Żelqa kbira fin-niexef


Iċ-ċittadin li mill-paga ta’ kull erba’ ġimgħat titnaqqaslu t-taxxa dovuta u li fl-aħħar tas-sena tasallu d-dar l-informazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa dwar x’ħallas taxxa u jekk għandux iħallas aktar jew kellux iħallas inqas, jixxokkja ruħu x’ħin jisma’ li kumpaniji kbar, ġganteski, jaħbu l-profitti tagħhom biex ma jħallsux it-taxxa dovuta. Sitwazzjoni li wieħed jifhimha, aktar u aktar meta jissemmew kumpaniji kbar bħal Google, Amazon, Apple, Starbucks u ħafna oħrajn.

Huwa għalhekk li jkolli ngħid li dak li sar mill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) fir-rigward tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta huwa redikolaġni kbira. M’hemmx mod ieħor li bih tista’ tiddeskrivi l-aġir tagħhom li pprovaw jagħtu l-impressjoni li l-istituzzjonijiet reliġjużi, istituzzjonijiet oħrajn ta’ kull tip u ta’ kull settur li għandna reġistrati f’pajjiżna għamlu dan biex jevadu t-taxxa u jkunu sigrieta.

 

Dan wassal għal ħolqien ta’ moviment globali li qed jaħdem favur li jkun hemm it-trasparenza, favur li jkun hemm skambjar ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi biex kemm jista’ jkun ma jkunx possibbli li jsir il-ħabi ta’ profitti u allura l-evitar ta’ ħlas ta’ taxxi. Hemm ukoll il-midja, li b’kull mezz, anke dak illeċtu, tidħol f’sistemi privati biex jiksbu informazzjoni u allura jikber l-iskandlu ta’ kumpaniji kbar li jaħbu flushom f’ġurisdizzjonijiet sigrieti.

Huwa b’riżultat ta’ hekk li kellna l-istejjer ta’ SwissLeaks, JerseyLeaks, Panama Papers, LuxLeaks, Paradise Papers. Stejjer li bihom ippruvaw, jew irnexxielhom, jixxukkjaw lin-nies dwar min jaħbi l-flus, x’jaħbi u x’ikun qed jitlef il-pajjiż partikolari. S’hemmhekk wieħed jifhimha u allura dan jirrifletti wkoll fuq il-pajjiżi u x’għandhom jagħmlu l-gvernijiet tagħhom biex inaqqsu dan l-abbuż.

Filfatt fl-Unjoni Ewropea għaddejna mill-inqas żewġ direttivi, u hemm oħrajn, li bihom qegħdin noħolqu koperazzjoni u ngħaddu informazzjoni lil xulxin filwaqt li fl-istess ħin ngħalqu t-toqob mnejn jgħaddu dawk li jkunu jridu jevadu t-taxxa.

Ilni ngħid u ili nikteb li mkien fit-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea ma nistgħu ngħidu li hemm xi tax haven. U dan għar-raġuni li m’hemmx is-segretezza. L-Unjoni Ewropea rat biżżejjed, ħasbet biżżejjed, għamlet direttivi biżżejjed biex ikun hemm l-iskambjar ta’ informazzjoni. M’għandna xejn sigriet.

Ma jfissirx li kulħadd huwa trasparenti indaqs, u dan iwassalni biex nitratta direttament dwar pajjiżna. Għal raġunijiet politiċi, u mibdija lokalment, qegħdin jippruvaw jgħawġu u jippruvaw iħamġu isem pajjiżna sfortunatament barra minn Malta, fil-midja barranija, fil-Parlament Ewropew u postijiet oħra billi jippruvaw ixebbħuna ma’ dawn l-iskandli.

Sitwazzjoni li hija imqansħa għall-aħħar u kultant anke redikola. Malta mhix dak il-pajjiż li qegħdin jippruvaw ipinġuh li hu. Malta mhux sigrieta. M’għandniex kumpaniji sigrieti. L-informazzjoni nagħtuha. Ir-Reġistru Pubbliku huwa pubbliku. Minkejja dan kollu, dawk wara dan l-attentat kontra pajjiżna ma waqfux milli jkomplu għaddejjin. Ftit tal-ġranet ilu qalulna li bħalma kixfu l-każ tal-LuxLeaks, SwissLeaks u Panama Papers issa se jikxfu r-Reġistru sigriet dwar il-pajjiżi reġistrati f’pajjiżna. Dan filwaqt li jammettu li r-Reġistru Pubbliku tagħna mhux wieħed sigriet imma, skont huma, aħna xorta rnexxielna naħbu.

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta huwa pubbliku u huwa aċċessibbli għal kulħadd għand l-MFSA

Skont huma aħna għandna 80,000 kumpanija barranija offshore. Skont huma issa konna se nkunu nafu min huma s-sidien aħħarin tagħhom. Skont huma konna se nkunu nafu min huwa s-sid tas-sid u se jkollhom iċ-ċwievet kollha biex inkunu nafu min huma verament l-azzjonisti ta’ dawn il-kumpaniji. Skont huma konna se naraw min huma l-kumpaniji li ma ħalsux taxxa. Skont huma  kienu se jixxukkjaw lid-dinja b’din it-trovatura tar-Reġistru Pubbliku tagħna u filfatt ippubblikawh!

Konna ilna ngħidu li anke fejn jirrigwarda numru ta’ kumpaniji, 80,000, huma żbaljati. Mar-Reġistru ta’ Malta, in-numru ta’ kumpaniji reġistrati, Maltin u barranin, mhux żgur jaqbeż 50,000/60,000, għax hemm numru kbir ta’ kumpaniji, kalkulat bejn 20,000 u 30,000 li m’għadhomx aktar attivi. Mietu mewta naturali. L-awdituri li jirrappreżentawhom ilhom li tefugħhom fil-kaxxi u poġġewhom fil-kantina. Għalkemm teknikament u legalment ma mietux jew spiċċaw, xorta effettivament mhumiex ħajjin, imma ma nistgħux naqtugħom minn fuq ir-Reġistru, imma nafu li mhumiex attivi.

Lura lejn it-trovatura li suppost sabu fir-Reġistru Pubbliku tagħna! L-informazzjoni li taw u li skont huma kixfu, ilha onlajn. Jista’ jkun li kien hemm xi sorpriża għal xi wħud, imma mhux għalija bħala Ministru għall-Finanzi jew għall-Gvern.

Il-kumpaniji li “skoprew” jinkludu nies li nafu. Fil-lista telgħu l-klabbs tal-futbol Maltin. Telgħu s-sorijiet. Telgħet il-knisja. Telgħu kull kumpanija u kull ħanut li għandhom f’Malta u li nafuhom. Telgħu l-kuntratturi. Telgħu l-ħwienet li nafu b’isimhom f’Malta bħala kumpaniji li tagħhom huma azzjonisti. Xiħaġa li kulħadd kien jaċċetta u li ma fiha ebda sorpriża.

Imma li ċċappashom u tagħti x’jifhem li dawn huma kumpaniji sigrieti li qegħdin fuq ir-Reġistru ta’ Malta biex ma jħallsux taxxa huwa qerq u huwa kundannabbli. Aktar u aktar meta nafu li dawn iħallsu t-taxxa. Kull min huwa reġistrat huwa reġistrat legalment fir-Reġistru tal-MFSA. Ir-Reġistru Pubbliku huwa l-mod kif inti tirrispetta l-kumpanija ta’ pajjiżna.

Huwa min mhux reġistrat u qiegħed fl-ekonomija s-sewda, minn taħt, li huwa illegali. Kull kumpanija li qed timxi mar-regoli, li tirrapporta l-kontijiet tagħha, li tinforma lill-MFSA kull darba li jkollha xi tibdil fid-diretturi jew fl-azzjonisti jew fl-istatut tagħha huwa l-mod legali li jimxi bih kull pajjiż.

Huwa għalhekk li jkolli ngħid li dak li sar mill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) fir-rigward tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta huwa redikolaġni kbira. M’hemmx mod ieħor li bih tista’ tiddeskrivi l-aġir tagħhom li pprovaw jagħtu l-impressjoni li l-istituzzjonijiet reliġjużi, istituzzjonijiet oħrajn ta’ kull tip u ta’ kull settur li għandna reġistrati f’pajjiżna għamlu dan biex jevadu t-taxxa u jkunu sigrieta.

Il-konklużjoni li toħroġ minn dan kollu hija li meta tesaġera, meta tipprova tpinġi pajjiż bil-mod li mhux, fl-aħħar tiżloq. Dak li għamlet l-ICIJ huwa żelqa kbira u żelqa fin-niexef. Żelqa kbira u fin-niexef għax ħadd mill-Maltin ma jieħu gost jara ismu imċappas fil-ġurnali u onlajn taħt il-pretensjoni li qiegħed fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta biex jaħbi ismu jew biex ma jħallasx it-taxxa. Din mhix il-verità.

Kull attentat li qed isir f’pajjiżna biex ipinġu lil Malta b’mod estrem bħala li aħna l-iżjed stat mafjuż fid-dinja, li m’hawnx saltna tad-dritt, li ngħixu bil-liġi tal-ġungla, huwa bogħod mir-realtà. Mhix Malta li nafu. Mhix Malta li fil-verità ngħixu fiha. Kull min jafna jaf li dak li qed jippruvaw ipinġu mhux minnu.

Ma nafx għaliex qegħdin ikomplu għaddejjin b’dawn l-attentati meta jafu li mhux biss iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma, imma agħar minn hekk. Meta int tipprova tħammeġ lil pajjiżek finalment se jiġi fuqek għax il-ħsara lill-pajjiż tkun saret. Iżda l-poplu ma naħsibx li se jinsa dan kollu għax kull Malti u Għawdxi huwa kburi f’pajjiżu. Kull Malti u Għawdxi huwa diżappuntat bil-kbir bl-attentati biex jippruvaw iħamġu lil pajjiżna.

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Frar 2018

 

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *