies b’diżabbiltà jew morda. Fl-istess ħin qed jiżdied l-investiment fi prijoritajiet settorjali fosthom l-infrastruttura u l-ambjent, sabiex it-tkabbir ekonomiku jkun tabilħaqq sostnut.
“Il-ġimgħa d-dieħla Malta se jkollha Prim Ministru ġdid u jien se nkompli nagħti l-għajnuna tiegħi għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin,” ikkummenta l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Wednesday 8th January 2020
,