Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Riżorsi Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea

Matul din il-ġimgħa fi Brussel saret l-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Finanzi qabel ma jkun hemm pawża qasira għall-vaganzi tas-sajf.  Peress li din kienet l-aħħar laqgħa, normalment tkun waħda kajmana, b’aġenda żgħira u b’diskussjoni kemmxejn kwieta.  Minkejja dan, f’din il-laqgħa trattajna suġġett importanti ħafna magħruf bħala “own resource”.  “Own resource” jirreferi għar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea f’dak li huwa finanzjament biex jiffinanzja l-bagit.

Bħalma wieħed jista jinnota, l-baġit jieħu ftit iżjed minn 1% tal-prodott domestiku gross tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Li jiġri huwa b’din is-sistema li jaqsam l-Istati Membri f’żewġ gruppi fejn ikollok dawk li jikkontribwixxu iżjed milli jieħdu benefiċċji, u dawk li jieħdu iżjed benefiċċji milli jikkontribwixxu. Huwa għalhekk li f’sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta tinħoloq forma ta’ qasma; dan għall-fatt li ser ikollok min jagħti iżjed milli jieħu u għalhekk ma jridx li l-baġit jikber, imbagħad hemm l-oħrajn li jixtiequ li l-baġit jikber għax qed jibbenefikaw minnu.

 

Il-kriterji ta’ kif jinġabar dan id-dħul, li huwa parti mid-dħul gross nazzjonali (gross national income) jiġifieri mill-prodott domestiku gross u żżid xi ħaġa miegħu f’dak li huwa dħul u ħruġ estern minn u lejn il-pajjiż fuq il-prodott gross domestiku hemm ukoll taxxa tal-VAT li minnha wkoll l-Unjoni Ewropea tieħu ċertu dħul.

 

B’rabta ma’ din il-kwistjoni, il-Professur Mario Monti li huwa magħruf u rispettat ħafna, ħejja rapport bi ħsibijiet dwar kif nistgħu noħorġu minn din id-dilemma ta’ nofs il-pajjizi li jixtiequ jikkontribwixxu iżjed filwaqt li nofs il-pajjiżi l-oħrajn ma jixtiequx.

F’dan ir-rapport, il-Professur Monti ħareġ bil-kunċett ta’ valur addizzjonali li għall-inqas mhux inti tgħid kemm flus ħa toħroġ u kemm flus ser iddaħħal wara li tagħmel dik is-somma; imma jista jagħti l-każ, li għalkemm fuq il-karta qiegħed tagħti iżjed milli tieħu, jista jkun li dak li qed tieħu jekk tkejlu sew bħala valur addizzjonali u x’qed tibbenefika minnu issib, li qed tieħu lura kważi daqs kemm qed tagħti. Pero’ l-mod kif jiġi stmat kien ikkumplikat ħafna u allura il-kunċett tilef l-interess.

 

Kien għalhekk, li l-istess Professur Monti issuġġerixxa oħra li Unjoni Ewropea l’ quddiem għandha tiddependi iżjed fuq taxxi u fuq dħul tagħha own resources. Dan ifisser li jkun hemm sistema ta’ taxxa simili bħal dik fl-Amerika li hija magħrufa bħala t-taxxa Federali imbagħad id-dħul ma jidhirx li qed jikkontribwixxi l-pajjiż individwali direttament mill-gvern imma joħroġ permezz ta’ dan id-dħul fuq kull min jgħix fl-Unjoni Ewropea.

 

Kif wieħed jista jinnota, li ddur fejn iddur, fl-aħħar mill-aħħar wieħed ser jaqa fuq it-taxxi u dawn ħadd ma jieħu gost bihom. It-taxxi kulħadd jixtieq li d-dħul imur f’pajjiżu; it-taxxi jista wkoll jkollhom effett negattiv.  Eżempji simili li jaffetwaw lil Malta huma d-digital tax, il-financial transaction tax, is-CCCTB li hija taxxa fuq korporazzjonijiet li ma tagħmilx ġid lil pajjiżna għaliex nispiċċaw ma nibqgħux iktar kompetittivi.  Dawn huma kollha taxxi kontroversjali.

 

Kien għalhekk li fl-intervent tiegħi waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Finanzi fi Brussell, wassalt il-punt ta’ Malta li għalxejn nipproponu taxxi kontroversjali bhala “own resources”.

 

L-unika taxxa li bdiet tiġbor ftit popolarita’ bejn il-pajjiżi hija t-taxxa fuq il-plastik li ma jkunx irriċiklat.  F’dan il-kuntest hemm il-benefiċċju ambjentali u għalhekk, ma tidħolx f’kontroversja ta’ finanzi jew taxxa fuq il-korporazzjonijiet.  Jidher li kulma jmur din qed tiġi aċċettata mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

 

Jista jagħti l-każ, li minn issa sal-Baġit tal-Unjonji Ewropea (MFF) jigifieri meta jsir il-ftehim ta’ dan il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin forsi jkun hemm ftehim fuq din l-ewwel “own resource” tal-Unjoni Ewropea illi tkun tal-inqas ta’ ġid ambjentali.

 

Waqt din il-laqgħa aċċennajt ukoll dwar il-punt li ma jistax ikun noqogħdu nistennew din id-deċizjoni fuq it-taxxi u l-“own resources” tispiċċa; għax nispiċċaw li l-ftehim fuq il-Bagit li għandna bżonnu ħafna għal ġid tal-Unjoni Ewropea u li jsir qabel ma tispiċċa din is-sena, ma jiġix pospost minħabba kontroversji fuq dawn it-taxxi ġodda li qegħdin jissemmew.

 

Nittamaw li din il-priorita’ tkun dwar ftehim fuq il-Baġit (MFF) għalissa nieħduh fuq il-kriterji li għandna bħalissa id-dħul gross nazzjonali- jiġifieri fuq il-prodott u fuq id-dħul ta’ kull pajjiż kulħadd jagħti l-proporzjon tiegħu imbagħad il’ quddiem nisperaw li għal baġits li ġejjin ikun hemm ftehim aktar aħħari.

 

Il-Ġimgħa 12 ta’ Lulju 2019


Ask Edward