Riżultat tal-ħsara li saret


Matul din il-ġimgħa, żewġ Rating Agencies Fitch u Standard and Poor’s ħarġu riżultati wieħed fuq bank bank partikolari (BOV) u l-ieħor fuq l-andament tal-ekonomija Maltija. L-Aġenzija Fitch ħalliet il-grad għall-Malta A+ b’outlook stabbli filwaqt li kkonfermat li l-ekonomija ser tibqa’ tikber u b’saħħitha.

Dawn ir-Rating Agencies internazzjonali, jaslu biex joħorġu dan it-tbassir dwar l-ekonomija tal-pajjiż billi jiltaqgħu ma’ setturi u operaturi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u jitlobu informazzjoni, statistika u tagħrif ieħor li jwassalhom sabiex jagħmlu t-tbassir tagħhom. Bħala Ministeru għall-Finanzi, ikollna laqgħat ma’ dawn l-Aġenziji, kemm f’Malta kif ukoll ġewwa Washington waqt il-laqgħat li jsiru mill-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

It-tbassir ekonomiku fuq Malta mgħoti minn Fitch, mhux biss ħalla l-grad ta’ A+, iżda meta tkellem fuq il-ġejjieni, ikkummenta li Malta ser tkompli timxi fuq it-tkabbar ekonomiku li qed jiġi rreġistrat u għalhekk hemm stabilita’ fl-andament ekonomiku tal-pajjiż. Dan huwa riżultat li jkompli jattira investituri barranin li jinvestu ġewwa pajjiżna u għalhekk ikompli jinħoloq aktar xpgħol u aktar ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

Aġenzija oħra li ħarġet b’analiżi tagħha, kienet dik ta’ Standard and Poor’s. Din id-darba, din l-aġenzija tat l-analiżi tagħha, mhux fuq l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, iżda l-analiżi kienet tiffoka fuq bank partikolari – dak tal-Bank of Valletta (BOV). Fost analiżi oħra, l-Aġenzija Standard and Poor’s, tispeċċjalizza wkoll f’analiżi ta’ banek ewlenin li joperaw fid-diversi pajjiżi mxerrda mad-dinja kollha.

Fl-evalwazzjoni tagħhom, din l-aġenzija tħares, fost l-oħrajn, lejn il-likwidita’ tal-bank; ir-riskji fuq is-self li jkun qed jagħti l-bank u kemm jiġġenera profitti mill-operat. F’dan ir-rigward, il-BOV ħareġ bl-unuri kollha u kien imfaħħar għat-tmexxija għaqlija tiegħu. Imma Standard and Poor’s xorta dehrilhom li għandhom inaqsu l-grad li jagħtu lill-BOV; u taw ir-raġuni għaliex wasslu għal din id-deċiżjoni.

Ir-raġuni ewlenija li nagħtat għaliex taw grad inqas lill-BOV ma kienx daqstant imħabba xi nuqqas tal-Bank innifsu iżda minħabba perċezzjoni li teżisti fuq is-sistema tal-operat tal-banek Maltin. Din il-perċezzjoni mhix negattiva żiedu jgħidu, li hija minħabba l-allegazzjonijiet, li sa issa huma infundati, li qed jissemmew fil-midja.

F’kelma waħda, r-reputazzjoni tagħna saritilha ħafna ħsara. Wieħed ma jistenniex aħjar. Għid kontra Malta illum, għid kontra Malta għada, fl-aħħar il-perċezzjoni tal-barranin fuq is-settur bankarju u l-awtoritajiet regolatorji Maltin tittappan u r-riżultat ikun li l-istituzzjonijiet barranin jibdew jaraw u jevalwaw lill-entitajiet Maltin b’lenti surreali u jibdew jiġu riżultati negattivi fuqna. Dan hu każ klassiku u eżempju ċar ta x’jiġri meta ngħidu li qed issir ħsara lil pajjiżna.

Din il-kampanja ta’ ħsara fuq ir-reputazzjoni fuq l-istituzzjonijiet Maltin wasslet sabiex Rating Agency internazzjonali, għalkemm ma sabet xejn fit-tmexxija għaqlija tal-Bank ewlieni ta’ Malta, għajr li, bħal numru ta’ banek oħrajn li jkollhom xi kawża pendenti kontra tagħhom fuq xi negozju li jkun għamel tul l-operat tiegħu, ġie kkastigat minħabba l-perċezzjoni negattiva li teżisti fuq bank ieħor li jopera minn Malta. Hawn qed nirreferi għal Bank Pilatus. Minħabba l-kampanja negattiva kontra l-Bank Pilatus, spiċċa jsofri l-BOV.

Wieħed bilfors jistaqsi x’kienet ir-raġuni vera wara din il-perċezzjoni negattiva fuq il-Bank Pilatus? Forsi kien hemm xi awtorita’ regolatorja tal-banek li nvestigat lil dan il-Bank u sabet li kien involut f’dak imsejjaħ ħasil ta’ flus, bħal ma ġew misjuba ħatja banek kbar ewlenin li joperaw f’pajjiżi ewropej oħra? Ir-risposta hija le. Filfatt, wara investigazzjoni maġisterjali, instab li dawk l-allegazzjonijiet li l-Bank Pilatus kien qed għaddej b’ħasil ta’ flus u transazzjonijiet bejn l-Ażerbajġan u politiċi Maltin, kienu kollha gideb. Nafu biżżejed li din il-gidba damet titwemmen, minn min ried jemminha, għal ħmistax -ilxahar sħaħ. Tefgħat ukoll dell ikrah fuq il-Prim Ministru tagħna li wassal ukoll li jintefa’ dell ikrah fuq il-pajjiż kif ukoll fuq il-banek Maltin.

Biex issa titneħħa din il-perċezzjoni negattiva, irid jgħaddi ż-żmien. Għad fadlilna żmien twil sabiex l-effett negattiv li dak il-gideb u dawk l-allegazzjonjiet ħallew fuq Malta, imorru u Malta terġa’ tikseb ir-reputazzjoni tajba li kienet tgawdi. Sakemm dan isir, ser ikollna sitwazzjonijiet fejn Malta u organiżżazzjonijiet Maltin sejrin ikollha, inġustament, ibatu konsegwenzi negattivi. Dan hu dak li għadda minnu l-Bank of Valletta li tnaqqaslu bi grad il-credit rating tiegħu.

Ikollna namettu li hija xi ħaġa mhux sabiħa. Iżda, irid jieħu u jerfa’ r-responsabbiltà, min gideb u min mexxa l-gidba barra minn Malta, fil-Parlament Ewropew, mar-rating agencies u fil-ġurnali mad-dinja kollha. Żgur li l-Ministeru tiegħi għamel l-almu kollu tiegħu biex ixerred il-vera stampa ċara ta’ dak li qed jiġri ġewwa Malta u jtaffi xi ftit l-impatt negattiv fuqna ta’ dak il-gideb.

Fejn jidħol is-settur bankarju, b’wiċċi minn quddiem ngħid, li tul dawn l-aħħar ħames snin bħala Ministru u fl-erba’ snin ta’ qabel, meta kont membru Parlamentari Ewropew, dejjem ħdimt qatigħ biex ikun hawn iktar regolamenti u liġijiet b’saħħithom biex ikompli jonqos ir-riskju għas-settur bankarju. Permezz ta’ miżuri li ddaħħlu tul din il-medda ta’ snin, il-poplu jista’ jserraħ rasu li l-flus li wieħed iġemma u li jinvesti mal-banek, ikunu iktar fis-sigur.

Dan qed jirnexxielna nagħmluh b’miżuri bħal meta waqqafna fond ħalli jekk ikun hemm xi bank li jfalli, id-depożitanti jkollhom dan il-fond biex jieħdu flushom lura, dejjem sa ċertu ammont. Daħħalna leġislazzjoni biex il-banek inaqqsu ir-riskji li jieħdu u biex iżidu il-kapital tagħhom. Bħala pajjiż, daħħalna kull regolament li ħareġ minn istituzzjonijiet globali, bħal OECD; il-Bank Dinji; il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Unjoni Ewropeja, li kollha huma immirati biex isaħħu is-settur finanzjarju u jipproteġu l-investitur iż-żgħir. Dan l-iktar fid-dawl tal-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2018.

Illum nista’ ngħid, b’kunfidenza kbira, li l-familji Maltin jistgħu jserrħu moħħhom mill-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħna, huma rregolati u sorverjati iktar mil- qrib u aħjar biex jonqsulhom r-riskji li dawn il-banek ifallu. Fil fatt kien għalhekk li l-Bank Ċentrali stqarr pubblikament li s-settur bankarju lokali huwa wieħed b’saħħtu, reżiljenti, profitabbli u likwidu.

F’dik li hija reputazzjoni, reputazzjoni negattiva li ġibniha b’idejna, aħna rridu nħassru dan id-dell ikrah li ntefa’ fuqna. Naraw li dawn il-qlajjiet fuq l-istituzzjonijiet tagħna, jieqfu darba għal dejjem, speċjalment meta dawn il-qlajjiet ikunu bbażati fuq il-gideb.

Ma tagħmilx ġid li Malti imur jitkellem b’mod negattiv, jew kif ngħidu bl-Ingliż ‘bad mouthing’, dwar l-iktar pajjiż li suppost hu għażiż għalih, li huwa pajjiżu.

Nisperaw li minn dan kollu nisiltu tagħlima bejn il-partiti m’għandux jeħel miegħu l-pajjiż kollu. B’aġir bħal dan li sar bl-aktar mod sfaċċat minn uħud fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ibagħtu l-familji Maltin kollha.  Inkunu qed noħonqu it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż li jwassal biex jonqsu l-impjiegi. Nisperaw li t-tagħlima dawn it-talin ħaduha u jibdew jaġixxu ta’ Maltin li jħobbu l-pajjiżhom.

Orizzont 10 t’Awissu 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *