X’tista’ toffri Malta waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE


Issa li qegħdin fuq l-għatba tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, x’qed jistennew minn din il-Presidenza s-27 pajjiż l-ieħor tal-Unjoni Ewropea? X’inhi dik ix-xi ħaġa speċjali li Malta tista’ tagħti aktar, jew anqas, minn ħaddieħor?

Dawn huma l-mistoqsijiet li nippruvaw nieħdu minn moħħ id-delegazzjonijiet li niltaqgħu magħhom. Illum, wara ltqajt ma’ bosta ministri barranin, kummissarji tal-Unjoni Ewropea u delegazzjonijiet varji, nista’ ngħid li l-barranin iħarsu lejn Malta b’mod pożittiv, għandhom aspettattivi għoljin, u jafu li Malta għandha isem tajjeb. Dan ifisser li huma jemmnu li aħna poplu dixxiplinat li minkejja ċ-ċokon tagħna, meta xi ħadd jafdalna biċċa xogħol, aħna nagħmluha sal-aħħar b’mod effiċjenti. Naturalment, ma jippretendux li aħna nagħmlu l-affarijiet li l-pajjiżi l-kbar biss jistgħu iwettqu minħabba f’nuqqas ta’ riżorsi, esperti u flus, però xorta ngawdu rispett minnhom.

 

orizzont thumbnail

 

Din l-idea tagħna l-Maltin rajtha minn diversi nies, u aħna ma nistgħux ngħiduha fuqna nfusna, għax jew inkunu kritiċi żżejjed tagħna nfusna jew inkella tikbrilna kemmxejn rasna wkoll! Għalhekk, l-isbaħ huwa meta ħaddieħor jgħidlek x’jaħseb fuqek.

Allura d-domanda li tmiss hija, kif il-Presidenza Maltija sejra tiffoka fuq affarijiet li forsi ma jagħmilhomx ħaddieħor?

Malta bil-fors ikollha tolqot suġġetti li jolqtu r-reġjun tagħna. Peress li aħna ninsabu fl-iktar parti fin-Nofsinhar tal-Ewropa u viċin l-Afrika ta’ Fuq, bil-fors irridu naraw il-problema relatati mal-inħawi tagħna, jiġifieri tal-Mediterran. U l-ewwel suġġett fuq il-lista huwa l-immigrazzjoni.

L-immigrazzjoni tista’ tinqasam fi tnejn. L-ewwel parti hija dwar dawk in-nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom minhabba fil-gwerra jew persekuzzjoni, li huma refuġjat. Hawnhekk għandna obbligi internazzjonali, mhux biss dawk tal-UE.

It-tieni parti hija dwar ħafna aktar nies li ġejjin minn pajjiżi foqra u għax iridu futur aħjar għalihom u għall-familji tagħhom, lesti jissugraw ħajjithom biex jidħlu fl-Ewropa. Lil dawn insejħulhom immigranti ekonomiċi. Naturalment, dawn igawdu minn trattament differenti mir-refuġjati. Huwa l-pajjiżi li jilqagħhom li jiddeċiedi jekk iżommhomx u b’liema mod, jekk hux permezz ta’ intervisti u skemi oħra kif isir pereżempju fl-Amerka, l-Kanada u l-Awstralja.

L-unika mod kif tnaqqas l-influss ta’ dawn in-nies huwa li ttejjeb il-qagħda ta’ pajjiżhom. U għalhekk, Malta hija interessata ferm fl-investiment u t-tkabbir ekonomiku fl-Afrika ta’ Fuq, u tixtieq li ż-żgħażagħ f’dawn il-pajjiżi jkollhom futur.

Bħalma l-Amerka għenet lill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija permezz tal-Marshall Aid, permezz programm ta’ għajnuna li sewa ammont massiċċ ta’ dollari, hekk ukoll l-UE, b’ammonti iżgħar ta’ flus, għamlet għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u taċ-Ċentru li kienu parti mill-Unjoni Sovjetika jew taħt ħakma Komunista. Barraminnhekk, l-Ewropa tagħthom futur billi rnexxielha isseħibhom fl-UE stess.

Sfortunatament, fil-pajjiżi sottosviluppati tal-Afrika m’hemmx futur għaż-żgħażagħ tal-post, u dan huwa wieħed mill-kawżi ta’ instabilita’ u anke terroriżmu. L-għerq ta’ dan in-nuqqas ta’ prospettiva għall-futur huwa n-nuqqas ta’ xogħol, li huwa mnissel min-nuqqas ta’ investiment. Dan kollu joħloq pressjoni enormi biex iż-żgħażagħ iħallu ‘l pajjiżhom u allura b’hekk tikber l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa.

Għalhekk, huwa d-dmir tagħna li ngħinu lil dawn il-pajjiżi biex iqumu fuq saqajhom, għax filwaqt li ngħinuhom biex jibnu futur sabiħ għal uliedhom, inkunu qegħdin innaqsu l-influss qawwi ta’ immigrazzjoni, u barra minn hekk, noħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ internazzjonali.

Għaldaqstant, Malta fil-Presidenza ser tkun qed tagħfas fuq dan il-qasam.

Il-pożizzjoni ġeografika u ċ-ċokon ta’ Malta jikkontribwixxu għal aspett ieħor il-għala l-Presidenza Maltija ser tkun differenti minn dawk ta’ qabel. Peress li aħna żgħar u ninsabu fil-periferija tal-UE, aħna kapaċi nosservaw dak li qed jiġri fl-istess UE bl-aktar mod kemmxejn distakkat, u għax distakkat, joffri analiżi aktar ċara.

Dan kelli l-okkażjoni li narah fid-diversi laqgħat bilaterali u laqgħat ma’ delegazzjonijet li kelli, fejn għamilt osservazzjonijiet li ma kienux jidħlu f’moħħhom bl-istess mod. Osservazzjonijiet bħall-fatt li l-qafas ta’ regolamenti li qed nibnu għall-banek, għall-ewro u għal diversi affarijiet oħra, qed jiġu mminata kull darba li jaslu biex jigu applikati mill-pajjizi l-kbar, bħal ma jiġri fil-Banking Union fl-Italja, jew fl-applikazzjoni ta’ pieni ħorox għal pajjiżi fiz-Zona Ewro meta dawn qabżu l-limiti mposti fuqhom.

Aħna jinrnexxielna nifmhu s-sitwazzjoni politika delikata tal-UE, minħabba fil-Brexit, l-elezzjonijiet Amerikani, u l-partiti politiċi populisti li qed ifaqqsu fl-Ewropa. Però rridu li jekk se nibnu r-regoli għall-UE, dawn ir-regoli iridu jiġu obduti għax inkella ma jkollhom valur ta’ xejn.

Dan il-qafas għandu jkun flessibbli sa mill-bidu nett sabiex jaħseb għal meta wieħed jiltaqa’ ma’ problemi, iżda dan għandu jkun flessibbli bis-sens u mhux għall-konvenjenza tal-pajjiżi l-kbar u għas-skapitu taż-żgħar.

Għalhekk, Malta minkejje li hija l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, għandha ideat kostruttivi x’tikkontribwixxi sabiex l-UE tissaħħaħ u tkun kompetittiva fid-dinja tallum.

12_ORZ

 Il-Ġimgħa 16 ta’ Dicembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *