Latest Articles, Maltese Articles


Rapporti li jxejnu l-kritika qarrieqa

Mhix l-ewwel darba li b’mod  inġenerali minn din il-paġna kkummentajt dwar id-diversi istituzzjonijiet f’pajjiżna, fosthom dawk regolatorji, dawk li jirrigwardjaw iż-żamma tal-ordni u l-ħarsien tal-liġijiet. Istituzzjonijiet li kienu u għadhom suġġetti għal kritika qawwija li għaddejja kemm f’pajjiżna, kemm f’ġurnali barranin u saħansitra twasslet anke fil-Parlament Ewropew. Kritika li tista’ twassal biss biex issir ħsara lil pajjiżna.

 

L-aktar għaxar pajjiżi sigrieti skont kif jirriżultaw mir-rapport tal-organizzazzjoni internazzjonali Tax Justice Network

 

L-argument tiegħi dejjem kien li fil-ġudizzju tiegħi din il-kritika hija esaġerata ħafna u inġusta. Il-ħasra hi li jkun irid jgħaddi ż-żmien biex iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u ssib il-proporzjon tagħha.

Inkun prużuntuż jekk ngħid li pajjiżna minn żmien għal żmien ma jkunx jeħtieġ li jagħmel eżami tal-kuxjenza, eżami tal-istituzzjonijiet tagħna biex naraw fejn hu dgħajjef u jeħtieġ jissaħħaħ. Biex naraw kif għandhom jissaħħu il-liġijiet u r-regolamenti u l-istituzzjonijiet infushom.

Imma li tgħid li pajjiżna huwa l-aktar pajjiż sigriet, korrott u mafjuż fid-dinja hija esaġerazzjoni mill-aktar goffa u barra minn lokha. Filwaqt li nirrispetta d-dritt tal-espressjoni u tal-kritika min-naħa tal-midja, nippreferi li nagħti aktar piż lill-istituzzjonijiet internazzjonali li għandhom nies esperti u li b’mod oġġettiv jikkomparaw pajjiżi ma’ ieħor. Huwa wara li jsir dan l-eżerċizzju li wieħed għandu jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

Ħmistax-il ġurnata ilu fl-artiklu tiegħi rreferejt għal dak li qalu dwar pajjiżna l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-OECD. Il-Fond Monetarju Internazzjonali kien tratta l-Iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment, skema li teżisti fi kważi nofs il-pajjiżi  membri tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tagħha l-OECD, organizzazzjoni internazzjonali esperta fuq it-taxxa, tant li anke titqabbad tagħmel dan mill-G20, iddikjarat li Malta hija fost l-aktar pajjiżi li s-sistema tat-taxxa tagħha qegħda taħdem sew u skont ir-regoli internazzjonali, speċjalment fejn jidħol qsim ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn. Trid tara dawn ir-rapporti fl-isfond ta’ dak li kien qed jingħad qabel ma saru.

Huwa hemmhekk li tkun tista’ tagħmel il-paragun u bl-aktar mod faċli tasal għall-ineżattezzi u informazzjoni żbaljata li kienet qed tingħata mill-mezzi tax-xandir dwar dawn iż-żewġ suġġetti. U huwa hawn li mbagħad tibda tifhem aħjar dwar x’seta’, u x’jista’ huwa l-iskop wara dak l-eżerċizzju ġurnalistiku kollu fil-konfront ta’ Malta.

Fil-jiem li għaddew ġie pubblikat rapport ieħor. Rapport importanti ħafna minn organizzazzjoni internazzjonali jisimha Tax Justice Network. Xogħol din l-organizzazzjoni huwa li toħroġ indiċi mħejji minn esperti wara li jkunu flew sewwa l-leġislazzjoni tal-pajjiż kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istess leġislazzjoni dwar suġġett wieħed – is-segretezza. Normalment l-indiċi preparat ikun imsejjes fuq 15-il indikatur. Din id-darba kien imsejjes fuq 20 indikatur.

 

Minkejja kollox sodisfatti li rapporti bħal dawk li semmejt ħmistax ilu u dak li qiegħed nirreferi għalih illum, maħruġ minn Tax Justice Network, ixejnu għal kollox kull kritika qarrieqa li saret fil-konfront ta’ pajjiżna. Sadattant aħna persważi li tul is-sena, sentejn li ġejjin pajjiżna se jkompli jissaħħaħ.

 

Il-Panama għandha l-fama li għandha minħabba s-segretezza tagħha. Imma meta wieħed jikkompara lid-diversi pajjiżi, inkluż Malta, b’dan l-indiċi ta’ segretezza imsejjes fuq 20 indikatur, naħseb li jieħu sorpriża. Sorpriża għax meta tagħmel analiżi oġġettiva u mhux minn sfond partiġġjan ta’ dan ir-rapport issib li l-aktar pajjiż sigriet fid-dinja mhux il-Panama imma pajjiż Ewropew, l-Isvizzera.

It-tieni l-aktar pajjiż sigriet, forsi b’sorpriza għal uħud imma mhux għal oħrajn, huma l-Istati Uniti tal-Amerika. Fl-istat ta’ Delaware s-segretezza tal-kumpaniji, fuq l-affarijiet ta’ kunfidenzjalità, billi ma jkun hemm xejn pubbliku, hija kompleta.

Huwa ovvju li bħala Maltin u Għawdxin infittxu f’dan ir-rapport biex naraw fejn tikklassifika Malta. Araw kemm ilna nisimgħu, ma jirriżultax li Malta hija pajjiz tax haven. Ma jirriżultax li Malta hija l-aktar pajjiż sigriet kif ippruvaw ipinġuna fil-Parlament Ewropew. Malta la kklassifikat fl-ewwel post, la fit-tieni, u lanqas fit-tielet. Malta kklassifikat fl-20 post.

Imma mhux din il-klassifikazzjoni biss hija interessanti. Interessanti wkoll huwa l-fatt li l-akbar pajjiż Ewropew, il-Ġermanja, jikklassifika fis-seba’ post għal dik li hija segretezza. Il-Ġermanja hija ferm aktar sigrieta minn Malta. Imma sadattant l-aktar żewġ Membri Parlamentari Ewropej li huma kritiċi fuq Malta dwar is-segretezza huma Ġermaniżi, b’wieħed minnhom Chairman tal-Kumitat Pana.

Ferm u ferm aktar interessanti hija l-mistoqsija naturali lil dawn iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Ġermaniżi: se jmorru f’pajjiżhom, bħalma għamlu f’pajjiżna, u jibagħtu għall-politiċi kbarat tagħhom biex jistaqsuhom għala l-pajjiż, il-Ġermanja, ikklassifikat fost l-ogħla 10 pajjiżi għal dik li hija segretezza?

Mir-rapport tal-organizzazzjoni Tax Justice Network, li kif spjegajt aktar ‘il fuq hija rispettata minn kulħadd, tirriżulta informazzjoni mill-aktar interessanti għal dak li jirrigwarda ħasil ta’ flus. Ir-rapport jgħid li l-Ġermanja qed tattira lejha attività sostanzjali ta’ ħasil ta’ flus. Jirriżulta illi minn stima tal-Ministeru għall-Finanzi Ġermaniż matul is-sena 2014 it-total ta’ flus li inħaslu fil-Ġermanja jilħaq €100 biljun!! Ċifra esorbitanti!!

 

 

Imma mhux hekk biss. Il-Ġermanja sfat kritikata dwar is-sorveljanza tagħha kontra l-ħasil ta’ flus. Dan minħabba l-fatt li tali superviżjoni, qed nirreferi għall-FIAU tagħha, hija fragmentata, mifruxa biċċiet f’aktar minn 100 aġenzija bil-konsegwenza li s-sistema m’għandhiex il-kapaċitajiet neċessarji biex tinforza b’mod effettiv ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus.

Intenni d-dubji tiegħi jekk il-Kumitat Pana jew il-Kumitat Paradise li għad irid jinħatar mill-Parlament Ewropew hux beħsiebu jmur il-Ġermanja u l-Amerika bħalma għamel fir-rigward tagħna u jibgħat għall-Kanċillier Ġermaniża u l-President Amerikan biex jgħarbilhom dwar dak li qed jiġri f’pajjiżhom. Ma rridx nitqies li qiegħed nikkritika lill-ebda pajjiż għax nifhem li kull pajjiż għandu l-problemi tiegħu imma l-fatti jibqgħu fatti. L-importanti huwa li jsir ix-xogħol biex is-sitwazzjoni titjieb.

Fil-fatt aħna, bħala Ministeru tal-Finanzi, matul din is-sena, se jkunu qegħdin iżuruna żewġ missjonijiet internazzjonali. F’Novembru ġejja Moneyval u aktar kmieni ġejja delegazzjoni tal-FSAP mill-Fond Monetarju Internazzjonali, it-tnejn b’konnessjoni ma’ ħasil ta’ flus, it-tnejn fuq l-istabilità finanzjarja. Huwa fl-interess tagħna li nkunu preparati tajjeb biex nuru lid-dinja li pajjiżna mhux dak li qegħdin ipinġuh David Casa u sħabu fil-Parlament Ewropew.

Għal dan il-għan qabbad konsulenti internazzjonali biex jagħmlu dak li jgħidulu risk assessment. Biex jgħidulna fejn huma r-riskji f’pajjiżna, minn liema setturi u x’jista’ jsir biex ikun hemm aktar kordinazzjoni bejn l-FIAU, l-MFSA, il-Bank Ċentrali u l-Economic Crime Unit tal-Pulizija.

Dan ix-xogħol qegħdin nagħmluh u qegħdin naħdmu wkoll fuq pjan nazzjonali bi skeda biex issa abbażi ta’ dawk in-nuqqasijiet li kull pajjiż ikollu nibdew insaħħuhom b’mod xjentifiku. Għandna biċċa xogħol kbira quddiemna li diġà bdejniha. L-interess ta’ kull pajjiż huwa li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu u mhux jikkritikahom bil-għan li jkissirhom. Għax jekk tkissirhom tkun trid terġa’ tibnihom mill-ġdid apparti li tkun tlift il-fiduċja.

Inħossni ġustifikat meta ngħid li ma nħossux li mill-Parlament Ewropew qegħdin ikunu ġusti magħna bħala pajjiż. Ma tkunx ġust meta lil pajjiż żgħir titrattah b’mod differenti minn pajjiż kbir aktar u aktar meta l-pożizzjoni tiegħu tkun agħar minn tagħna. Kull pajjiż, hu x’inhu d-daqs tiegħu, għandu s-sovranità tiegħu. Ir-rispett u l-istima lejn is-sovranità ta’ pajjiż ma jiddependux mid-daqs tal-pajjiż. Kull pajjiż, bħal kull bniedem, għandu jkun stmat b’mod ekwu.

Minkejja kollox sodisfatti li rapporti bħal dawk li semmejt ħmistax ilu u dak li qiegħed nirreferi għalih illum, maħruġ minn Tax Justice Network, ixejnu għal kollox kull kritika qarrieqa li saret fil-konfront ta’ pajjiżna. Sadattant aħna persważi li tul is-sena, sentejn li ġejjin pajjiżna se jkompli jissaħħaħ.

 

– 9 ta’ Frar, 2018


Ask Edward