Żewġ ċertifikati oħra lill-pajjiżna fl-ewwel mitt jum tal-leġislatura


Bi sfond li jfakkar l-ewwel mitt jum ta’ ħidma tat-tieni leġislatura ta’ Gvern Laburista, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna indirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar l-aħħar żewġ ċertifikati ta’ suċċess miksuba għal pajjiżna.
Il-Ministru Scicluna innota kif il-Fond Konsolidat kellu surplus ta’ €31 miljun fl-ewwel tmien xhur tas-sena, filwaqt li Standard and Poor’s bidlet it-tbassir għall-pajjiżna minn stabbli għall-pożittiv filwaqt li żammet ir-rating ta’ A-.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

“Is-sena l-oħra Standard and Poor’s tellgħu ir-rating ta’ pajjiżna minn ‘BBB+’ għall-‘A-’ u li din is-sena għollew it-tbassir jew l-outlook ta’ pajjiżna, ifisser li kuntenti b’dak li sar matul l-aħħar sena, u li s-sena d-dieħla ser ikunu qed jerġgħu jgħollu r-rating ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Edward Scicluna.

Intant, is-surplus reġistrat huwa l-aqwa riżultat finanzjarju għall-ewwel tmien xhur tas-sena li qatt ġie osservat fl-aħħar snin. Qed nitkellmu fuq sena tal-elezzjoni li fil-passat (2012, 2008 u 2003) waslet biex pajjiżna jiddaħħal f’excessive deficit procedure. Din is-sena għal kuntrarju għamilna surplus.

 

Pajjiżna ser jibqa’ jikseb riżultati finanzjarji tajbin fis-snin li ġejjin, għax fir-rapport tagħha Standard and Poor’s tgħid li bidlet it-tbassir ta’ pajjiżna minħabba l-fatt li t-tnaqqis fid-dejn tal-pajjiż dejjem niżel, tnaqqis fid-deficit u ġie reġistrat surplus fil-finanzi pubbliċi.

Dwar it-tnaqqis fid-dejn il-Ministru Scicluna qal li dan qed isir għaliex bħala Gvern mhux qed jissellef mat-tliet mitt miljun oħra kull sena, bil-konsegwenza li jintefa’ aktar piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, bħal ma kien qed isir fil-passat.

Standard and Poor’s qalet ukoll li pajjiżna ser jibqa’ jkollu tkabbir matul it-tliet snin li ġejjin dan anke permezz ta’ setturi ġodda li qed jimraħ fihom il-Gvern fosthom fit-turiżmu, fis-saħħa, fil-loġistika u fl-E-Gaming.

“Standard and Poor’s qed tgħid li l-ekonomija Maltija mhux qeda f’xi boom li wasal biex jispiċċa anzi għal kuntrarju qed jgħidu li qegħdin waqt espanzjoni qawwija ta’ tkabbir ekonomiku. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dawk l-osservazzjonijiet negattivi li nsibu fid-dokument li ħarġet l-Oppożizzjoni fl-istess jum,” temm jgħid il-Ministru Edward Scicluna.

        

Is-Sibt 30 ta‘ Settembru 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *