Tgħid resqin lejn gwerra bierda bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina?


Taqra kemm taqra fuq pajjiż, issir taf iktar u tibda tifhem aktar fuqu, wara li tkun żortu. Waqt iż-żjara tiegħi dan l-aħħar f’ Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina, fejn kont hemm fuq xogħol tal-Gvern, ma tistax ma tħossx mil-qrib il-ġrajjiet li qed jaffetwaw sew liċ-Ċina bħalissa, affarijiet li huma ferm kontroversjali u nkwetanti.

Bla dubju ta’ xejn, qed nirreferi għar-relazzjoni kummerċjali xejn tajba li qed tiżvolġi bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Din il-kwistjoni, mhux biss qed taffettwa ekonomikament dawn iż-żewġ pajjiżi iżda il-pajjiżi kollha tad-dinja. Fl-aħħar laqgħa li attendejt tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li saret ġewwa Washington, iddiskutejna kif l-ekonomija u l-kummerċ Internazzjonali qed jiġu affettwati negattivatament b’din il-kwistjoni. Dan hu riżultat ta’ tariffi li qed jimponi l-President Amerikan fuq prodotti mpurtati miċ-Ċina u ir-reazzjoni għal dawn it-tariffi għoljin li ġgħalet liċ-Ċina biex iżżid hi ukoll it-tariffi fuq prodotti mpurtati mill-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Meta nsemmu ċ-Ċina qed nitkellmu fuq popolazzjoni ta’ kwazi 1,400 miljun ruħ. Iċ-Ċina kienet u għada Kommunista, imma il-Gvern Ċiniż, fis-sebgħin u tmeninijiet, beda jiftaħ l-ekonomija tiegħu. Din il-liberaliżżazzjoni ekonomika saret b’mod ippjanat, strutturat u bi pjan strateġiku. Dan il-mod ta’ liberaliżżazzjoni, ippermetiet liċ-ċittadini Ċiniżi, ikunu kapaċi li jsiru imprendituri u anke sinjuri kbar, saħansitra li wħud minnhom saru miljunari u anke biljunarji. Fil-fatt, fiċ-Ċina hemm l-ikbar numru ta’ biljunarji li jgħixu madwar id-dinja. Dan kollu sar għax il-Gvern Ċiniż ħalla lil-poplu Ċiniż jieħu l-inizzjattiva imprenditorjali u tħallew jespandu l-industriji tagħhom. Dan it-tkabbir ekonomiku wassal biex jogħla il-livell tal-għajxien tal-poplu Ċiniż kollhu kemm hu.

Dan it-tkabbir ekonomiku, wassal biex iċ-Ċina, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ volumm ta’ esportazzjoni, għadda l-esportazzjoni tal-Istati Uniti. Dan poġġa liċ-Ċina biex l-industriji tagħha, jkunu l-fornituri ewlenin ta’ diversi prodotti madwar id-dinja kollha.  Ta’ dan kollu hu l-fatt li l-ilbies tal-marki renomati, il-karozzi lussużi, il-manifattura ta’ partijiet tal-ajruplani u vapuri u anke sħaħ qed isiru kollha jew fiċ-Ċina jew minn materja prima manifatturata fiċ-Ċina. L-iktar settur li rnexxa, huwa dak tal-elettronika. F’dan il-qasam, iċ-Ċina saret ukoll innovattiva, grazzi għar-riċerka li qed issir. Illum, l-akbar kumpaniji li jibbażaw il-produzzjoni tagħhom fuq innovazzjoni u riċerka, jinsabu jew fl-Istati Uniti jew fiċ-Ċina. Dawn iż-żewġ pajjiżi ħolqu kumplessi mgħarufa bħala “science parks” fejn il-kumpaniji jaħdmu id f’id u mill-qrib ma’ universitajiet kbar u ta’ fama Internazzjonali.

 

Iċ-Ċiniżi, xtraw l-innovazzjoni mill-pajjiżi Ewropa u komplew jibnu fuq din l-innovazzjoni. Iċ-Ċiniżi mxew ukoll ħafna il-quddiem f’dik li hi enerġija, tant li spiċċaw jgħinu pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, bħall-pajjiżi tal-Kontinent Afrikan.

Meta kont qed inżur iċ-Ċina, żort xi kumpaniji li joperaw fis-settur tal-enerġija fiċ-Ċina, fejn qaluli li għandhom proġetti u investiment kważi f’kull pajjiż Afrikan. Dawn il-proġetti jvarjaw minn impjanti nuklejari, impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija konvenzjonali, liema ġenerazzjoni ġejja kemm mill-faħam kif ukoll miż-żejt u l-gass. Iċ-Ċiniżi daħħlu wkoll fil-bini ta’ impjanti li jiġġeneraw enerġija mix-xemx, mir-riħ u mill-mewġ tal-baħar.

Dan is-suċċess li qed tgawdi minnu ċ-Ċina, wassal biex jagħti fastidju lill-Istati Uniti. Ir-raġuni m’hiex faċli li ssiba. Hemm raġunijiet diversi – wieħed jista’ jsemmi li ċ-Ċina tadotta prattiċi restrittivi fejn tidħol importazzjoni ġewwa pajjiża, restrizzjoni li tagħmilha diffiċli li timporta prodotti ġewwa ċ-Ċina u dan kuntrarju għas-sistemi li huma mħaddna fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, fejn ma hemmx dawn il-prattiċi restrittivi, ghall-inqas fid-deher.

Kien għalhekk li wassal lill-Istati Uniti li jipprovaw jinnegozjaw trattati għal kummerċ ħieles maċ-Ċina. Meta ma kienx hemm reġistrat progress, l-Istati Uniti bdew jimponu tariffi aktar għoljin fuq il-prodotti Ċiniżi. Dan kollu wassal għal gwerra kummerċjali, fejn pajjiż jibda jgħolli it-tariffi hu wkoll biex ipattieha lil pajjiż l-ieħor.

Din hi sitwazzjoni li ser twassal għal riċessjonijiet kriżijiet ekonomiċi u hemm bżonn li tinstab soluzzjoni li treġġa l-arloġġ lura għas-sitwazzjoni li kienet tirrenja ftit  ilu. Din mhix faċli li ssir sakemm nies influwenti, li jaħdmu mal-President Amerikan, u li huma magħrufin għal preġudizzju li għandhom kontra dak kollu li hu Ċiniż, jibqgħu jokkupaw dawn il-karigi.

L-aħħar inċident li seħħ u li wassal biex tkompli teskala it-tenzjoni li hemm bejn l-Amerika u ċ-Ċina, kienet dik tal-kumpanija Huawei. Din il-kumpanija, għandha it-teknoloġija avvanzatissima specjalment dik mgħarufa bħala 5G, teknoloġija li t-tejjeb il-meżż ta’ kommunikazzjoni. Dan wassal sabiex l-Amerikani jixlu liċ-Ċiniżi li b’din it-teknoloġija, qed jispjunaw fuqhom u qed jgħaddu l-informazzjoni għal ġewwa ċ-Ċina. Din l-allegazzjoni, qed twassal biex anki pajjiżi oħra – bħal pajjiżi Ewropej u oħrajn – qed jibdew jiddubitaw jekk jużawx it-teknoloġija elettronika offruta minn Huawei.

Il-fatt jibqa’ li anke kumpaniji Amerikani, huma esposti għall-ispjunaġġ, tant li ftit ta’ snin ilu, ġie rrappurtat kif l-Amerikani kienu spijjaw u r-rekordjaw taħdidiet telefoniċi ta’ leaders ta’ pajjiżi kbar Ewropej, inkluza l-Kancillier Ġermaniza Merkel. U dan kollu bl-iskuża tas-sigurta’ nazzjonali Amerikana.

Għalhekk, dawn l-affarijiet jiġru kullimkien u m’humiex aċċettabbli, jgħamilhom min jagħmilhom.

Dan kollu qed iwassal, biex ser nidħlu fi gwerra bierda, bħal ma fil-passat kellna gwerra bierda bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Russja fejn jidħlu armi nuklejari, issa għandna gwerra bierda fejn jidħol il-kummerċ. Din is-sitwazzjoni mhux qed tagħmel ġid lil ħadd.

Aħna, bħala Ewropej, se naħdmu kemm nifilħu biex din il-gwerra bierda, tieqaf għax qed tagħmel ħsara mhux biss liż-żewġ pajjiżi, iżda lilna wkoll. Jekk dawn iż-żewġ pajjiżi tant kbar, jkomplu jżidu l-kummerċ minflok joħonquh , għandhom tant x’joffru lill-umanita’ u l-pajjiżi kollha madwar id-dinja. Nawgura lil mexxejja biex jaħdmu biex din il-kwistjoni tirrisorvi ruħha.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *