X’Pensjoni se jkollok Għada?


Dwar il-bżonn li jsiru riformi fis-sistema tal-pensjonijiet jekk irridu li nibqgħu ngħixu ħajja diċenti wara li nirtiraw mix-xogħol, jaqbel kulħadd. Li ma jaqbilx kulħadd huwa dwar x’tip ta’ tibdil għandu jsir. Din id-diskussjoni ma nistgħux naħarbuha, fl-interess mhux biss tagħna iżda wkoll ta’ wliedna u wliedhom: il-pensjonanti tal-lum, ta’ għada u ta’ pitgħada.

 

Il-Kummissjoni Ewropea – u ż-żgħażagħ li jirrealizzaw li, ‘il bogħod kemm jidher ‘il bogħod, għada għad jasal ukoll – jitkellmu dwar riforma li tiggarantixxi s-sostenibbilità fit-tul. Dan ifisser li meta ż-żgħażagħ tal-lum jaslu biex jirtiraw mix-xogħol, is-sistema jkollha flus biżżejjed biex tagħtihom pensjoni adegwata li tkun tippermettilhom ma jaqgħux fil-faqar. Aħna naqblu mal-Kummissjoni Ewropea meta tgħid li meta jgħaddu għaxra, għoxrin, tletin u anki erbgħin sena oħra, il-finanzi tal-Gvern iridu jkunu kapaċi jlaħħqu mal-pensjonijiet għall-pensjonanti ta’ dak iż-żmien. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikollna nissellfu u nerġgħu nibdew inżidu d-dejn u nkabbru d-defiċit.

12_150515_OP-page-001 - Copy

Jekk imbagħad indawru ħarsitna lejn il-pensjonanti tal-lum u l-għaqdiet tagħhom, jew lejn min wasal biex jirtira, naraw prijoritajiet differenti. Għal dawn, li huwa ta’ interess primarju huwa l-pensjoni tal-lum: jekk biha wieħed jistax ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja, jekk twassalx biex wieħed jispiċċa fil-faqar, u jekk hemmx bżonn li jkun hemm żieda.

 

Id-dilemma tal-pensjonijiet fuq medda twila ta’ żmien, li tkopri anki erbgħin sena mil-lum, wieħed irid jistudjaha b’mod xjentifiku. Wieħed bilfors irid jagħmel użu minn mudelli matematici biex, fost l-oħrajn, jikkalkula kemm se tkun kibret il-popolazzjoni, ibassar xi tkabbir ekonomiku se jkun hemm, u kemm l-ekonomija tal-pajjiż se tkun produttiva. Dawn huma kollha fatturi li jridu jidħlu f’dan il-mudell biex naslu biex ngħidu jekk fuq din il-medda ta’ snin il-finanzi tal-pajjiż humiex se jkunu biżżejjed biex ilaħħqu mal-pensjonijiet tal-futur.

Aktar ma l-ħajja tagħna titwal, aktar se jkun hemm bżonnijiet għall-pensjonanti, minbarra dak ta’ pensjoni li tiggarantixxi standard ta’ ħajja xieraq.

Kulħadd jaf illi l-bniedem – anki f’Malta – qed jgħix ħajja itwal. Aktar ma l-ħajja tagħna titwal, aktar se jkun hemm bżonnijiet għall-pensjonanti, minbarra dak ta’ pensjoni li tiggarantixxi standard ta’ ħajja xieraq. Ikompli jikber il-bżonn, fost l-oħrajn, ta’ servizzi tas-saħħa u mediċini għall-anzjani, kif ukoll ta’ djar għalihom. Dan kollu, naturalment, jirrikjedi ħafna flus.

 

Huwa f’dan il-kuntest li l-Gvern ikkummissjona grupp biex iwettaq studju u jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġija li għandha tiġi implimentata biex tiġi rriformata s-sistema tal-pensjonijiet. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jitressqu għall-attenzjoni tal-Kabinett tal-ministri u wara jiġu diskussi mal-partijiet interessati kollha, fosthom is-soċjetà ċivili, biex nisimgħu r-reazzjoni tagħhom. Wara, il-Kabinett japprova pjan sħiħ ta’ riformi fis-sistema tal-pensjoni.

 

Id-deċiżjonijiet li eventwalment se jittieħdu f’dan ir-rigward se jorbtu lill-gvernijiet Maltin għal ħafna żmien. Il-mod ta’ kif jiġu aġġustati l-pensjonijiet minn żmien għal żmien, is-sistema ta’ meta persuna tiġi mġiegħla tirtira mix-xogħol, u l-formula li fuqha tiġi kkalkulata l-pensjoni … fin-nofs hemm fatturi kumplessi ħafna. Iżda d-diskussjoni bilfors trid issir għax huwa fl-interess tagħna, tat-tfal tagħna u anki tat-tfal tagħhom. Ilkoll irridu li meta naslu biex nirtiraw nibqgħu ngħixu ħajja diċenti.

 

– Friday, 15th May, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *