Self u riskju


Jekk hemm xi ħaġa li tidħol f’kull qasam, mhux biss ekonomiku imma tal-ħajja tal-bniedem kollha kemm hi, ċertament din hija r-riskju. Ir-riskju nsibuh marbut ma’ kwalunkwe ħaġa li trid tiġri fil-futur.

 orizzont thumbnail

Mil-lat ekonomiku, ir-riskju rridu nqisuh bir-reqqa meta niġu biex ninvestu flusna. L-investiment x’inhu, wara kollox? Huwa somma ta’ flus li persuna jew kumpanija jiddeċiedu li jonfqu llum fuq proġett kapitali bil-ħsieb li jirrendi dħul fil-futur. Iżda min se jiżgurah dan id-dħul għall-futur? X’naħsbu li jista’ jkun? X’naħsbu li jista’ jidħol? X’naħsbu li tkun id-domanda għal dak li se nipproduċu u nbiegħu? Jekk dan il-proġett irendix jew le, jagħmilx profitt jew le, jagħmilx profitti għolin jew inkella profitti baxxi, jiddependi fuq dan ir-riskju.

Orizzont_26

Min ikun irid jissellef il-flus għal tali jew tali proġett, allura, ikun qed jidħol f’riskju. Jekk jagħżel li jissellef il-kapital mill-bank, anki l-bank li jsellfu jkun qiegħed jidħol f’riskju biex jagħmel dan. Huwa għalhekk li dan l-aħħar il-Gvern għamel miżura, li hija importanti ħafna, biex kemm jista’ jkun ir-riskju jkun magħruf minn min qiegħed isellef. Qed nirreferi għar-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu, li ġie approvat mill-Parlament dan l-aħħar.

Minn issa ’l quddiem, il-Bank Ċentrali ta’ Malta se jżomm rekord persuna b’persuna u kumpanija b’kumpanija għal self kumulattiv ta’ iżjed minn €5,000. Dan qed isir biex il-bank jkun jaf kemm ikunu esposti għal djun kull individwu u kumpanija li titlob xi self minn għandhom. Dan ifisser li meta l-persuna jew il-kumpanija jmorru għand bank u jagħmlu d-dikjarazzjoni, il-bank ikun jista’ jiċċekkja kemm ikollhom djun ħalli meta jislifhom il-flus, is-self tiegħu jkun jirrifletti biss l-ispiża jew kemm ikunu jiswew dawk l-flus għal dik il-medda ta’ snin. Aktar ma r-riskju jkun magħruf, aktar il-bank ikun jista’ jislifhom b’kundizzjonijiet itjeb milli kieku r-riskju ma’ jafuhx.

Irridu ngħidu li barra minn Malta din is-sistema teżisti. Il-pajjiżna għal quddiem issa jekk tmur għand bank biex tikseb self ‘loan’ jew ‘overdraft’, dan se jiċċekkja fuqek; se jara kemm għandek self mal-banek, iżda ma jkunx jaf minn liema bank partikulari tkun issellift. Ċerta informazzjoni kummerċjali tibqa’ dejjem kunfidenzjali.

Kien importanti li din is-sistema tiddaħħal ħalli l-banek ikunu jistgħu jsellfu b’mod iktar realistiku. Jekk il-bank ma jkunx jaf ir-riskju veru, ma jkunx jista’ jikkalkula b’liema kundizzjonijiet għandu jislef. Mill-banda l-oħra, meta jkun jaf li r-riskju ta’ individwu jew kumpanija jkun baxx għax ma jkunux esposti, ikun jista’ jislifhom b’rata ta’ mgħax iktar baxxa.

Nemmnu li din il-miżura sa twassal biex kumpaniji jkunu jistgħu jissellfu mill-banek b’rati iktar moderati, għax jitneħħa r-riskju żejjed. Riskju naturalment jibqa’ f’kull self, imma ma jkunx hemm dak ir-riskju mhux magħruf li jwassal lill-banek biex joqgħodu jaqtgħu jew jivvintaw jew jippruvaw jistmaw kemm jaħsbu li jkun kbir. Issa storja oħra għax se jkollhom l-informazzjoni quddiemhom. Jekk kumpanija ma tkunx esposta għad-djun, allura jkollha riskju baxx. Jekk kumpanija tkun mimlija djun, il-banek ikollhom jiċċarġjaw skont dan l-esponiment għar-riskju.

Issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Bank Ċentrali u l-banek biex jikkoperaw u tibda tinġabar din l-informazzjoni.

 

Il-Ġimgħa 26 ta’ Frar 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *