Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Riflessjonijiet tal-Aħħar tas-Sena

Dan iż-żmien tas-sena huwa żmien ta’ riflessjoni fejn wieħed jirrifletti fuq x’seħħ fil-passat u jipprova jbassar x’jista jiġri fil-futur.

Jekk nirriflettu x’seħħ fuq livell globali, f’dak li għandu x’jaqsam l-ekonomija, insibu li r-ritmu ekonomiku mondjali kiber b’rata kajmana u dan minħabba l-ġrajjiet u l-inċertezzi li kien hemm. Nibdew biex insemmu l-kriżi finanzjarja u ekonomika li faqqgħat għaxar snin ilu.

Wieħed jista jgħid li l-pajjiżi kollha rnexxielhom joħorġu minn din il-kriżi, bil-livell ta’ kemm kien is-suċċess ivarja minn pajjiż għal ieħor.

Pero’ ġara’ li ftit ta’ snin ilu, inħolqot inċertezza kbira f-pajjiżi kollha tad-dinja, hekk kif laħaq il-Presidentġgdid tal-iStati Uniti tal-Amerika. Il-President Trump ħass lit-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina kien qed ikun ta’ teddida għal ekonomija Amerikana u ħa d-deċiżżjoni li jdaħħal tariffi fuq prodotti mmanufatturati fiċ-Ċina. Dan wassal biex ikun hemm ġustament reazzjoni miċ-Ċina li hi ukoll introduċiet tariffi fuq prodotti immanufatturati ġewwa l-Amerika. U hekk inħolqot il-ġlieda kummerċjali.

Imbagħad insibu l-inċertezza l-oħra, dik tal-Brexit. Għal xhur sħaħ assistejna għal ping pong bejn il-partiti politiċi ewlenin fir-Renju Unit fejn, ftehim li jkun intlaħaq bejn in-negozzjaturi tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropeja, ma jiġix approvat mill-Parlament tar-Renju Unit, liema soluzzjoni wasslet għal-elezzjonijiet parlamentari bikrin. Imma, matul dan iż-żmien, nħolqot inċertezza kbira.

Dawn l-inċertezzi qed iwasslu biex ma jsirx jew jonqos l-investiment ġdid; is-setturi ekonomiċi jkunu ferm kawti qabel ma jiddeċiedu li jespandu jew li jħaddmu aktar nies; hemm tnaqqis ta’ bejgħ għax il-poplu huwa kawt fl-infiq tiegħu. Dan wassal biex ikun hemm tnaqqis fir-rata tat-tkabbir ekonomiku. Imma l-iktar ħaġa mportanti hu li m’hemm xejn ħażin fis-sistema ekonomika u allura m’hux daqshekk diffiċli lir-ritmu ekonomiku jerġa lura għalli kien u l-pajjiżi jibdew jerġgħu igawdu minn tkabbir ekonomiku b’saħħtu.

Fuq livell politiku, rajna wkoll mewġa ta’ dimostrazzjonijiet u protesti, minn żgħażagħ, f’bosta pajjiżi mifruxa madwar id-dinja. Filwaqt li r-raġuni wara dawn il-protesti tvarja minn pajjiż għal ieħor, fattur komuni hu dak li dawk li qed jipprotestaw għandhom rabja kontra xi avvenimenti li qed isiru f’pajjiżhom. U il-meżżi tal-komunikazzjoni soċjali moderni qed jiffaċilita’ il-mobiliżżazzjoni ta’ massa ta’ nies f’dawn l-attivitajiet, xi ħaġa li fil-passat anki riċenti kien ikun aktar diffiċli li tilħaq u tinvolvi daqshekk numru ta’ persuni.

Indur għal pajjiżna u rrid nirrimarka li f’dawn l-aħħar seba’ snin, irreġistrajna tkabbir ekonomuku kbir u għalkemm f’dawn l-aħħar xhur din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku naqqas xi ftit ir-ritmu, xorta għadna qed nirreġistraw tkabbir ferm ikbar minn dak li jinkiseb fil-pajjiżi l-oħra. B’dan it-tkabbir, għadna qed noħolqu aktar impjiegi.

Din kienet ħarsa fuq il-passat. Jekk issa niġu biex naraw kif ser ikun il-futur, għalkemm huwa dejjem diffiċli tagħmel previżżjonijiet, jidher li għad hemm prospetti sbieħ għal pajjiżna u anki għal pajjiżi b’mod ġenerali.

Huwa minnu li bħalissa, għaddejjin minn perijodu ta’ inċertezza iżda huwa mportanti li nħallu l-istituzzjonijiet regolatorji u tal-Forzi tal-Ordni jaħdmu u jagħmlu xogħolhom sabiex toħroġ il-verita’ kollha mingħajr ma nispekulaw. Dan ma jfissirx li noħonqu l-opinjoni tal-individwi. Xejn minn dan, iżda fl-istess ħin irridu naraw li ma nostakolawx l-andament ekonomiku bl-aġir tagħna. Irridu nkomplu naħdmu u nassiguraw li l-livell tak-għejxien tal-poplu Malti u Għawdxi jkompli jitjib.

Jidher ukoll li l-pajjiżi l-kbar li bdew il-ġlieda tat-tariffi qed jindunaw li m’hix it-triq kif wieħed jindirizza l-problema tal-iżbilanċ fil-kummerċ u qed jintbagħtu sinjali li se jkun hemm taħdidiet bejn dawn il-pajjiżi ħalli jsibu soluzzjoni madwar mejda.

F’Malta, fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Partit Laburista se jkollu mexxej ġdid u allura Prim Ministru ġdid għal Malta. Ikun min ikun il-Prim Ministru l-ġdid, li hu żgur hu li l-miżuri li ddaħħlu f’dawn l-aħħar seba’ snin se jibqgħu hemm u l-programm tal-manifest elettorali se jitkompla matul is-sentejn li ġejjin ta’ din il-leġislatura.  Kif għamilna s’issa, sejrin inkomplu u se jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet neċessarji sabiex pajjiżna jkomplu fuq l-istess ritmu ta’ ħolqien tax-xogħol u tkabbir tal-attivita’ ekonomika.

Fl-istess ħin, hu ż-żmien li naraw l-iżbalji li saru u dawn jiġu ndirizzati; naraw li dawn l-iżbalji ma jerġgħux isiru u nkomplu nirriformaw, fejn meħtieġ, l-istituzzjonijiet tagħna biex intejbu l-effiċjenza u l-operat tagħhom.

Kull investiment jibda jagħti l-frott wara ċertu żmien li jkun sar. Dan ifisser li issa sejrin nibdew ingawdu minn dak l-investiment li sar f’dawn l-aħħar sentejn u allura dan jawgura tajjeb li għal matul is-sena d-dieħla se jerġa’ jkollna tkabbir ekonomiku b’saħħtu u aktar ħolqien tax-xogħol u dan jawgura tajjeb għal-familji kollha tagħna.

Nixtieq il-familji kollha Maltin u Għawdxin Sena Ġdida mimlija Hena u Ġid.

Il-Ġimgħa 3 ta’ Jannar 2020


Ask Edward